Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il darba nqatgħet il-provvista tal-elettriku fil-Mellieħa mill-1 ta’ Ġunju 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? F’kull każ, tista’ tgħid fejn seħħ il-qtugħ u kemm dam? Tista’ tgħid ukoll x’azzjonijiet ittieħdu sabiex ma jerġax jinqata’ d-dawl f’dawn l-inħawi?
Response (DALLI, MIRIAM)
Enemalta kompliet tinvesti b’mod sostanzjali fit-tisħiħ tan-network tad-distribuzzjoni fil-Mellieħa matul dawn l-aħħar sentejn. Fost l-oħrajn, fl-2025 tlestew madwar erba’ kilometri ta’ cables ġodda ta’ vultaġġ medju taħt l-art fil-Mellieħa bħala parti minn programm nazzjonali ta’ rinfurzar tan-network sabiex tiżdied ir-reżiljenza u l-flessibbiltà tas-sistema tad-distribuzzjoni. Barra minn hekk, il-lokalità bbenefikat minn investimenti oħrajn fin-network li kienu jinkludu substations ġodda, feeders ġodda u konnessjonijiet alternattivi biex titjieb l-affidabbiltà tal-provvista tal-elettriku.
F’nofs Lulju u lejn l-aħħar t’Awwissu 2026 pajjiżna ffaċċja żewġ mewġiet ta’ sħana estrema li poġġew pressjoni bla preċedent fuq in-network tad-distribuzzjoni, tant li fl-ewwel okkażjoni d-domanda għall-elettriku laqħet livell rekord ta’ 741MW. Din is-sitwazzjoni affettwat l-infrastruttura tal-enerġija, kif ġara anke f’pajjiżi oħra fl-Ewropa. F’dan il-perjodu seħħew interruzzjonijiet f’partijiet tal-lokalità l-iżjed fuq partijiet tan-network ta’ vultaġġ baxx. L-impjegati tal-Enemalta ħadmu bla waqfien u mmobilizzaw kull riżorsa biex taw lura l-provvista b’mod sigur u fl-iqsar żmien li kien umanament possibbli.
Filwaqt li l-investimenti li saru fuq in-network ta’ vultaġġ medju taw ir-riżultati mistennija u kkontribwew għal sistema aktar reżiljenti u flessibbli, l-Enemalta identifikat il-ħtieġa ta’ aktar interventi mmirati fuq partijiet tan-network ta’ vultaġġ baxx f’partijiet tal-lokalità, li għalihom qed jiġu ppjanati u mwettqa aktar xogħlijiet ta’ rinfurzar.
San Pawl il-Baħar – Qtugħ fil-provvista tal-elettriku
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il darba nqatgħet il-provvista tal-elettriku f’San Pawl il-Baħar mill-1 ta’ Ġunju 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? F’kull każ, tista’ tgħid fejn seħħ il-qtugħ u kemm dam? Tista’ tgħid ukoll x’azzjonijiet ittieħdu sabiex ma jerġax jinqata’ d-dawl f’dawn l-inħawi?
Response (DALLI, MIRIAM)
Enemalta kompliet tinvesti b’mod sostanzjali fit-tisħiħ tan-network tad-distribuzzjoni f’San Pawl il-Baħar matul dawn l-aħħar sentejn. Fost l-oħrajn, fl-2025 tlestew madwar 18-il kilometru ta’ cables ġodda ta’ vultaġġ medju taħt l-art f'San Pawl il-Baħar bħala parti minn programm nazzjonali ta’ rinfurzar tan-network sabiex tiżdied ir-reżiljenza u l-flessibbiltà tas-sistema tad-distribuzzjoni. Barra minn hekk, il-lokalità bbenefikat minn investimenti oħrajn fin-network li kienu jinkludu substations ġodda, feeders ġodda u konnessjonijiet alternattivi biex titjieb l-affidabbiltà tal-provvista tal-elettriku.
F’nofs Lulju u lejn l-aħħar t’Awwissu 2026 pajjiżna ffaċċja żewġ mewġiet ta’ sħana estrema li poġġew pressjoni bla preċedent fuq in-network tad-distribuzzjoni, tant li fl-ewwel okkażjoni d-domanda għall-elettriku laqħet livell rekord ta’ 741MW. Din is-sitwazzjoni affettwat l-infrastruttura tal-enerġija, kif ġara anke f’pajjiżi oħra fl-Ewropa. F’dan il-perjodu seħħew interruzzjonijiet f’partijiet tal-lokalità l-iżjed fuq partijiet tan-network ta’ vultaġġ baxx. L-impjegati tal-Enemalta ħadmu bla waqfien u mmobilizzaw kull riżorsa biex taw lura l-provvista b’mod sigur u fl-iqsar żmien li kien umanament possibbli.
