Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar — Konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1076 u jgħid min huma l-konsulenti li għandha kull entità li taqa’ taħtu, xi ħlas u perkaċċi għandhom, u x'tip ta' konsulenza jipprovdu rispettivament? Jista’ jagħti l-informazzjoni sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza?

Response (CARDONA, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 4302.

Negozju relatat mal-agrikoltura — inċentivi

Question

Jista’ l-Minisatru jgħid jekk hemmx il-ħsieb ta’ xi inċentivi għal min għandu negozju relatat mal-agrikoltura?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninformal lill-Onor. Interpellant li fis-settur tal-agrikoltura l-Malta Enterprise tiprovdi għajnuna biss f’kasijiet li jkun hemm produzzjoni jew riċerka.

MIP – direct order mogħtija lil min ġie skwalifikat mit-tender pubbliku mid-Dipartiment tal-Kuntratti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk qabilx li l-Malta Industrial Parks (MIP) (kif ġie rrapportat fit-Times of Malta tas-Sibt 24 ta’ Frar 2018) tagħti direct order lil min ġie skwalifikat mit-tender pubbliku mid-Dipartiment tal-Kuntratti? Jaqbilx li b’dawn id-deċiżjonijiet arbitrarji nġieb fix-xejn il-proċess ta’ tender pubbliku? Jista’ jgħid jekk hu kienx infurmat mill-MIP qabel ma’ taw dan id-direct order imsemmi fl-artikolu msemmi?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor Interpellant li wara l-konklużjoni tal-evalwazzjoni tal-offerta CT2226 / 2016, il-Kumitat Ġenerali tal-Kuntratti aċċetta r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat tal-Evalwazzjoni ta' Malta Industrial Parks Ltd biex jikkanċella l-offerta fuq il-bażi li ma kienx hemm offerti siewja kwalitattivament jew finanzjarjament riċevuti. Id-deċiżjoni ġejja mill-fatt li l-Bid Bond sottomess minn Med Design Associates Ltd kien indirizzat lil Malta Industrial Parks Ltd minflok lid-Direttur Ġenerali u b'hekk wettaq l-offerta amministrattivament mhux konformi. Fid-dawl tal-iskadenzi stretti ħafna tal-proġett u minħabba li l-offerta ta' Med Design Associates Ltd kienet issodisfat l-aspetti l-oħra kollha tal-ħtiġijiet tekniċi tal-offerta msemmija, Malta Industrial Parks Ltd ipproċediet biex titlob approvazzjoni biex tagħti l-offerta lil-Med Design Associates Ltd billi tadotta Proċedura Negozjata skont ir-Regolament 154 (1) (a) ta' LN352 / 2016 peress li l-ammont involut qabeż il-limitu stabbilit għall-Ordnijiet Diretti. It-talba ġiet approvata mis-Segretarju Permanenti u aktar tard approvata mill-Kumitat Ġenerali tal-Kuntratti.

Ministeru għall-Ekonomija, l-Investiment u n-Negozji ż-Żgħar — servizzi ta’ konsulenza minn individwu

Question

Jista' l-Ministru jgħid, x'impjieg, servizzi ta' konsulenza jew xort'oħra kellu jew għad għandu l-individwu li d-dettalji dwaru qegħdin jingħataw separatament, mal-Ministeru tiegħu u mal-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu sena b'sena, mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid ukoll, sena b'sena, kemm tħallas dan l-individwu għas-servizzi tiegħu? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' kwalunkwe kuntratt iffirmat bejn il-Ministeru tiegħu u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu u l-individwu msemmi?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar u l-entitajiet li jaqgħu taħtu ma taw l-ebda mpjieg jew servizzi ta’ konsulenza lill-individwu li d-dettalji dwaru qegħdin jingħataw separatament.

Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar – spiża ta’ servizz ta’ mobile phone

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża għas-servizz ta' mobile telephone li jintuża minnu stess bħala Ministru u li jitħallas mill-Gvern xahar b'xahar mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Sistema ta' liċenzji ta' negozji

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 7224, jista’ l-Ministru jgħid illum xi struttura għandu l-istess Ministeru sabiex jgħinu jippjana l-ħidma tiegħu ladarba bla sistema tal-liċenzja ta' negozji u l-istess Ministru ma għandu l-ebda informazzjoni dwar x'qed jiġri fil-komunitajiet tagħna?

Response (CARDONA, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 7224.

