Fid-dawl li kien ġie deċiż li l-istudenti tas-social work jingħataw stipendju ogħla, jista’ l-Ministru jgħid:
i. x’inhuma l-kundizzjonijiet marbuta ma’ dan l-istipendju;
ii. x’jiġri jekk l-istudenti jiddeċiedu li ma jkomplux jaħdmu fis-social work wara li jiggradwaw;
iii. jekk huwiex minnu li social workers li jagħżlu li jieħdu stipendju ogħla jkollhom jaħdmu fis-settur pubbliku bilfors u wkoll x’jiġri jekk studenti jiddeċiedu li jaħdmu ma’ NGO minflok jaħdmu fis-settur pubbliku; u
iv. kif se taħdem din il-proċedura u jiżgura li tkun bil-miktub ħalli jserraħ moħħ l-istudenti?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li studenti tal-MCAST u tal-Università ta' Malta li qed jistudjaw għal Baċellerat (mit-tieni sena 'l fuq) jew Maġisteru fis-social work jistgħu jagħżlu li jirċievu stipendju bir-rata ta' prijorità għolja minflok ir-rata preskritta. Biex ikunu eliġibbli, iridu;
* ikunu qed jaħdmu part-time fil-qasam tas-social work, fis-settur pubbliku jew privat, inkluż bħala trainee, apprentice jew f'pożizzjoni simili.
* L-istudenti eliġibbli se jirċievu email mill-uffiċċju tal-istipendji tal-istituzzjoni tagħhom biex jagħżlu jekk iridux jibdew jirċievu r-rata ogħla.
* Wara li jiggradwaw, iridu japplikaw mal-ewwel opportunità għal impjieg full-time bħala social worker, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f'dak privat. Ir-responsabbiltà li jsibu impjieg hija tagħhom.
* Iridu jwettqu obbligu ta' servizz formali ta' tliet snin fejn l-ewwel sentejn huma marbuta mal-kisba tal-warrant professjonali u t-tielet sena trid titwettaq wara li jiksbu l-warrant.
Irid ikun iċċarat li mhux obbligatorju li jaħdmu fis-settur pubbliku; jistgħu jaħdmu wkoll fis-settur privat. Infurmat li Jekk wara l-gradwazzjoni ma jaħdmux bħala social workers jew ma japplikawx għall-opportunitajiet ta' xogħol fil-professjoni, ikollhom jirrifondu lura d-differenza bejn l-istipendju bir-rata ta' prijorità għolja u dak bir-rata preskritta.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu fondi fuq manutenzjoni, tiswija u titjib tal-faċilitajiet sportivi fi skejjel tal-Gvern matul is-snin 2023, 2024, 2025 u 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma skont l-iskola?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li matul is-snin imsemmija ntefqu -il fuq minn €20,000,000 fuq manutenzjoni, tiswija u titjib tal-faċilitajiet sportivi fi skejjel tal-Istat.
Jista’ l-Ministru jgħid liema xogħlijiet ta’ manutenzjoni, tisbiħ jew kostruzzjoni ta’ faċilitajiet sportivi huma ppjanati jew għaddejjin bħalissa fi skejjel tal-Gvern, filwaqt li għal kull proġett jindika:
i. il-baġit allokat;
ii. l-istadju li jinsab fih il-proġett; u
iii. id-data mistennija tat-tlestija?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li r-risposta hi skont tweġiba parlamentari 1138 , filwaqt li iktar tagħrif mgħoddi lili dwar xogħol għaddej bħalissa qed jitpoġġa fuq il-mejda tal-kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid liema skejjel għandhom faċilitajiet sportivi li bħalissa jeħtieġu manutenzjoni, tiswija jew modernizzazzjoni u x’inhuma x-xogħlijiet meħtieġa f’kull każ?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li l-Edu Infrastructure Programme, programm ta’ xogħol fl-iskejjel kollha, mifrux fuq 13 -il sena skont prijoritajiet u li beda fl-2025 jaħseb biex il-faċilitajiet sportivi fl-iskejjel ukoll jinżammu fi stat tajjeb u jsir xogħol meħtieġ skont dan il-programm.