Filwaqt li l-investimenti li saru fuq in-network ta’ vultaġġ medju taw ir-riżultati mistennija u kkontribwew għal sistema aktar reżiljenti u flessibbli, l-Enemalta identifikat il-ħtieġa ta’ aktar interventi mmirati fuq partijiet tan-network ta’ vultaġġ baxx f’partijiet tal-lokalità, li għalihom qed jiġu ppjanati u mwettqa aktar xogħlijiet ta’ rinfurzar.
Is-Swieqi, Pembroke, San Ġiljan u l-akkwati – Monitoraġġ tal-kwalità tal-arja
Question
Tista’ l-Ministru tgħid x’monitoraġġ tal-kwalità tal-arja u tal-emissjonijiet qed isir fiż-żona tas-Swieqi, Pembroke, San Ġiljan jew lokalitajiet fil-viċin fejn qed jiġu rrappurtati irwejjaħ qawwija, dħaħen u emissjonijiet li allegatament ġejjin mill-impjant li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, u jekk dan jinkludix monitoraġġ waqt il-ħinijiet meta r-residenti jirrappurtaw li l-problema tkun tinħass l-aktar?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) tagħmel monitoraġġ tal-kwalità tal-arja b’mod regolari fil-lokalitajiet imsemmija permezz ta’ diffusion tubes installati f’dawn it-toroq:
San Ġiljan
Triq San Ġorġ – nitrogen dioxide u volatile organic compounds (benzene);
Triq Claire E. Engel – nitrogen dioxide.
Is-Swieqi
Triq Sant’ Andrija – nitrogen dioxide u volatile organic compounds (benzene);
Triq Esprit Barthet – nitrogen dioxide.
Pembroke
Triq P. D’Armenia – nitrogen dioxide u sulphur dioxide.
Ir-riżultati ta’ dan il-monitoraġġ huma disponibbli fuq medja ta’ xahar. Il-monitoraġġ permezz tad-diffusion tubes isir matul il-perjodu kollu ta’ teħid tal-kampjuni u r-riżultati jiġu evalwati fuq medja ta’ xahar. Dan il-metodu huwa maħsub biex jevalwa l-kwalità tal-arja ambjentali b’mod ġenerali.
Mill-perspettiva tal-kwalità tal-arja ambjentali, in-netwerk ta’ monitoraġġ tal-ERA jissodisfa l-obbligi li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwalità tal-arja ambjentali. F’dan il-kuntest, in-netwerk huwa mfassal biex jevalwa l-kwalità tal-arja b’mod ġenerali.
Is-Swieqi, Pembroke, San Ġiljan u l-akkwati – Ilmenti dwar irwejjaħ u emissjonijiet
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Ministeru jew l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) irċevewx ilmenti mingħand residenti tas-Swieqi, Pembroke, San Ġiljan jew lokalitajiet fil-viċin dwar irwejjaħ qawwija, dħaħen u emissjonijiet li allegatament ġejjin mill-impjant li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, b’mod partikolari matul il-ħinijiet ta’ filgħaxija u billejl?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li mill-1 ta’ Jannar 2026 sal-31 ta’ Awwissu 2026, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) ma rċevietx ilmenti fuq is-sistema tagħha dwar irwejjaħ, dħaħen jew emissjonijiet mill-impjant inkwistjoni li kienu identifikati bħala ġejjin mil-lokalitajiet tas-Swieqi, Pembroke jew San Ġiljan. Matul l-istess perjodu, l-ERA rċeviet tmintax-il ilment relatati ma’ dan l-impjant minn residenti tal-Iklin, in-Naxxar u San Ġwann.
Il-Fgura – Triq Ħaż-Żabbar – Qtugħ fil-provvista tal-elettriku
Question
Tista' l-Ministru tgħid għalfejn l-inħawi ta' Triq Ħaż Żabbar, il-Fgura, qed jesperjenzaw qtugħ frekwenti fil-provvista tal-elettriku? Tista' tgħid kemm kien hemm rapporti dwar dan minn Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, u x'inhu l-pjan biex din il-problema tissolva?
