Legislature:
Category:
Reset
Active:

Università ta’ Malta - Persuni bi sfidi ta’ mobilità - Aċċessibbiltà

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Università ta’ Malta hijiex aċċessibbli għal min għandu sfidi ta’ mobilità?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant tirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 32292.

Università ta’ Malta - Aċċessibbiltà

Question

Jista’ l-Ministru jaċċerta li jkun hemm aċċessibbiltà bejn il-binjiet tal-Inġinerija, ICT u Biomedical u l-faċilità prinċipali fl-Università ta’ Malta, mingħajr il-ħtieġa li persuna tgħaddi mir-ring road, hekk kif ir-ring road mhijiex mezz sigur ta’ aċċessibbiltà?

Response (GRIMA, CLIFTON)

L-Università ta’ Malta ilha snin taħdem b’mod sistematiku biex ittejjeb l-aċċessibbiltà tal-kampus tagħha u biex tassigura li studenti u membri tal-persunal b’diffikultajiet ta’ mobbiltà jew diżabilità jkunu jistgħu jiċċaqalqu b’mod sigur, komdu u dinjituż. Isir kull sforz biex ikunu proattivi sabiex l-aċċessibbiltà tiġi promossa mhux biss f’termini ta’ aċċess fiżiku għall-binjiet, iżda wkoll f’aċċess għall-kontenut u għall-materjal ta’ tagħlim u assessjar. Infurmat li l-Università xtrat vettura aċċessibbli għall-użu esklussiv ta’ individwi li jużaw siġġu tar-roti u/jew li għandhom diffikultajiet fil-mobbiltà. Dan is-servizz ġie introdott biex jgħin fil-moviment bejn il-binjiet tal-Inġinerija, ICT u Biomedical u l-faċilità prinċipali tal-Università, mingħajr il-ħtieġa li tintuża r-ring road. Is-servizz huwa disponibbli fuq talba u huwa organizzat b’mod flessibbli biex jakkomoda skedi differenti u bżonnijiet individwali hekk kif dawn jinqalgħu. Minn rapporti li waslu għand l-Università s’issa, jindika li dan is-servizz mhux biss qed jaħdem tajjeb, iżda huwa wkoll reattiv u adattabbli għall-bżonnijiet reali ta’ kuljum tal-utenti tiegħu. L-Università għandha uffiċċju ddedikat biex jappoġġa studenti b’diffikultajiet ta’ mobbiltà u diżabilità oħra u jaħdem mill-qrib ma’ studenti individwali, inklużi dawk b’nuqqas ta’ vista, sabiex jiġu mfassla arranġamenti personalizzati. Infurmat ukoll li jsiru audits ta’ aċċessibbiltà fuq partijiet differenti tal-kampus u mir-rakkomandazzjonijiet li jirriżultaw isir it-tibdil meħtieġ. L-Università tirrispondi b’mod regolari għal każi individwali li jiġu rrappurtati lilha u, fejn ikun meħtieġ, jiġu implimentati soluzzjonijiet adatti għal kull sitwazzjoni. Il-binjiet u l-infrastruttura ġdida li qegħdin ikunu ppjanati isiru b’mod li jinħolqu spazji aktar inklużivi u aċċessibbli għal kulħadd. Rigward l-aċċess bejn il-binjiet tal-ICT u ż-żona tal-quadrangle, qegħdin jiġu esplorati u mħejjija soluzzjonijiet infrastrutturali fit-tul biex tiġi żgurata mobbiltà aktar sigura, diretta u awtonoma bejn dawn iż-żoni, biex tonqos kemm jista’ jkun id-dipendenza fuq mezzi li mhumiex maħsuba primarjament għall-mixi bħal ring road.

Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar 2023 - Nefqa

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 32060 u 32194 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27998, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien is-sehem finanzjarju li ħallas il-Gvern lill-Kumitat Olimpiku Malti għal-logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar 2023, peress li fit-tweġiba kont mitluba li nagħmel il-mistoqsija lill-Kumitat Olimpiku Malti? Jista’ jgħid ukoll jekk il-fondi li ngħataw kenux biżżejjed biex jiġu koperti l-ispejjeż kollha li kienu meħtieġa? Jekk le, liema fondi għad iridu jgħaddu għand dan il-Kumitat?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lilll-Onor. Interpellanta tirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 759.