Infurmat ukoll li d-Direttorat tal-Loġistika fi ħdan il-Ministeru huwa wkoll kommess li jgħolli l-livell ta’ kull faċilita’ eżistenti inkluż bl-introduzzjoni ta’ faċilitajiet ġodda. Eżempju ta’ dan huwa dak li mistenni jsir fix-xhur li ġejjin fl-iskola ta’ Kulleġġ San Ġorġ Preca, Skola Sekondarja, Maria Reġina Blata l-Bajda billi ħa jiġu konvertiti xi swali f’ ċentru sportiv tal-HYROX.
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-faċilitajiet sportivi kollha li jinsabu fi skejjel tal-Gvern, maqsuma skont il-kulleġġ u l-iskola rispettiva u għal kull skola, jindika:
i. x’tip ta’ faċilitajiet sportivi hemm (grawnds, gyms, courts, pixxini, tracks, eċċ.);
ii. is-sena li fiha nbnew jew saru l-aħħar xogħlijiet ta’ manutenzjoni jew tisbiħ sostanzjali; u
iii. l-kundizzjoni attwali tagħhom?
Għaqdiet, federazzjonijiet, assoċjazzjonijiet u klabbs sportivi - Fondi allokati
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-fondi allokati mill-Gvern, minn SportMalta jew minn kwalunkwe entità pubblika oħra lill-għaqdiet, federazzjonijiet, assoċjazzjonijiet u klabbs sportivi matul is-snin 2024, 2025 u 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ wkoll jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra, lista dettaljata ta’ kull għaqda, federazzjoni, assoċjazzjoni jew klabb sportiv li rċieva finanzjament matul dawn is-snin, filwaqt li għal kull wieħed jindika:
a. l-isem tal-entità;
b. l-ammont mogħti;
ċ. id-data tal-ħlas;
d. l-iskema jew il-programm li taħtu ngħata l-finanzjament; u
e. l-iskop li għalih ingħata l-finanzjament?
Jista’ jgħid ukoll:
i. jekk kienx hemm applikazzjonijiet għal finanzjament li ġew miċħuda jew approvati biss parzjalment matul l-istess perjodu u, jekk iva, jippreżenta lista tagħhom flimkien mar-raġunijiet għaliex ma ġewx approvati fl-intier tagħhom;
ii. xi kriterji jintużaw sabiex jiġu evalwati u approvati dawn l-applikazzjonijiet għal finanzjament; u
iii. kemm kien l-ammont totali allokat għall-finanzjament tal-għaqdiet, federazzjonijiet, assoċjazzjonijiet u klabbs sportivi għal kull waħda mis-snin imsemmija?
Ħal Kirkop - Kulleġġ San Benedittu - Faċilitajiet sportivi
Question
B’referenza għall-faċilitajiet sportivi fil-Kulleġġ San Benedittu, fil-Kumpless ta’ Ħal Kirkop, li skont diversi rapporti ilhom snin jistennew manutenzjoni u investiment, jista’ l-Ministru jgħid:
i. jekk inħariġx tender sabiex isiru dawn ix-xogħlijiet u li għalaq fis-6 ta’ Marzu 2026;
ii. għaliex, erba’ xhur wara l-għeluq tat-tender, ix-xogħlijiet għadhom ma bdewx;
iii. f’liema stadju jinsab il-proċess ta’ evalwazzjoni u għoti tat-tender;
iv. meta huwa mistenni li jingħata t-tender, jiġu ffirmati l-kuntratti meħtieġa u jibdew ix-xogħlijiet fuq il-post;
v. x’inhuma x-xogħlijiet li ser isiru u x’inhu l-valur finanzjarju tal-proġett;
vi. kemm-il offerta ġiet sottomessa għal dan it-tender u kemm minnhom instabu konformi mar-rekwiżiti tat-tender;
vii. kemm studenti, atleti, coaches u membri tal-komunità huma mistennija jibbenefikaw minn dan il-proġett; u
viii. x’miżuri qegħdin jittieħdu sabiex jiġi żgurat li ma jkunx hemm aktar dewmien u li dawn il-faċilitajiet jingħataw l-investiment meħtieġ fl-iqsar żmien possibbli?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li t-tender CT2006/2026 għal xogħolijiet fil-faċilitajiet sportivi ta’ Ħal Kirkop ġie ppubblikat fit-2 ta’ Frar 2026. Infurmat li wara li kien hemm oġġezzjoni pre-kontrattwali mressqa fil-25 ta’ Frar 2026, li sussegwentementkienet irtirata minn min għamilha fl-14 ta’ Mejju2026, il-perjodu ta’ pubblikazzjoni ġie estiż sat-23 ta’ Lulju 2026, kif jidher fuq etenders.gov.mt.
