Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament peress li l-kont tad-dawl ġie ‘l fuq minn €194 fejn is-soltu kien jiġi bejn l-€40 u l-€50?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dettalji tal-individwu ingħataw lill-ARMS biex tistħarreġ dan l-ilment.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu li l-Gvern diġà beda diskussjonijiet dwar il-bejgħ u trasferiment tal-assi tal-Enemed lill-privat? Meta bdew id-diskussjonijiet dwar il-bejgħ ta' din l-entità? Ma min qed isiru d-diskussjonijiet dwar il-bejgħ tal-Enemed?
Response (MIZZI, JOE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għad-diskors tiegħi waqt Seduta Parlamentari numru 157 ta’ nhar il-Ġimgħa 2 ta’ Novembru 2018.
Jista' l-Ministru jgħid jekk ir-Reverse Osmosis ġdid f’Ħondoq ir-Rummien bediex jipproduċi ilma u jekk iva, jista’ jagħti kemm il-kubu ilma ġie prodott minn dan ir-RO sal-lum? Jekk dan ir-Reverse Osmosis għadu ma bediex jipproduċi ilma, jista' jgħid meta hu mistenni li jibda jipproduċi ilma? Jista’ jgħid ukoll kemm kienet jew ser tkun l-ispiża totali fuq dan ir-RO?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tender għar-Reverse Osmosis ġdid f’Ħondoq ir-Rummien qiegħed fit-tmiem tal-proċess u dalwaqt ikun iffirmat il-kuntratt.
Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament sabiex il-kont tad-dawl tad-dar tagħha jiġi ċċekkjat peress li ġie għoli aktar mis-soltu? Jista’ jara wkoll jekk l-arloġġ tad-dawl huwiex qed jaħdem kif suppost?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dettalji tal-individwu ingħataw lill-ARMS biex tistħarreġ dan l-ilment.
Mosta — Triq Patri Ġużè Delia - sistema tad-drenaġġ
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-pjanijiet tal-Water Services, għas-sistema tad-drenaġġ li għaddejja minn Triq Patri Ġużè Delia fil-Mosta fiż-żona ta' Żokrija fejn hemm żieda kbira ta' bini ta' appartamenti peress li din is-sistema ta' drenaġġ baqgħet dik li kienet u li issa qed tispiċċa b'drenaġġ jiżbroffa fil-garaxxijiet li huma basement fl-istess triq?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, skont l-informazzjoni li għandha, kellha notifikazzjoni waħda biss ta’ żbroff ġewwa proprjeta’ privata u dan minħabba sadd li kien hemm fis-sistema tad-drenaġġ waqt maltemp qawwi. Għaldaqstant il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tikkonferma illi s-sistema tad-drenaġġ fi Triq Patri Ġuże Delia, Mosta tiflaħ sew għad-domanda li hemm fl-inħawi. Aktar minn hekk, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qed tinvestiga x’wassal għal dak is-sadd li kkaġuna żbroff fi proprjeta’ privata.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm impjegati u f’liema grad, ġew impjegati mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) mill-1 ta’ Ġunju 2017 sal-1 ta’ Diċembru 2017, xahar b’xahar?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn Ġunju 2017 u Diċembru 2017 ħarġu żewġ sejħiet għal applikazzjoni ta’ Draughstperson u Managing Professional u dawn ġew mimlija.
Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament peress li tikkonferma li ma kellhiex leakage iżda li kien hemm biss bużżieqa tal-arja u peress li l-kont ġie tliet elef ewro tnaqsulha elf ewro biss?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dettalji tal-individwu ġew mgħoddija lill-entita’ konċernata biex tisħarreġ dan l-ilment.
Ministeru għall-Enerġija u l-Immaniġjar tal-Ilma — servizzi ta’ konsulenza minn individwu
Question
Jista' l-Ministru jgħid, x'impjieg, servizzi ta' konsulenza jew xort'oħra kellu jew għad għandu l-persuna li d-dettalji dwaru qegħdin jingħataw separatament, mal-Ministeru tiegħu u mal-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu sena b'sena, mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid ukoll, sena b'sena, kemm tħallas dan l-individwu għas-servizzi tiegħu? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' kwalunkwe kuntratt iffirmat bejn il-Ministeru tiegħu u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu u l-individwu msemmi?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li l-persuna msemmi m’għandux u qatt ma kellu x’impjieg jew servizzi ta’ konsulenza taħt id-dekasteru tiegħi fil-perjodu msemmi.
Power Station ta’ Delimara – inkjesta dwar il-kwalità tal-fuel mixtri
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-inkjesta li l-Imħallef li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament intalab jagħmel fl-aħħar leġislatura dwar il-kwalità tal-fuel mixtri għall-power station ta’ Delimara, hijiex lesta?
Response (MIZZI, JOE)
Jien infurmat li l-inkjesta msemmija minnu għadha pendenti.
Għawdex — Impjant tat-trattament tad-drenaġġ – second class water għall-bdiewa
Question
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett biex second class water mill-impjant tat-trattament tad-drenaġġ jitwassal għand il-bdiewa Għawdxin? Jista' jgħid bħalissa kemm hemm bdiewa f'Għawdex li qed jibbenefikaw minn dan l-ilma u kemm-il kubu ta' ilma ntuża s’issa mill-bdiewa Għawdxin?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-impjant ġie inawgurat f’Awwissu ta’ din is-sena u beda jitqassam l-ilma minn tlett dispensing points. In-numru ta’ bdiewa li applikaw għal dan is-servizz huwa ta’ 68 li bejniethom ikkunsmaw 7200m3. Bħalissa l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qegħdha fil-proċess li tipprepara t-tender ħalli tkun tista tikber il-firxa tan-network sabiex jinqdew iżjed bdiewa.