Skejjel primarji - Multi-sensory rooms

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 31872 u 32170 u jgħid liema huma dawk l-iskejjel f’livell primarju li għandhom multi-sensory room? Jista’ jgħid ukoll liema huma dawk l-iskejjel f’livell primarju li ma għandhomx multi-sensory room?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Skejjel sekondarji - Multi-sensory rooms

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 31871 u 32169 u jgħid liema huma dawk l-iskejjel f’livell sekondarju li għandhom multi-sensory room? Jista’ jgħid ukoll liema huma dawk l-iskejjel f’livell sekondarju li ma għandhomx multi-sensory room?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Gvern investa f’Reach Units fejn f’livelli medji insibu 4 u f’dawk sekondarji nsibu 4 oħra. Dawn jinsabu fil-Kulleġġi ta’ Santa Margerita, San Injazju, Santa Tereża u San Tumas Moore. Ninforma lill-Onor. Interpellanta wkoll li matul l-2026 mistenni li jinfetħu iżjed Reach Units fosthom fil-Kulleġġ San Benedittu u fil-Kulleġġ ta’ Maria Reġina.

Social work - Żieda fl-istipendju

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 30284 u jgħid jekk iż-żieda fl-istipendju kinitx miżura effettiva biex tattira iktar studenti jagħżlu l-kors tas-social work? Jekk le, x’miżuri ġodda ser jittieħdu?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Università ta’ Malta - Allokazzjoni għar-riċerka

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 30621 u jgħid kemm kienet l-allokazzjoni għar-riċerka mill-Università ta’ Malta mill-2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena u skont il-qasam tar-riċerka (saħħa, soċjali, teknoloġija, eċċ)?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta tirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 31732.