Response (DALLI, MIRIAM)
Enemalta wettqet diversi xogħlijiet ta’ tisħiħ tan-network tad-distribuzzjoni tal-elettriku fil-Fgura u fl-inħawi tal-madwar matul l-aħħar snin, u qed tkompli twettaq aktar investimenti u xogħlijiet ta’ rinfurzar fil-lokalità sabiex issaħħaħ l-affidabbiltà u r-reżiljenza tal-provvista. Billi Triq Ħaż-Żabbar, il-Fgura, hija waħda distributorja u twila mhux ħażin tant li hija fornuta minn diversi substations, nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jindika ż-żona konċernata b’mod aktar speċifiku.
Iż-Żejtun – Triq San Mikiel – Problemi ta’ vultaġġ
Question
Tista' l-Ministru tgħid għalfejn l-inħawi ta' Triq San Mikiel, iż-Żejtun, qed jesperjenzaw problemi ta' vultaġġ fil-provvista tal-elettriku? Tista' tgħid ukoll kemm kien hemm rapporti dwar dan minn Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, u x'inhu l-pjan biex din il-problema tissolva?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li mill-1 ta’ Jannar 2024 sad-data tat-tweġiba ta’ din il-mistoqsija parlamentari ġew reġistrati tliet rapporti. L-investigazzjonijiet li saru mill-Enemalta ma indikawx problema fil-provvista tal-elettriku f’dawn l-inħawi. Madankollu, bħala parti mill-programm kontinwu tagħha, Enemalta qed tippjana aktar investimenti fl-infrastruttura li sservi ż-żona biex tkompli ssaħħaħ il-kwalità u l-affidabbiltà tas-servizz.
Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet ta’ manutenzjoni saru f’Wied Fulija, fiż-Żurrieq, sa qabel ir-riġenerazzjoni fl-2021?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qabel inbidlet f’Park, Wied Fulija fiż-Żurrieq kienet miżbla. Fl-2019, WasteServ bdiet proġett ta’ riabilitazzjoni u restawr ambjentali kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea li tlesta u ġie inawgurat fl-2021. Ix-xogħlijiet li saru kienu jinkludu l-istabbilizzazzjoni tal-iskart, siġillar ta’ dan l-iskart b’sistema adattata, passaġġi u t-tħawwil ta’ madwar 43,000 siġra u arbuxell indiġeni biex iż-żona ġiet integrata fl-ambjent naturali tagħha u l-pubbliku seta’ jibda jaċċessa u jgawdi ż-żona b’mod sigur.
Permezz ta’ dan il-proġett, flok miżbla nħoloq spazju miftuħ għall-pubbliku ta’ madwar 91,000 metru kwadru fiż-Żurrieq u l-inħawi tal-madwar. Is-sit għadu taħt ir-responsabbiltà ta’ WasteServ, li tkompli tmexxi u tieħu ħsieb il-manutenzjoni tiegħu bħala spazju aħdar aċċessibbli għall-pubbliku.
Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet ta’ manutenzjoni saru fil-Park ta’ San Klement, f’Ħaż-Żabbar, sa qabel ir-riġenerazzjoni fl-2020?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Park ta’ San Klement huwa fost l-akbar spazji miftuħa naturali li jinsabu fin-Nofsinhar ta’ Malta b’40 tomna t’art. Dan kien proġett fejn żona abbandunata ġiet trasformata f’park naturali.
Ix-xogħlijiet biex is-sit sar park fl-2020 kienu jiffokaw prinċipalment fuq it-tindif tas-sit, inkluż it-tneħħija ta’ materjal veġetattiv, skart domestiku, apparat mormi u materjal tal-kostruzzjoni. Sussegwentement saru x-xogħlijiet biex iż-żona nbidlet f’park li għandu diversi partijiet li huma adattati għall-pikniks, kif ukoll għal attivitajiet rikreattivi oħra qalb numru kbir ta’ siġar taż-Żebbuġ, waqt li t-tfal jistgħu jgawdu minn spazju għal-logħob. Fil-park hemm ukoll anfiteatru li hu ideali għal taħditiet u attivitajiet ta’ divertiment.