Ministeru għall-Ekonomija, Investment u Negozji Żgħar — festini, parties, riċevimenti, ikliet u xiri ta’ alkoħol - nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa f’kull entità li għaliha hu responsabbli f’festini, parties, riċevimenti, ikliet u xiri ta’ alkoħol u simili mill-2013, sena b’sena, sad-data li fiha tkun imwieġba din l-interpellanza?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Sistema ta' liċenzji ta' negozji – Kunsill Konsultattiv għall-Intrapriża

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7224, jista’ l-Ministru jgħid x’kien il-feedback miġbur mill-istakeholders waqt il-laqgħa tal-Kunsill Konsultattiv għall-Intrapriża, x’azzjoni ttieħdet u x’progress sar f’dan ir-rigward li tkellem dwaru l-istess Ministru skont ir-risposta li ta fil-mistoqsija parlamentari rispettiva?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar – Konsulenti ngaġġati – ismijiet u ħlasijiet

Question

Jista’ l-Ministru jelenka l-ismijiet u l-ħlasijiet rispettivi ta’ kull konsulent ingaġġat minn kull entità li għaliha hu responsabbli?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Kirjiet Kummerċjali Protetti

Question

Jista’ l-Ministru jispjega kemm hawn kirjiet kummerċjali protetti li se jintlaqtu mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Ċivili u li l-protezzjoni tagħhom tintemm fis-sena 2028? Jista’ jqassam dawn bil-lokalità fejn jinsabu?

Response (CARDONA, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta tirreferi l-mistoqsija tagħha lill-Ministru konċernat.

Sistema ta' liċenzji ta' negozji

Question

Jista' l-Ministru jgħid ladarba l-Gvern neħħa s-sistema tal-liċenzja tan-negozji, jista' l-Ministru jgħid illum xi struttura għandu l-istess Ministeru sabiex jgħinu jippjana l-ħidma tiegħu ladarba bla sistema tal-liċenzja ta' negozji u l-istess Ministru ma għandu l-ebda informazzjoni dwar x'qed jiġri fil-komunitajiet tagħna?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru huwa a konoxenza ta’ din l-isfida, tant li anke kienet fuq l-aġenda ta’ waħda mill-laqgħat tal-kunsill konsultattiv għall-Intrapriża. Insegwitu tal-feedback miġbur mill-istakeholders prezenti ttieħdet azzjoni u nista' nikkonferma li sar progress notevoli f'dan ir-rigward.

Liġi tan-negozji tal-familja

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex tikkonsisti l-ispiża tal-uffiċċju li qed imexxi l-liġi ta' negozji tal-familja? Jista' jgħid: a. kemm hemm nies jaħdmu f'dan l-uffiċċju; b. fejn huwa dan l-uffiċċju; c. x'inhi l-ispiża ta' salarji għal kull min jaħdem f'dan l-uffiċċju; d. x'inhi l-ispiża tal-kirja ta' dan l-uffiċċju; e. kemm hemm negozji tal-familja reġistrati ma' dan l-uffiċċju; u f. fiex kienet tikkonsisti l-ħidma ta' dan l-uffiċċju b'risq in-negozji tal-familja?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lil-Onor. Interpellant li hemm tlett min-nies jaħdmu ġewwa l- Family Business Office, li jinsab Mimcol Clock Tower, Level 1, Tigne Point, Sliema. L-ispiża ta' salarji għal kull min jaħdem f'dan l-uffiċċju huma ta’ Regolatur – Scale 3, Is-salarji taż-żewġ uffiċjali l-oħra jifformaw parti minn ftehim komprensiv mal-Mimcol. Rigward l-ispiża tal-kirja ta' dan l-uffiċċju hemm ftehim komprensiv tas-somma ta’ €42,000 per annum li jinkludi l-kirja ta’ dan l-uffiċju inkluż kontijiet tad-dawl u ilma, partijiet komuni bħal board rooms, kċina eċċ, is-salarji ta’ żewġ uffiċjali, servizzi anċillari bħal servizzi tar- reception u dawk amministrattivi, tindif, manteniment, użu tas-servizzi ta’ informatika u kwalunkwe użu ta’ riżorsi umani oħra. Hemm 84 negozji tal-familja reġistrati ma' dan l-uffiċċju u l-ħidma hija dik skont l-artiklu 20 ta’ l-Att Dwar in-Negozji tal-Familja.

Sit identifikat għall-fabbrika

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huwa s-sit identifikat u d-daqs, għall-fabbrika li l-Malta Industrial Parks (MIP) tinsab fil-proċess li talloka lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f'dan l-istadju l-informazzjoni ma tistax tingħata għax hija ta’ sensittività kummerċjali.