Ministeru għall-Enerġija u Immaniġġar tal-Ilma — festini, parties, riċevimenti, ikliet u xiri ta’ alkoħol - nefqa
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa f’kull entità li għaliha hu responsabbli f’festini, parties, riċevimenti, ikliet u xiri ta’ alkoħol u simili mill-2013, sena b’sena, sad-data li fiha tkun imwieġba din l-interpellanza?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-ammont ta' high-voltage cables li nxtraw mill-Enemalta bejn l-1 ta' Jannar 2015 u t-30 ta' Settembru 2018? Jista’ jgħid għal liema prezz inxtraw, u jindika liema nxtraw b'tender, b’quotation jew b’direct order?
Response (MIZZI, JOE)
L-Informazzjoni mitluba għal perjodu ta’ Jannar 2015 sal-lum għandha valur kummerċjali għall-kumpanija Enemalta plc. Minħabba f’hekk, l-iżvelar tat-tagħrif mitlub jista’ jippreġudika n-negozju tal-istess Kumpanija.
Jista’ l-Ministru jgħid min kienu s-CEOs tal-ARMS Ltd mill-2013 sal-lum? Min hu s-CEO illum u sa meta hu l-kuntratt tiegħu?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija skond is-segwenti tabella.
Wilfred Borg
14 ta’ Ottubru 2010 – 2013
Henry Attard
18 ta’April – 31 ta’ Lulju 2013 (
Interim CEO
)
James Davis
15 ta’ Awwissu 2013 – 30 ta’Mejju 2014
Carmen Ciantar
1 ta’ Ġunju 2014 – 3 ta’ Lulju 2016
David Magro
6 ta’ Ottubru 2016 – 23 ta’ Ottubru 2017
Lawrence Cauchi
15 ta’ Novembru 2017 – 16 ta’ Mejju 2018
John Attard
17 ta’ Mejju 2018 – CEO kurrenti
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-ARMS Ltd hux qed titfa’ flus direttament fil-kont tal-klijenti li għandhom il-panelli u jkollom jieħdu l-flus minn ARMS Ltd għax jikkunsmaw anqas milli jipproduċu?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ARMS Ltd għandha formoli biex kull min ikollu l-pannelli fotovoltajiċi nstallati jinformaha (lil ARMS) bl-IBAN Number ħalli fejn ikun hemm kreditu aktar minn konsum, ARMS Ltd tgħaddi l-flus dirett fil-kont bankarju tal-klijent rispettiv. Ta’ min jgħid li mhux il-klijenti kollha jagħżlu dan il-metodu ta’ refużjuni. Hemm min espressament ma jkunx irid, u għaldaqstant jinħareġ pagament b’ chequemeta tintalab refużjoni.
ARMS Ltd – differenza bejn meter reader u agent meter reader
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi d-differenza fix-xogħol u fil-paga bejn Meter Reader u Agent Meter Reader mal-ARMS Ltd fi ħdan il-Ministeru għall-Enerġija u l-Immaniġġar tal-Ilma? Kemm hemm u kemm hemm bżonn li jkun hemm għal full complement għal Meter Readers u Agent Meter Readers?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol ta’ Meter Reader u Agent Meter Reader huma l-istess.
L-istruttura tal-
Collective Agreement
fiha 7 gradi fejn il-
Meter Reader
jaqa’ fil-grad t’
Agent
bħal ma’ huma l-
clerks
. Il-paga bażika fl-2018 hija ta’ €13,575 fis-sena.
Ninsab infurmat li bħalissa ARMS Ltd għandha 15 il-
Meter Reader
li 4 minnhom ser jirtiraw fl-2019 u 2 oħra huma mpjegati tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu direttivi sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija a tenur tal-Kap. 545 mill-Att dwar ir-Regolator għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS) u jekk inħarġu jista’ jagħti lista b’mod kronoloġiku u jispjega dwar xiex kienet titratta kull direttiva minnhom?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma nħarġu ebda direttivi a tenur tal-Kap. 545 l-Att dwar ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (‘REWS’).
Regolatur għas-Servizzi tal-Energija u l-Ilma – regolamenti tal-proċeduri għal ħruġ ta’ direttivi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk qattx saru xi regolamenti taħt il-Kap. 545 liema regolamenti jippreskrivu l-proċeduri li r-Regolatur għas-Servizzi tal-Energija u l-Ilma jrid isegwi meta joħrog direttiva? Jekk iva jista’ jgħid liema huma dawn ir-regolamenti li saru għal dan il-għan?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma nħarġu ebda regolamenti taħt il-Kap. 545 liema regolamenti jippreskrivu l-proċeduri li r-Regolatur għas-Servizzi tal-Energija u l-Ilma jrid isegwi meta joħrog direttiva.
Jista' l-Ministru jara li l-ammont ta' bozoz maqtugħin/mitfija li hemm fil-Bypass tal-Mellieħa minn ħdejn il-Pompa tal-Petrol li tinsab fi Triq Qasam Barrani sat-tarf tal-bypass, direzzjoni lejn l-Għadira, jerġgħu jinxtegħlu?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid meta l-impjant tal-Enemed f’Birżebbuġa magħruf bħala 31 ta’ Marzu, se jiżżarma kompletament?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-impjant tal-Enemed f’Birżebbuġia, magħruf bħala l-31 ta’ Marzu, se jieqaf jintuża mill-Enemed f’Diċembru 2019, meta huwa maħsub li l-impjant il-ġdid ta’ Ħas-Saptan ikun ‘fully operational’. Fl-istess żmien l-impjant jingħata lura lis-sidien tiegħu, jiġifieri l-Enemalta biex ikompli d-decommissioning tiegħu.