Il-proġett jinkludi synthetic rubber flooring, synthetic turf flooring, fencing u sistema ta’ floodlights għall-pitch tat-turf.
Il-faċilitajiet se jintużaw mill-istudenti matul il-ħintal-iskola, filwaqt li SportMalta se tużahomfilgħaxija, fi tmiem il-ġimgħa u fil-festi pubbliċigħall-programm Let's Move Malta, attivitajiet ta’ organizzazzjonijiet sportivi, avvenimenti sportivi u bħala korsa tal-ġiri għall-komunità.
Infurmat li l-entità li ħarġet it-tender qed issegwi l-proċedurikollha tax-xiri pubbliku u dawk kuntrattwali u legali sabiex il-proġett jitwettaq skont it-termini tal-kuntratt.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk studenti fi placement tas-social work mill-MCAST qed jirċievu salarju mill-entità fejn ikunu qed jagħmlu l-placement filwaqt li studenti fi placement mill-Università ta’ Malta ma jirċevux dan it-tip ta’ ħlas?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li b’konformità mal-manifest elettorali Int Malta, din ser tkun wahda mir-riformi ghal din il-legizlatura. Tant li l-Manifest jiprovdi dan li gej u ser tkun qed tigi implimentata f’din il-legizlatura kif imwieghed. ‘Konxji li ħafna żgħażagħ jagħmlu internships u traineeships waqt jew wara l-kors edukattiv tagħhom iżda ma jitħallsux. Se nibdew process sabiex it-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol jiġi rrikonoxxut fil-liġijiet tax-xogħol ta’ pajjiżna. Permezz ta’ din ir-riforma rridu nagħtu ħlas xieraq lil dawn l-istudenti u gradwati, insaħħu l-kwalità tat-tagħlim u nagħtu rikonoxximent formali lil dawn l-esperjenzi ta’ xogħol.’
Università ta’ Malta - Senior canteen section - Sistema tal-elettriku
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet biex tiġi upgraded is-sistema tal-elettriku fis-senior canteen section tal-Università ta’ Malta, fid-dawl li s-sistema ta’ bħalissa hija antika u m’hemmx outlets biżżejjed fejn membri tal-istaff ikunu jistgħu jiċċarġjaw l-mobile, tablet jew laptop?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li socket outlets fejn il-membri tal-istaff ikunu jistgħu jiċċarġjaw il-mobile, it-tablet jew il-laptop fis-sezzjoni tas-senior canteen tal-Università ta’ Malta ġew installati fix-xhur li għaddew.
Il-Wardija – Skola Dun Manwel Attard – Numru ta’ studenti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu mistenni li jkun in-numru ta’ studenti li jattendu l-iskola Dun Manwel Attard fil-Wardija, għal kull sena, fis-sena skolastika 2026-2027?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li matul is-sena skolastika li ġejja, fl-iskola msemmija n-numru ta’ studenti mistenni jkun ta’ 104.
Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Isport – Direct orders ta' inqas minn €5,000
Question
Jista' l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru tiegħu, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Ġunju 2026?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-entitajiet u d-dipartimenti tal-Gvern japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt joħorġu mill-Public Procurement Regulations.
Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Isport – Entitajiet pubbliċi – Sistemi ta’ Intelliġenza Artifiċjali
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il entità pubblika qed tuża sistema jew sistemi ta' Intelliġenza Artifiċjali fil-preżent u għal liema funzjonijiet qed jintużaw dawn is-sistemi? Jista’ jgħid ukoll liema sistemi qed jintużaw rispettivament għal kull entità?
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm pannelli solari installati fuq skejjel u binjiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu, id-daqs ta' kull installazzjoni, meta ġiet installata, u kemm iġġenerat kWhr ta' enerġija kull installazzjoni sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-għajnuniet li qed jingħataw lill-klabbs tal-waterpolo biex dan is-settur ikompli jissaħħaħ kemm nazzjonalment, u anke joffri aktar opportunitajiet ta’ livell internazzjonali lill-isportivi tagħna?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li SportMalta tkompli timpenja ruħha sabiex tappoġġja u tiżviluppa l-isport akkwatiku permezz ta' investiment sostanzjali fl-infrastruttura sportiva, kif ukoll permezz ta' diversi skemi ta' għajnuna.
