Programme for International Student Assessment – pjanijiet għal titjieb fl-edukazzjoni
Question
Wara li l-Programme for International Student Assessment (PISA) reġa’ kkonferma għal darb’oħra li l-progress fis-settur edukattiv f’pajjiżna huwa fqir u kajman meta kkomparat ma’ sistemi edukattivi ta’ pajjiżi oħra u li ftit li xejn għamel progress minn 10 snin ilu ’l hawn, jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-pjanijiet tal-Ministeru biex pajjiżna jinqala’ minn din l-istatistika negattiva?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex diversi ex ħaddiema tal-Enemalta li tpoġġew f’taqsima, tqassmu kollha fl-iskejjel tan-naħa t’isfel ta’ Malta, filwaqt li fit-tramuntana ta’ Malta kull ma hemm minn dawn il-ħaddiema imqassma fl-iskejjel huma tnejn biss?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-ex ħaddiema tal-Enemalta li jiġu mqassma fl-iskejjel, dawn tal-aħħar jintgħażlu skont l-esiġenza li jkun hawn.
Jista’ l-Ministru jara għaliex persuna mill-Gardening Section fl-Iskola tas-Samra fil-Ħamrun inħariġlu log book tal-fuel tal-karozza meta l-muturi tal-ħart iġorrhom il-ġardinier stess?
Response (BONNICI, OWEN)
Infurmat li riċentement ħareġ log book tal-fuel lill-vettura ta’ membru tas-sezzjoni tal-ġardinara. Dan sar minħabba li din il-persuna tuża l-vettura personali għall-ġarr ta’ skart agrikolu ġenerat bħala parti mix-xogħol awtorizzat tal-istess sezzjoni.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ ġenituri minn Marsascala li naqsu li jibagħtu lit-tfal tagħhom l-iskola mingħajr raġuni valida fis-sena skolastika 2018 – 2019?
Response (BONNICI, OWEN)
Infurmat li n-numru ta’ ġenituri minn Marsascala li naqsu li jibagħtu lit-tfal tagħhom l-iskola mingħajr raġuni valida fis-sena skolastika 2018-2019 kien ta’ 59.
Skejjel Sekondarji – lezzjonijiet bażiċi ta’ First Aid u CPR
Question
Jista' l-Ministru jikkonsidra li jdaħħal fil-curriculum tal-iskejjel sekondarji lezzjonijiet bażiċi ta' First Aid u CPR?
Response (BONNICI, OWEN)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li l-prinċipji ewlenin tas-Saħħa u s-Sigurtà, flimkien mal-prinċipji tal-First Aid, huma parti mis-sillabi tas-suġġetti vokazzjonali, mgħallma fl-iskejjel sekondarji;
Agribusiness, Engineering Technology, Fashion and Textiles, Hairdressing and Beauty, Health and Social Care, Hospitality, Information Technology, Media Literacy Education u Retail.
L-istudenti jitgħallmu dwar;
· Perikli
· Riskji u prinċipji ta’ Risk Assessments
· Apparat protettiv personali
· Numri ta’ emerġenza
· Is-sikurezza fl-ambjenti tax-xogħol, inkluż is-sinjali
· Leġiżlazzjoni bażika dwar is-saħħa u s-sikurezza u l-obbligi legali
· Miżuri preventivi
· Kontenut tal-Kaxxi tal-Ewwel Għajnuna
· Għarfien bażiku dwar korrimenti magħżula, bħal ħruq, qtugħ, xokk elettriku, eċċ.
· Sigurtà tan-Nar
Barra minn hekk, l-istudenti kollha tas-Sena 10 fi skejjel statali u mhux statali, li qed jistudjaw is-Saħħa u l-Kura Soċjali, huma mistiedna jattendu għal Kors tal-First Aid u huma pprovduti b’ċertifikat sħiħ maħruġ minn fornitur kompetenti, bħas-Salib l-Aħmar, skont min ikun qed jipprovdi l-kors. Dan il-kors huwa pprovdut bla ħlas għall-istudenti kollha
Kull sena, madwar 200 student mis-setturi kollha se jattendu għal dan il-Kors tal-Ewwel Għajnuna.
Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol — direct orders
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 12588 u jgħid kemm-il direct order ingħatat kull sena matul l-2017, 2018 u 2019 mill-Ministeru u d-dekasteru tiegħu inkluż dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu? Jista' jgħid kemm kienet iċ-ċifra ta' flus globali sena b’sena?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fid-dipartimenti kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi, id-direct orders li ngħataw fis-snin indikati minnha huma kif jidhru f’din it-tabella:
Sena
Direct Orders
Ċifra
2017
93
€2,522,015.47
2018
88
€2,472,408.43
2019
80
€2,529,823.94
Rigward l-entitajiet fi ħdan il-MEDE, l-informazzjoni hi kif ġej:
Sena
Direct Orders
Ċifra
2017
125
€12,623,218.28
2018
135
€11,110,333.04
2019
162
€ 7,285,481.43
(Korrezzjoni: Ara Dokument PL 4858 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta 328, nhar it-Tnejn 11 ta' Mejju 2020.)
Persuni ta’ nazzjonalità barranija – ħruġ ta’ permess ta’ xogħol
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il-permess ta' xogħol inħareġ lill-barranin mill-1989 sal-2019 sena b’sena? Ta' liema nazzjonalità huma f'kull każ?
Response (BONNICI, OWEN)
Infurmat li Jobsplus ħadet f’idejha l-proċess ta’ ħruġ ta’ permessi tax-xogħol f’Awwissu 2005. Għaldaqstant, id-dejta għas-snin mill-1989 sal-2004 mhijiex disponibbli għand Jobsplus. Barra minn hekk, fl-2014 Identity Malta bdiet toħroġ Single Permits lill-barranin filwaqt li Jobsplus bdiet toħroġ permessi tax-xogħol lil Third Country Nationals (TCNs) li ma jaqgħux taħt is-Single Permit Directive. Għalhekk, l-informazzjoni li tista’ tagħti Jobsplus hija dwar l-employment licences maħruġa minnha biss mill-2005 ‘l hawn. Dan mhux se juri l-istampa kollha nazzjonali minbarra l-fatt li ħafna mill-barranin qed jaħdmu f’Malta bis-saħħa tas-Single Permit u mhux bil-permessi tax-xogħol maħruga minn Jobsplus.
It-tabella t’hawn taħt turi n-numru ta’ liċenzji maħruġa minn Jobsplus minn Awwissu 2005 sa Diċembru 2019 sena b’sena.
Snin
Numru ta' Liċenzji li ħarġu
2005 - minn Awwissu sa Diċembru
1,395
2006 - Jannnar sa Diċembru
6,694
2007 - Jannnar sa Diċembru
7,621
2008 - Jannnar sa Diċembru
10,381
2009 - Jannnar sa Diċembru
10,060
2010 - Jannnar sa Diċembru
12,513
2011 - Jannnar sa Diċembru
7,204
2012 - Jannnar sa Diċembru
6,260
2013 - Jannnar sa Diċembru
7,432
2014 - Jannnar sa Diċembru
5,808
2015 - Jannnar sa Diċembru
2,530
2016 - Jannnar sa Diċembru
3,024
2017 - Jannnar sa Diċembru
3,740
2018 - Jannnar sa Diċembru
5,011
2019 - Jannnar sa Diċembru
6,263
Rigward l-aħħar parti tal-mistoqsija, l-Onor. Interpellant għandu japprezza li l-informazzjoni dwar in-nazzjonalità tagħhom għal kull sena jkun jinħtieġ ħafna xogħol u riżorsi biex tinġabar u ż-żmien huwa limitat ħafna. Għaldaqstant, jekk l-Onor. Interpellant għandu bżonn xi informazzjoni speċifika dwar xi sena partikolari, nitolbu jindika fejn meħtieġ.
Skola Nazzjonali tal-Isport – nuqqas ta’ taħriġ fid-dixxiplina fl-għawm
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’azzjoni beħsiebu jieħu b’rabta ma’ rapporti li jista’ għandu dwar nuqqas ta’ taħriġ fid-dixxiplina tal-għawm fl-iskola nazzjonali tal-isport?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li t-taħriġ tal-isport huwa r-responsabbiltà tal-assoċjazzjoni ta’ kull sport. L-iskola għandha l-għalliema tal-Edukazzjoni Fiżika wkoll. Għalhekk, l-assoċjazzjonijiet għandhom iżommu l-impenn tagħhom biex jassistu.