Kumpanija tal-Avjazzjoni — proġett

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 4779, dwar il-proġett li kien ġie mħabbar minnu u li kellu jqum €30 miljun kif imħabbar mill-Gvern f'Marzu 2017, liema proġett għandu jsir mill-kumpanija tal-avjazzjoni li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, jista’ l-Ministru jgħid jekk in-negozjati ngħalqux u l-kuntratti sarux? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra n-numru tal-applikazzjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar, ta’ dan l-iżvilupp? Jista’ jgħid jekk ix-xogħol infrastrutturali hux ser jibda matul is-sena 2018? Jista’ jikkonferma jekk dan il-proġett hux ser iseħħ kif imwiegħed iktar minn sena ilu?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett għadu għaddej kif pjanat. Ix-xogħlijiet mistennija jibdew kif joħorgu il-permessi meħtieġa mid-Dipartimenti tal-Gvern inkluż dawk tal-avjazzjoni. Il-parametri tal-proġett kif tħabbru ma nbiddlu xejn. Ix-xogħlijiet se jibdew mill-aktar fis possibli.

Proġett taċ-ċentru reġjonali għad-distribuzzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-proġett taċ-ċentru reġjonali għad-distribuzzjoni f’Malta mill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament li kien tħabbar minnu f'Marzu 2017 u kellu jimpjega 120 ruħ, huwiex ser isir jew le? U jekk iva, jista’ l-Ministru jgħid meta se jibda x-xogħol infrastrutturali u jitlesta?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif diġà weġibna f’mistoqsijiet parlamentari preċedenti, l-proġett tal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament jirrikjedi ammont ta’ art sostanzjali biex ikun vijabbli. Għaldaqstant, iż-żewġ partijiet qed jiddiskutu biex jaslu għal ftehim vijabbli għaż-żewġ partijiet.

Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar — avukati u ditti legali – ħlas

Question

Jista’ l-Ministru jagħti l-informazzjoni kollha li għandu disponibbli, fuq kemm tħallsu (fejn għandha tiġi indikata r-rata li jitħallsu fis-siegħa fejn din hija miftehma u applikabbli) l-avukati li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament, fil-kapaċità individwali tagħhom u / jew id-ditti legali rispettiva tagħhom, kull sena bejn is-sena 2004 u s-sena 2013?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Stalls tal-Monti fil-Belt

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fejn qegħdin l-istalls tal-bejjiegħa tal-Monti tal-Belt li fl-2016 ir-rebbieħ kien saħansitra ngħata cheque għad-disinn? (21.6.2016: http://www.independent.com.mt/articles/2016-06-21/local-news/Monti-saga-Winning-design-thrown-out-government-proposes-container-in-shape-of-Maltese-bus-6736159738 )

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-disinn tal-istall li qed isir referenza għalih ntgħażel minn Design Review Panel li kien presedut mill-President tal-Kamra tal-Periti. Madanakollu, fil-present il-Ministeru qiegħed jiffoka fuq riforma ħolistika ta’ dan is-settur, fejn fi żmien li ġej se tkun qed tiġi ppublikata whitepaper għal konsultazzjoni pubblika. Kemm il-darba jkun hemm deċiżjoni li jkun hemm stalls uniformi fil-Belt Valletta, id-disinn rebbieħ ċertament se jkun qed jittieħed in konsiderazzjoni. .

Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar — car leasing

Question

Jista’ l-Ministru jelenka kemm intefqu flus għal car leasing minn kull entità li taqa’ taħtu, mingħand min sar il-car leasing, kemm-il vettura u d-dati rispettivi, mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza, sena b’sena? F’kull każ jista’ jgħid liema kienu b’direct order?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar– chairperson u membri tal-bordijiet

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' Chairpersons u membri tal-bordijiet tal-awtoritajiet, kumpaniji u l-entitajiet pubbliċi li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista' f'kull każ jgħid x'rimunerazzjoni għandhom kull wieħed u waħda miċ-Chairpersons u l-membri?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Ħwienet tar-Retail

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm (u għad hemm) ħwienet tar-retail fil-Belt Valletta, Tas-Sliema, il-Ħamrun, il-Mosta, Birkirkara, ir-Rabat, in-Naxxar, Ħal Tarxien u Raħal Ġdid, fl-2015, fl-2016, fl-2017 u sa Mejju 2018, għal kull sena?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.