Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 13 PQ #17420 Sitting 405 2020-11-30 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Tfal tal-iskejjel li jingħataw lunch

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm tfal tal-iskejjel li jingħataw lunch kuljum mill-iskola? Tista' tgħid x'tip ta' lunch jingħataw? Tista' tagħti rendikont skola bi skola u kulleġġ b'kulleġġ? Kemm minn dawn it-tfal qed ikunu assenti mill-iskola? X'jiġri f'dan il-każ?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li hemm 214-il student mill-iskejjel tal-Istat li qed jingħataw lunch kuljum mill-iskola matul din is-sena skolastika. Dan il-lunch ivarja bejn ħobża, wrap jew għaġin akkompanjat minn frotta friska u flixkun ilma. Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra rendikont skola bi skola u Kulleġġ b'Kulleġġ ta’ kemm-il lunch qed jitqassam kuljum. L-iskejjel jafu bit-tfal li mhux qed jieħdu l- lunch peress li mhux qed jattendu l-iskola din is-sena minħabba l-pandemija .
Leg 13 PQ #17436 Sitting 405 2020-11-30 Oral · Final From: KEVIN CUTAJAR To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Learning Support Educator li ma jirrapurtawx għax-xogħol

Question

Fid-dawl ta' każ ieħor li seħħ din il-ġimgħa fil-kulleġġ ta' Għawdex, fejn student b'diżabiltà ntalab jibqa’ d-dar għas-sempliċi raġuni li l-Learning Support Educator li tassistih ma marritx xogħol, tista' l-Ministru tgħid kemm ser idum iħalli din l-inġustizzja ma' studenti b'diżabilità tippersisti? Tista’ tgħid x'qed tagħmel biex f'Għawdex ikun hemm pool ta' Learning Support Educators li jkunu jistgħu jissostitwixxu Learning Support Educators oħrajn meta dawn tal-aħħar ma jmorrux xogħol, dan naturalment biex studenti b'diżabilità jkunu jistgħu jibqgħu l-iskola bħal studenti oħra?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Nitlob lill-Onorevoli interpellant jifhem li ċ-ċirkostanzi bla preċedent, li qed ngħixu llum, ħolqu sitwazzjonijiet li qed jiġu mitigati bl-aħjar mod possibbli. Ngħarrfu wkoll li pool ta’ LSEs li jkunu jistgħu jissostitwixxu lil kollegi tagħhom, inkluż f’każ ta’ mard, ilu jeżisti. Bħalma kien jiġri dejjem dan il-pool jilqa’ fih ukoll LSEs Għawdxin li, fil-perjodu ta’ tqala, jitħallew jaħdmu mill-gżira Għawdxija stess biex jiffrankaw l-iskariġġ. Fil-fatt bħalissa hemm 20 LSE li qed igawdu minn tali arranġament. Kontra l-proċedura tas-soltu, iżda, din is-sena ma setgħux ikunu parteċipi wkoll fil-pool, ladarba huma meqjusin mill-Awtorità tas-Saħħa bħala persuni vulnerabbli.
Leg 13 PQ #17437 Sitting 405 2020-11-30 Oral · Final From: KEVIN CUTAJAR To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Learning Support Educators fil-Kulleġġ ta’ Għawdex li nqabdu jabbużaw minn sustanzi illeċti

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk fil-kulleġġ ta' Għawdex kienx hemm każijiet ta' Learning Support Educators li nqabdu jabbużaw minn sustanzi illeċti fl-aħħar tliet snin skolastiċi? Jekk iva, kemm kien hemm każijiet minn dawn u x'passi ħa l-Ministeru biex jindirizza l-problema?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ngħarraf lill-Onorevoli interpellant li jien infurmata li ma kien hemm l-ebda rapport li LSEs fil-Kulleġġ t’Għawdex inqabdu jabbużaw minn sustanzi illeċti matul dawn l-aħħar tliet snin skolastiċi.
Leg 13 PQ #17438 Sitting 405 2020-11-30 Oral · Final From: KEVIN CUTAJAR To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Learning Support Educators

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm Learning Support Educators li fil-preżent qed jaħdmu Għawdex minħabba li għandhom każ umanitarju? Tista’ l-Ministru tispjega wkoll minn min hu kompost il-bord li jiddeċiedi fuq każijiet umanitarji simili? Tista’ tispjega wkoll xi proċedura jew kriterji jsegwi dan il-bord biex jistabbilixxi jekk Learning Support Educator b'każ umanitarju timmeritax li taqbeż il-waiting list u tmur taħdem direttament f'Għawdex?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninsab infurmata li fil-preżent hemm sittax-il Learning Support Educator li qed jaħdmu Għawdex minħabba li għandhom każ umanitarju. Huwa l-bord mediku li jistabbilixxi jekk Learning Support Educator b'każ umanitarju timmeritax li taqbeż il-waiting list u tmur taħdem direttament f'Għawdex. Il-bord mediku jagħti r-rakkomandazzjoni tiegħu u d-Direttur tar-Riżorsi Umani ssegwi bl-azzjoni meħtieġa.
Leg 13 PQ #17447 Sitting 405 2020-11-30 Oral · Final From: IVAN BARTOLO To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Tfal vulnerabbli li qed jattendu skola bla maskra – miżuri