Heading: Riċerka u innovazzjoni - Baġit allokat

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 30620 u ċjoè: Fid-dawl li l-budget allokat għar-riċerka u innovazzjoni skont il-Eurostat (https://ec.europa.eu/eurostat/web/products-eurostat-news/w/ddn-20241211-2), meta mqabbel mal-GDP, hu ta’ 0.6% u f’termini reali (mhux nominali) dan l-ammont hu inqas mill-2013 (-0.12%) , jista’ l-Ministru jgħid għalfejn l-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni ma kibirx bl-istess rata li kibret l-ekonomija Maltija?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Malta tkompli ssaħħaħ l-impenn tagħha lejn ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, billi żżomm perkors ta’ investiment sostenibbli u tibni pedamenti sodi biex jintlaħaq l-għan nazzjonali ta’ 2% tal-Prodott Gross Domestiku (PGD). Matul l-aħħar għaxar snin, saru titjib strutturali sinifikanti biex jitħeġġeġ ekosistema t’innovazzjoni sostenibbli u dinamika. F’dan ir-rigward, Il-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni jkompli jappoġġja b’mod konkret ir-riċerka u l-innovazzjoni permezz ta’ investiment dirett kemm fl-Università ta’ Malta kif ukoll f’entitajiet pubbliċi oħra li jaħdmu f’dan il-qasam. Tul il-perjodu 2020 sa 2025, l-Università ta’ Malta rċeviet finanzjament totali ta’ €7,576,012.14 mid-diversi line votes relatati mar-riċerka, imqassma fuq oqsma ewlenin bħas-saħħa, is-soċjali, it-teknoloġija u l-edukazzjoni. Dan l-investiment kien maħsub biex isaħħaħ il-kapaċità akkademika u riċerkattiva tal-pajjiż u jħeġġeġ aktar kollaborazzjoni ma’ setturi industrijali u internazzjonali. Barra minn hekk, il-Gvern impenja ruħu f’investiment ta’ madwar €40 miljun fiċ-Ċentru tar-Riċerka tal-Università ta’ Malta, proġett strateġiku li se jsaħħaħ l-infrastruttura nazzjonali tar-riċerka u jpoġġi lill-pajjiż fuq livell ġdid ta’ eċċellenza xjentifika u teknoloġika. Dan iċ-ċentru se jservi bħala punt ta’ konverġenza bejn l-akkademja, l-industrija u l-innovazzjoni, u se joffri spazji avvanzati għar-riċerkaturi u għall-kollaborazzjoni internazzjonali. Fl-istess ħin, matul is-sena 2025 biss, il-Ministeru ffinanzja 9 proġetti ta’ riċerka ġodda f’diversi oqsma ta’ innovazzjoni, b’investiment totali ta’ madwar €700,000. Dawn il-proġetti ġew magħżula b’mod strateġiku biex jallinjaw mal-prijoritajiet nazzjonali tal-Smart Specialisation Strategy 2021–2027, li tidentifika sitt oqsma tematiċi ta’ potenzjal għoli: saħħa u benessri, użu sostenibbli tar-riżorsi u adattament għat-tibdil fil-klima, manifattura intelliġenti, teknoloġiji marittimi u tal-baħar, ajrunawtika u spazju, u teknoloġiji diġitali tal-futur. B’mod parallel, żdiedu b’mod sinifikanti l-fondi allokati lil entitajiet ewlenin li jsaħħu l-ekosistema ta’ riċerka u innovazzjoni fil-pajjiż: ·    FITA (Foundation for Information Technology Accessibility) rat żieda konsiderevoli fil-line vote tagħha, minn €600,000 fl-2022 għal €1.5 miljun fl-2025, jiġifieri żieda ta’ kważi 300%. Din iż-żieda tkompli tiffoka fuq il-faċilitazzjoni ta’ inklużjoni akbar ta’ persuni vulnerabbli u b’diżabilità fid-dinja tax-xogħol, billi jissaħħu l-iskemi ta’ taħriġ, aċċess għat-teknoloġija u inizjattivi ta’ innovazzjoni soċjali. ·    Xjenza Malta ukoll rat żieda sostanzjali fil-fondi allokati, minn €12,371,000 fl-2022 għal €19,300,000 fl-2025, li tfisser żieda ta’ madwar 56%. Din ir-riżorsa msaħħa qed tintuża biex tkompli tespandi l-programmi ta’ finanzjament bħall-FUSION, CETPartnership, filwaqt li tħeġġeġ parteċipazzjoni akbar tal-Malta fil-programm Ewropew Horizon Europe. Eżempju ċar ta’ investiment strutturali ieħor huwa l-Cancer Research and Innovation Hub Malta, li rċieva €1.8 miljun f’perjodu ta’ sentejn kemm ilu mwaqqaf u li qed isaħħaħ ir-riċerka u l-kollaborazzjoni bejn l-akkademja, l-industrija u l-gvern. B’kollox, dawn l-investimenti jirriflettu viżjoni fit-tul li tiffoka mhux biss fuq iż-żieda fl-infiq, iżda fuq it-titjib tal-kwalità, l-impatt u r-rilevanza tar-Riċerka u l-Innovazzjoni. B’fokus kontinwu fuq setturi strateġiċi u teknoloġiji emerġenti, Malta tkompli tħejji t-triq lejn ekonomija bbażata fuq l-għarfien, mibnija fuq innovazzjoni, reżiljenza u sostenibbiltà.

Skejjel – Għajnuniet għal studenti b’kondizzjoni newroloġika

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-iskejjel privati u tal-Knisja jingħatawx għajnuniet finanzjarji jew xi tip ta’ għajnuna oħra sabiex ikunu jistgħu joffru riżorsi speċjali lil studenti li jkollhom kundizzjoni newroloġika ta’ tagħlim (Specific Learning Difficulty – SpLD) bħad-dyslexia?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

L-isport f’pajjiżna – Politika Nazzjonali

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 32098 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-politika nazzjonali dwar l-isport f’pajjiżna?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dokument mitlub qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. (Korrezzjoni: Ara Dokument PL6321 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta 420, nhar l-Erbgħa 10 ta' Diċembru 2025)

Post għar-rwol ta’ Senior Teacher

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser toħroġ il-post għar-rwol/grad ta’ Senior Teacher, hekk kif maqbul fil-ftehim kollettiv li ġie konkluż qabel ma bdiet is-sena skolastika 2024-2025?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Klabbs sportivi - Titolu ta’ ċens għall-użu ta’ sports

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 32180 u jipprovdi lista ta’ kemm-il klabb sportiv preżentement għandu titolu ta’ ċens għall-użu ta’ sports, matul dawn l-aħħar ħames snin?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Marsa Sports Village Foundation