Il-park kompla ġie estiż fl-2023 fejn żona li kienet tintuża għal rimi llegali ta’ skart inbidlet fi ġnien, kif ukoll tlestiet korsa tal-ostakli (OCR) l-ewwel tat-tip tagħha li qatt saret f'park pubbliku f'Malta. Il-korsa waħedha tkopri aktar minn 2,700 metru kwadru.
Ministeru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir – Direct orders ta' inqas minn €5,000
Question
Tista' l-Ministru tagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru tagħha, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha matul Lulju 2026?
Iċ-Ċittadin, l-Ambjent u l-Iżvilupp 2026 – Sponsorship/appoġġ finanzjarju
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Ministeru tagħha, jew xi entità, aġenzija jew awtorità li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tagħha, sponsorjatx jew tat xi forma ta’ appoġġ finanzjarju għall-avveniment bl-isem “Iċ-Ċittadin, l-Ambjent u l-Iżvilupp 2026”? Jekk iva, tista’ tgħid ukoll liema entità jew entitajiet taw dan l-isponsorship jew appoġġ, kemm kien l-ammont imħallas jew imwiegħed minn kull waħda minnhom, u lil min sar jew se jsir il-ħlas? Tista’ wkoll tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ kull kuntratt, ftehim, sponsorship agreement, purchase order jew dokument ieħor li abbażi tiegħu sar jew se jsir dan il-ħlas?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) tat appoġġ għall-konferenza “Iċ‑Ċittadin, l‑Ambjent u l‑Iżvilupp 2026”, organizzata minn Union Print.
Tista' l-Ministru tindika r-riżorsi umani u finanzjarji mogħtija mid-Dipartiment għall-Indafa Pubblika lill-Kunsill Lokali ta' Marsaskala għaż-żamma tal-istess lokalità?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.
Tista' l-Ministru tgħid xi pjanijiet hemm għall-ġejjieni sabiex isir l-investiment meħtieġ sabiex tittejjeb is-sitwazzjoni tal-immaniġġjar tal-iskart fil-lokalità ta' Marsaskala?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.
Tista' l-Ministru tindika r-riżorsi allokati għall-immaniġġjar tal-iskart fil-lokalità ta' Marsaskala tramite r-Reġjun Nofsinhar, liema lokalità qed tiffaċċja sfidi kbar fl-immaniġġjar tal-iskart domestiku u kummerċjali?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm pazjenti użaw il-klinika tal-annimali fil-Fgura? Tista’ tgħid ukoll kemm minn dawn il-pazjenti ġew trattati bħala emerġenza, u allura ngħataw lura l-flus ta' hekk kif daħlu ġewwa l-klinika skont il-ħin li ddaħħlu, u kemm ma ġewx aċċettati bħala emerġenza?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-informazzjoni disponibbli hija fuq livell ta’ każijiet, mhux ta’ pazjenti uniċi. B’kollox kien hemm 2,080 każ/applikazzjoni marbuta mal-użu tal-klinika tal-annimali fil-Fgura.
Minn dawn:
· 1,684 (80.96%) ġew approvati bħala emerġenza u ngħataw rifużjoni approvata li kollettivament tammonta għal €237,210
· 183 (8.8%) ġew miċħuda, jiġifieri ma ġewx aċċettati bħala emerġenza
· 213 (10.24%) qed jiġu proċessati
Tajjeb li jiġi ċċarat li kull viżta li tidħol fil-ħinijiet uffiċjali tal-emerġenza veterinarja jiġu awtomatikament ikkunsidrati għal rifużjoni tal-miżata tal-konsulta veterinarja.
Il-Gvern jirrifondi biss il-ħlas tal-konsultazzjoni tal-emerġenza. Il-ħlasijiet huma:
· €70 għal emerġenza nhar il-Ħadd jew festa pubblika (il-ġurnata kollha);
· €140 għal emerġenza bejn 8pm u 10pm;
· €190 għal emerġenza bejn 10pm u 8am.
M’hemmx rifużjoni fuq spejjeż bħal mediċini, X-rays, kirurġija, ospitalizzazzjoni u testijiet oħra u konsumibbli.