Skola Nazzjoanli tal-Isport – strateġija għad-dixxiplina fl-għawm
Question
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar l-istrateġija għad-dixxiplina fl-għawm fl-iskola nazzjonali tal-isport?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-istrateġija tad-dixxiplini sportivi tiġi mill-assoċjazzjoni kkonċernata ta’ kull sport, f’dan il-każ l-A.S.A. Iżda meta assoċjazzjoni ma tkunx tista' tipprovdi coaches, fejn tkun tista’ l-Iskola tal-Isport tassisti permezz ta’ l-għalliema tal-Edukazzjoni Fiżika li jkunu wkoll ikkwalifikati fl-isport speċifiku, f’dan il-każ l-għawm.
Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol — persuni li kienu jokkupaw position of trust jew joffru servizz ta’ konsulenza
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 12643 u ċjoè: Jista’ l-Ministru, inkluż is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Volontarjat, jgħid jekk kienx hemm, u fil-każ kemm kien hemm, persuni li kienu jokkupaw position of trust jew kienu jipprovdu servizzi ta’ konsulenza ta’ kwalsiasi tip sal-1 ta’ Jannar 2020 fi ħdan id-dekasteru tiegħu, litwaqqfu, tneħħew jew ġie tterminat il-kuntratt tagħhom? Kemm minnhom marru lura għal xi impjieg fis-Servizz Pubbliku?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-Ministeru (inkluż is-Segretarjat Parlamentari) ma kien hemm ebda persuna f’position of trust jew tipprovdi servizz ta' konsulenza li issa m’għadhomx.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ tfal illitterati li spiċċaw mill-Primarja u marru fis-Sekondarja matul is-sena l-oħra?
Response (BONNICI, OWEN)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fi tmiem l-edukazzjoni primarja jsir l-Assessjar tal-Benċmark. Meta sar il-Benċmark f’Mejju 2019, kien hemm 73 student (1.96 %) minn dawk li qagħdu għall-Benċmark li minn massimu possibbli ta’ 100 marka ġabu 25 jew inqas kemm fil-Malti u kemm fl-Ingliż.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 12929 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali u l-mistoqsijiet parlamentari 12335 u 12251 li oriġinarjament saru lill-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza u li issa ġew riferuti lilu u ċjoè: B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 9342, jista’ l-Ministru jgħid fiex jikkonsisti l-eżerċizzju ta’ debt collection? Kemm kienu dawk il-ġenituri li ħallsu l-multi f’dawn l-aħħar tliet snin wara li rċevew l-ittra legali? X’isir jekk il-ġenituri jibqgħu ma jħallsux il-multa?
Response (BONNICI, OWEN)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li s-Servizz ta’ Ħidma Soċjali fi ħdan in-National School Support Services (NSSS) tad-Direttorat għal Servizzi Edukattivi mhuwiex involut fil-ħruġ u l-ġbir tal-multi.
Jista' l-Ministru jgħid x'attivitajiet sportivi mmirati partikolarment għall-persuni b'diżabilità qed jiġu organizzati fil-preżent? Jista' jgħid kif wieħed jista' japplika sabiex jieħu sehem f'dawn l-attivitajiet?
Response (BONNICI, OWEN)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fil-preżent qed jiġu organizzati attivitajiet sportivi mmirati partikolarment għall-persuni b'diżabilità intellettwali minn Special Olympics Malta bis-sostenn ta’ SportMalta u bla ħlas għall-parteċipanti. It-taħriġ jibda minn livell bażiku sa dak kompetittiv, b’diversi opportunitajiet f’kompetizzjonijiet internazzjonali. Is-sessjonijiet isiru f’diversi faċilitajiet mit-Tnejn sas-Sibt fl-isport tal-atletika, għawm, bocce, bowling, żfin, ċikliżmu, fitness, floorball, football, golf, ġinnastika, table tennis, waterpolo u l-programm Young Athletes. Parteċipanti b’diżabilità fiżika jistgħu jieħdu sehem fl-attivitajiet OnTheMove organizzati minn SportMalta.
Sabiex jieħu sehem f'dawn l-attivitajiet, wieħed jista' japplika permezz tas-sit uffiċjali ta' SportMalta, is-sit ta’ Special Olympics jew permezz ta’ Servizz.Gov.
Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol — Rapporti ta' serqiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' serqiet li ġew rapportati lill-Pulizija li saru mill-Ministeru, dipartimenti, id-dekasteru u awtoritajiet oħra li jaqgħu taħtu kull sena matul l-2017, 2018 u 2019?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli interpellanta dwar id-dipartimenti kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi, kif ukoll il-Kulleġġi tal-Istat huwa kif se nsemmi:
Sena
Nru ta' serqiet rapportati lill-Pulizija
2017
9
2018
7
2019
4
Rigward l-entitajiet pubbliċi fi ħdan il-MEDE, l-informazzjoni hi kif ġej:
Sena
Nru ta' serqiet rapportati lill-Pulizija
2017
7
2018
3
2019
6
Infurmat ukoll li l-Università ta' Malta assistiet lill-Pulizija ħames darbiet fis-sena 2017, tmintax-il darba fis-sena 2018 u disà darbiet fis-sena 2019 fuq serqiet li saru ġewwa l-Università li l-vittmi tagħhom kienu terzi persuni.
Istituzzjonijiet postsekondarji – Ħlasijiet ta’ stipendji u grant
Question
Jista’ l-Ministru jagħti r-raġunijiet li għalihom għad hemm xi studenti fl-istituzzjonijiet postsekondarji bħall-MCAST, il-Junior College u l-Higher Secondary li ma ħadux la l-grant u lanqas l-istipendji dovuti lilhom bħala studenti eliġibbli?
Response (BONNICI, OWEN)
Infurmat li l-istipendji jitħallsu b’lura kull erba’ ġimgħat. Biex student jirċievi l-istipendji u l-Għotjiet, irid:
a. Ikun applika għall-Għotjiet ta’ Manteniment skont il-provvedimenti tal-Avviż Legali 308 tal-2016; u,
b. Jinstab eliġibbli għall-Għotjiet ta’ Manteniment mill-istituzzjoni rispettiva skont il-kriterji elenkati mill-istess A.L. 308 tal-2016, u
c. Jkun ikkonferma l-applikazzjoni tiegħu.
Student ikun jaf li huwa eliġibbli meta jintalab jikkonferma l-applikazzjoni tiegħu. Kull student eliġibbli li jkun ikkonferma l-applikazzjoni tiegħu jidħol awtomatikament fil-proċess tal-ħlas.
Ta’ min jinnota li mhux kull student eliġibbli għall-istipendji huwa eliġibbli wkoll għall-Grant. Ir-raġunijiet għal dan huma elenkati fl-Avviż Legali 308 tal-2016.
Skola Primarja Ħ’Attard u Skola Sekondarja tal-Imrieħel – mobile classrooms
Question
Jista' l-Ministru jikkonferma li l-mobile classrooms li qed jinbnew fl-iskola primarja ta' Ħ'Attard u fis-sekondarja tal-Imrieħel huma skont il-liġi minħabba li għandhom sodda tal-konkrit?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-klassijiet temporanji li qegħdin jintramaw fl-Iskola Primarja ta' Ħ'Attard u fl-Iskola Sekondarja tal-Imrieħel huma skont il-liġi. Is-sodda tal-konkrit issir biex l-art tkun livellata u l-klassijiet temporanji jitpoġġew fuq art bl-istess livell. Ix-xogħol għadu għaddej u l-klassijiet se jkunu aċċessibbli għal kulħadd. Ninforma wkoll li l-klassijiet temporanji huma attrezzati bit-teknoloġija moderna u l-faċilitajiet kollha.
Jista' l-Ministru, in vista tal-fatt li issa għaddew sitt snin minn meta ġiet imwiegħda skola primarja ġdida fir-Rabat, Għawdex, jgħid:
1) Meta hu mistenni li tilqa' fiha l-ewwel studenti l-iskola primarja ġdida tar-Rabat, Għawdex?
2) Fl-aħħar seba’ snin kemm-il sit ġie identifikat biex fih issir din l-iskola primarja tar-Rabat?
3) F'kull każ għaliex is-sit ġie mibdul, min ħa d-deċiżjoni li jiġi mibdul u x'kienu r-raġunijiet għall-bidla tas-sit?
4) Kemm intefqu flus fuq pjanti, konsulenzi, ħruġ ta’ tenders u xogħol fuq kull wieħed mis-siti li kienu ġew magħżula biex fih tinbena l-iskola primarja tar-Rabat?
5) Għaliex ittieħdet id-deċiżjoni li l-iskola primarja ssir fuq l-istess sit fejn hemm l-iskola medja (middle school) ta’ Għawdex kollu?
6) Jekk jaħsibx li post l-iskola primarja ma għandux ikun fuq l-istess sit ta’ skola medja?