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 31961 u 32092 u jgħid f’liema data twaqqfet il-"Marsa Sports Village Foundation", min huma l-membri tal-bord u x’funzjoni għandu? Meta u kemm-il darba iltaqa’ dan il-bord mit-twaqqif tiegħu sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll kemm hu l-baġit iddedikat għal din il-fondazzjoni?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Fondazzjoni qed tiġi stabbilita bi skop legali skont Artikolu 32 tat-tieni Skeda fejn l-għanijiet tal-Fondazzjoni ser ikunu: ·        Trasformazzjoni tal-Marsa Sports Grounds f’ċentru sportiv ta’ standard għoli biex jakkomoda atleti stabbiliti u biex jattira oħrajn ġodda. ·        Tlaqqa wkoll faċilitajiet sportivi mxerrda f’faċilita’ ħolistika waħda li se taħseb għal diversi sports filwaqt li tkun sostenibbli permezz ta’ dan l-istabbiliment kollettiv. ·        Il-Fondazzjoni se tagħti wkoll l-opportunita’ li l-isport kummerċjali jattiraw avvenimenti internazzjonali u kampijiet ta’ taħriġ, biex b’ hekk il-proċess kollu jsir saħansitra aktar sostenibbli. ·        Tagħti importanza kbira lill-provvediment ta’ Sport b’ kollaborazzjoni mal-Konsorzju tat-tiġrijiet taż-żwiemel, SportMalta, Marsa Sports Club, u Marsa Football Club bil-possibilita’ li tattira aktar stakeholders.

Fact-Finding Report - Rakkomandazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 32103 u jinforma lill-Kamra dettaljatament liema rakkomandazzjonijiet kif kontenuti fil-paragrafu tmienja tal-Fact-Finding Report li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament  ġew implimentati, u liema għadhom ma ġewx implimentati?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tlett rakomandazzjonijiet imsemmija fir-rapport qed jiġu implimentati.

Tfal b’diżabilità li ma jistgħux jagħmlu eżamijiet - Adapted papers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk tfal b’diżabilità li ma jistgħux jagħmlu eżamijiet bħal tfal oħra, humiex ser ikollhom adapted papers fl-aħħar tas-sena skolastika kif kien ikollhom fil-passat?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-policies għall-adapted papers qatt ma tneħħew.

CCP - Studenti li jkollhom jibqhu d-dar fil-perjodu tal-eżamijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid l-istudenti tal-Core Curriculum Programme (CCP), humiex ser ikollhom jibqgħu d-dar waqt il-perjodu tal-eżamijiet, hekk kif ġara fis-snin l-imgħoddija?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Infurmat li bħalissa għaddejin id-diskussjonijiet neċessarji.

Skejjel - Benesseri tat-tfal

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 30275 u jgħid kif qed jitkejjel il-benesseri (wellbeing) tat-tfal mill-iskejjel tagħna?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-għan ewlieni tas-servizzi li joffru l-iskejjel relatati mal-Benesseri (Wellbeing), fosthom il-Counselling u l-Psikoterapija, huwa li jiffaċilita aspetti differenti tal-ħajja sabiex l-istudenti jkunu jistgħu jifhmu lilhom infushom aħjar, jiżviluppaw u jimmaturaw. Dan is-servizz jassisti wkoll lill-istudenti li jkunu qed jesperjenzaw diffikultajiet bħal distress, kriżi, trawma u tranżizzjonijiet, u jsaħħaħ il-kapaċità tagħhom li jgħixu ħajja aktar awtentika u jagħmlu għażliet awtentiċi. L-enfasi fl-iskejjel tagħna hija li niffaċilitaw il-benesseri tat-tfal permezz tal-għanijiet imsemmija hawn fuq.  Dan ibbażat fuq il-progress personali, il-kapaċità li jlaħħqu ma’ sfidi u l-iżvilupp ta’ ħiliet ta’ reżiljenza u awtentiċità.

Statementing Board -Applikazzjonijiet pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 30243 u jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti quddiem l-Istatementing Board? Jista’ jgħid ukoll x’inhi d-data tal-applikazzjoni li ilha l-aktar pendenti?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li dan il-proċess hu wieħed kontinwu u rigoruż

Tfal li huma allokati LSE

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 30242 u jgħid kemm hemm tfal li huma allokati LSE bħalissa? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn it-tfal huma allokati LSE: full-time, shared u livelli ta’ għajnuna oħrajn u jaqsam din l-informazzjoni f’numri u persentaġġi?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab hawn taħt; FT 1-1 Shared in the same class (SSC) Shared 1,572 1,557 889