Tista’ l-Ministru tgħid fiex wasal l-isptar tal-annimali ġewwa Ta’ Qali, issa li ilu magħluq 'il fuq minn sentejn?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li x-xogħlijiet infrastrutturali ewlenin fl-Isptar tal-Annimali f’Ta’ Qali ġew konklużi. Il-proġett bħalissa jinsab fl-istadju ta’ tlestija tal-proċessi meħtieġa għar-rilokazzjoni, l-installazzjoni, il-kummissjonar u ċ-ċertifikazzjoni tat-tagħmir u s-sistemi relatati, kif ukoll l-indirizzar ta’ numru ta’ punti pendenti. Barra minn hekk, għadhom għaddejjin il-verifiki u l-proċessi meħtieġa sabiex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti regolatorji, operattivi, kuntrattwali u proċedurali kollha qabel il-faċilità tkun tista’ tibda topera b’mod sħiħ.
Tista’ l-Ministru tgħid fiex waslu l-investigazzjonijiet wara li nstabet pantera f’Bormla 'l fuq minn sitt xhur ilu?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-investigazzjoni twettqet mill-Korp tal-Pulizija u li matulha ntalbet l-assistenza tad-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali. Kwalunkwe informazzjoni dwar l-istatus jew l-eżitu tal-investigazzjoni, kif ukoll dwar kwalunkwe azzjoni li setgħet ittieħdet bħala riżultat tagħha, taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Korp tal-Pulizija. Għaldaqstant, id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali mhuwiex f’pożizzjoni li jipprovdi aktar kummenti jew informazzjoni dwar din il-kwistjoni.
In-Naxxar – Investigazzjoni dwar iljuni u panteri abbandunati
Question
Tista’ l-Ministru tgħid fiex waslet l-investigazzjoni li bdiet 'il fuq minn 18-il xahar ilu dwar il-ħames iljuni u panteri li kienu nstabu abbandunati u fi stat ħażin ġewwa razzett fin-Naxxar?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-erba’ ljuni u leopard ġew rilokati f’post ieħor. Waqt l-ispezzjoni, d-dimensjonijiet tal-kompartimenti nstabu li kienu adegwati. Madankollu, ġew identifikati xi nuqqasijiet li l-persuna responsabbli kellha tindirizza. Infurmata wkoll li, fir-rigward ta’ din il-kwistjoni, hemm kawża pendenti fil-Qorti.
Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali - Kura veterinarja
Question
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 1778 u tgħid kemm kien hemm każijiet ta’ annimali taħt il-kura tad-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali li kellhom bżonn kura veterinarja lil hinn minn dik ta’ rutina? Tista’ wkoll tipprovdi n-numru ta’ każijiet li kienu jeħtieġu:
i. interventi ta’ dijanjostika permezz tal-immaġini;
ii. testijiet tad-demm; u
iii. kirurġija mhux relatata mal-isterilizzazzjoni tal-annimal għal finijiet riproduttivi?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li bejn Jannar 2026 u Awwissu 2026, il-proċeduri mhux ta’ rutina mwettqa kienu kif ġej:
Klieb:
4 trattamenti għall-Parvovirus;
X-ray wieħed mal-ammissjoni;
2 lumpectomies;
mastektomija waħda;
X-ray wieħed ta’ segwitu;
operazzjoni ortopedika waħda.
Qtates:
12-il X-ray;
19-il proċedura dentali;
5 enukleazzjonijiet oftalmiċi;
5 amputazzjonijiet;
5 tiswijiet ortopediċi;
2 proċeduri oħra fuq tessuti rotob.
Fir-rigward tat-testijiet tad-demm, matul dan il-perjodu saru diversi testijiet. Madankollu, dawn huma kategorizzati bħala testijiet ta’ rutina u għalhekk mhumiex inklużi fost il-proċeduri mhux ta’ rutina.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm saru spezzjonijiet u kemm inħarġu multi relatati ma’ rimi illegali tal-iskart fil-lokalità tas-Swieqi matul l-2025 u l-2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li, mill-bidu tal-2025 sal-aħħar ta’ Awissu 2026, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) wettqet 294 spezzjoni relatati ma’ skart fis-Swieqi biss. Kull spezzjoni tkun tikkonsisti f’shift ta’ żewġ uffiċjali għal bejn erba’ u ħames sigħat kull waħda. B’riżultat ta’ dawn l-ispezzjonijiet, l-ERA ħarġet 35 multa marbuta ma’ każijiet ta’ depożitu illegali ta’ skart, kif ukoll 77 ittra ta’ twissija relatati man-nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti tas-separazzjoni mandatorja tal-iskart.