7) Kemm-il parkeġġ ser ikun fiha l-iskola primarja tar-Rabat Għawdex?
8) Kemm ser tkun tista’ tieħu studenti bħala numru massimu din l-iskola primarja?
9) Kif ser jiġi kkumpensat il-parkeġġ li ser jintilef bil-bini ta' din l-iskola primarja fiċ-ċentru tar-Rabat, Għawdex, u ċjoè l-parkeġġ tal-ground tal-istess skola li issa ser jispiċċa u l-parkeġġ ta' ħdejn il-kumpless Arkadia li ser jispiċċa wkoll?
10) Jekk il-Ministru jaħsibx li jkun aħjar li jinstab sit aktar addattat għall-bini ta' skola primarja ġdida fir-Rabat?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li r-risposti, fl-istess ordni numeriku tad-diversi mistoqsijiet li saru f'din l-interpellanza, huma kif ġej:
1) L-iskola mistennija tilqa’ l-ewwel tfal matul is-sena skolastika 2023-2024.
2) Mir-rekords tal-FTS jidher li l-Fondazzjoni kienet involuta f’żewġ siti.
3) L-ewwel sit propost mit-tnejn imsemmija hawn fuq ma kienx skedat mill-Awtorità tal-Ippjanar għal skopijiet edukattivi.
4) Fuq iż-żewġ siti msemmija hawn fuq l-FTS nefqet b’kollox sa issa €173,581 (VAT inkluża)
5) Id-deċiżjoni ttieħdet invista li dan is-sit hu skedat mill-Awtorità tal-Ippjanar għal faċilitajiet edukattivi. Apparti minn hekk, jagħmel ħafna sens li l-Iskola Primarja l-ġdida fir-Rabat, Għawdex, tkun fil-kampus edukattiv li diġà jinsab fl-istess belt.
6) It-tweġiba ngħatat f’numru 5.
7) Apparti l-parkeġġ eżistenti fl-istess kampus, qed isiru diskussjonijiet bejn il-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada (FTS) u l-Ministeru għal Għawdex dwar l-aħjar mod kif jistgħu jiżdiedu l-faċilitajiet ta’ parkeġġ fis-sit in kwistjoni.
8) 500 student.
9) It-tweġiba qed tingħata f’numru 7.
10) Il-Ministeru kien esplora diversi siti u kkonkluda li l-kampus eżistenti ikun idoneu biex ikun l-ewwel kampus f'Malta li jiġbor is-servizzi minn childcare sal-iskola post-sekondarja.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ilhom jokkupaw il-karigi li għandhom fil-bord tal-anti-doping il-membri preżenti? Kemm-il darba ġġeddilhom it-term tagħhom? Jista’ jagħti lista ta’ safriet u spejjeż relatati ta’ allowances ma’ safar għal kull membru li jifforma parti mill-bord tal-anti-doping mill-2013 ‘il quddiem, sena b’sena?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant fl-ewwel u t-tieni parti tal-mistoqsija hu kif muri fid-dokument li qed jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Infurmat ukoll li l-informazzjoni mitluba fl-aħħar parti tal-mistoqsija għadha qed tinġabar. Għalhekk, dan it-tagħrif ikun jista' jingħata bħala informazzjoni addizzjonali hekk kif tingħatali din l-informazzjoni.
Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol — nefqa fuq fuel/petrol/diesel
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa globali ta' flus għall-fuel/petrol/diesel li ntuża mill-Ministeru kull sena matul l-2017, 2018 u 2019? Jista' jipprovdi informazzjoni separata għal dan għad-dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħtu?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellanta dwar il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u d-dipartimenti kollha li jaqgħu taħtu huwa kif se nsemmi:
Sena
Nefqa fuq fuel/petrol/diesel
2017
€78,815.67
2018
€78,024.10
2019
€75,212.27
Rigward l-entitajiet pubbliċi fi ħdan il-MEDE, l-informazzjoni hi kif ġej:
Sena
Nefqa fuq fuel/petrol/diesel
2017
€116,962.02
2018
€140,008.75
2019*
€179,487.71
*2019: Stima tal-ispiża globali peress li jonqos jinħarġu xi invoices mingħand is-service providers lil Jobsplus għall-aħħar kwart tas-sena.
(Korrezzjoni: Ara Dokument PL 4461 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra fit-17 ta' Frar 2020, f'seduta 299.)