F'dan il-kuntest, SportMalta lestiet investiment fil-bini ta' faċilitajiet akkwatiċi ġodda f'Birżebbuġa, fil-Kottonera u f'San Pawl il-Baħar, filwaqt li qed tkompli wkoll bl-immodernizzar u t-titjib tal-Pixxina Nazzjonali f'Tal-Qroqq.
Barra minn hekk, SportMalta tappoġġja l-organizzazzjoni u l-ospitar ta' avvenimenti sportivi internazzjonali f'Malta, fosthom kompetizzjonijiet ta' livell għoli bħall-Final Four Champions League u l-Kampjonati tad-Dinja.
SportMalta tipprovdi wkoll assistenza finanzjarja lill-klabbs u lill-assoċjazzjonijiet sportivi permezz tal-Iskema ta' Parteċipazzjoni Internazzjonali u l-Iskema tal-Bed Nights, sabiex tgħinhom ikopru parti mill-ispejjeż relatati mal-parteċipazzjoni tagħhom f'kompetizzjonijiet internazzjonali u ninkoraggixxu aktar kompetizzjonijiet isiru Malta.
Barra minn hekk, il-klabbs u l-assoċjazzjonijiet li jagħmlu użu mill-pixxini ta' SportMalta għat-taħriġ u għall-kompetizzjonijiet jibbenefikaw minn rati sussidjati, bħala parti mill-impenn kontinwu tal-Gvern biex isaħħaħ l-iżvilupp tal-isport akkwatiku u jkompli joħloq opportunitajiet aħjar għall-atleti Maltin.
Persuni taħt it-tmintax-il sena reġistrati stateless
Question
Jista’ l-Ministru jagħti ċ-ċifri ta’ kemm kien hawn persuni taħt it-tmintax-il sena li kienu reġistrati stateless sal-aħħar tas-sena 2025?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li mis-sena 2013 sallum kien hemm 42 persuna li fl-applikazzjoni taċ-ċittadinanza tagħhom iddikjaraw li huma stateless. Minn dawn 40 persuna kienu taħt it-18 -il sena u 2 kienu adulti.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux ser jitneħħa l-hoarding wall li hemm jostakola d-daħla tal-Higher Secondary fin-Naxxar, x’inhuma l-pjanijiet biex jitneħħa u meta ser jitneħħa?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li fl-iskola msemmija, il-ħajt tal-ilqugħ hu meħtieġ hekk kif qed jitwettaq proġett ta’ bini ta’ grawnd tal-futbol, kif ukoll parkeġġ taħt l-art u faċilitajiet oħrajn. Permezz ta’ dan il-proġett qed partijiet mill-kampus qed isiru wkoll żoni pedonali.
Il-ħajt se jitneħħa meta jitlesta l-proġett skont l-ispeċifikazzjonijiet tas-sejħa għall-offerti CT 2118/2025.
Jista’ l-Ministru jgħid u jispeċifika x’inhuma l-pjanijiet għall-applikazzjoni PA/04595/26 - Middle School, It-Telgħa tal-Għaqba, Triq Giuseppe Stivala, Triq il-Forġa, Naxxar, Triq Giorgio Locano, Iklin u jagħti d-dettalji ta’ dawn il-pjanijiet?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li l-applikazzjoni hija pendenti quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar u tinkludi proposta ta' żarmar ta’ parti mill-ħajt tal-konfini u fetħa b’gate bħala faċilità anċillari li taqdi ċ-ċentru edukattiv.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29, fejn intqal li “s-sejħa għal Senior Teachers ħarġet fl-aħħar ġimgħat”, jista’ l-Ministru jgħid għaliex din is-sejħa nħarġet issa u mhux sentejn ilu, kif kien imwiegħed fil-ftehim kollettiv?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li s-sejħa kienet riżultat ta’ ħafna diskussjonijiet bejn il-partijiet konċernati. Ukoll infurmat li din tkun applikabli mid-data tal-bidu tal-ftehim.