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk għandhiex pjan u x'miżuri se jittieħdu għal dawk it-tfal vulnerabbli li qed jattendu l-iskola bla maskra,u dan biex kulħadd jattendi l-iskola b'rasu mistrieħa?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni segwa l-gwida u l-pariri maħruġa mill-awtorità tas-saħħa pubblikati fit-2 ta’ Settembru 2020 u l-istruzzjonijiet tal-Ministeru tas-Saħħa kif maħruġa fil-11 ta’ Settembru 2020, The Mandatory Use of Medical or Cloth Masks (Amendment No. 2) Regulations (LN 335 of 2020) rispettivament, fejn studenti li għandhom il-kundizzjoni tal-awtiżmu li jesperjenzaw sensazzjonjiet partikolari u sensittivi u mhux kapaċi jilbsu l-maskra, ġew eżentati milli jilbsuha. Sadanittant, l-iskejjel flimkien mal-ġenituri, huma fid-dmir li jibqgħu jedukaw lil dawn l-istudenti fl-ilbies tal-maskra. Studenti li jmisshom jilbsu l-maskra fl-iskola u ma jilbsuhiex, mhumiex permissibbli fl-iskejjel.
Leg 13 PQ #17293 Sitting 404 2020-11-24 Oral · Final From: ROBERT CUTAJAR To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Servizz ta' LSE lil tfal vulnerabbli li ma jistax jattendi skola

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux possibbli li dawk il-familji li għandhom tfal vulnerabbli li preżentement mhux jattendu skola u li kellhom servizz ta’ LSE, jistax dan is-servizz jibqa' jingħatalhom f’darhom?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ngħarraf lill-Onorevoli interpellant li studenti vulnerabbli li minħabba saħħithom ma jistgħux jattendu skola baqgħu jibbenifikaw mill-għajnuna tal-LSE u qed igawdu, inter alia, mis-servizz tal-Iskola Primarja Virtwali u mil-lezzjonijiet pre-rekordjati li qed jittellgħu bla ħlas fuq teleskola.mt.
Leg 13 PQ #17385 Sitting 404 2020-11-24 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Skejjel tal-Istat – Spiża fuq inizjattiva ta’ uffiċjali tas-sigurtà

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16511 u jgħid kemm ġiet tiswa l-inizjattiva ta' uffiċjali tas-sigurtà għall-iskejjel tal-istat? Jista’ jgħid ukoll f'liema skejjel ġiet implimentata din l-inizjattiva? Jista’ jgħid ukoll kemm ġew ingaġġati persuni u xi kriterji ntużaw biex jiġu impjegati dawn l-uffiċjali?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Nirreferi lill-Onorevoli interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 16742. Inżid li l-Ministeru ma mpjega l-ebda persuna għaliex dan hu xiri ta’ servizz skont ir-regoli tax-xiri pubbliku.
Leg 13 PQ #17386 Sitting 404 2020-11-24 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Skejjel Privati u Indipendenti – Covid Wage Supplement

Question

B’referenza għar-risposti tal-mistoqsijiet parlamentari 16412 u 16413, jista’ l-Ministru jgħid x’għajnuniet ingħataw l-Iskejjel Indipendenti u l-Iskejjel tal-Knisja minħabba l-effetti tal-pandemija qabel u wara Settembru, li ġabu magħhom nefqa akbar mis-soltu? Kemm ingħataw totalment? Kemm ingħataw fis-sena skolastika li għaddiet u kemm ingħataw f’din is-sena skolastika? Kemm ingħataw skola skola? Jista’ jgħid għaliex ingħataw? Meta ingħataw? Il-Ministru għadu tal-istess idea li l-Iskejjel tal-Knisja ma jingħatawx COVID Wage Supplement?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

B’referenza ghall-mistoqsija parlamentari 17386, nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Gvern matul is-sena skolastika 2019/2020 ta assistenza kif gej: · L-Iskejjel Indipendenti bbenifikaw minn skema tal-Gvern fejn ġie pprovdut ħlas ta’ €800 jew €500 lill-għalliema impjegati fuq bażi full time jew part time rispettivament; · L-iskejjel Indipendenti estendew l-iskema tal-per capita sabiex il-bżonnijiet ta’ aktar studenti jiġu milqugħa mingħajr ma jiġi mnaqqas s-ceiling; · Permezz tal-Holy See agreememt, il-pagi ta’ dawk l-edukaturi li huma approvati mill-istat u li jagħmlu parti mill-Iskejjel tal-Knisja baqgħu jirċievu s-salarju li hu mħallas mill-Istat. Għas-sena skolastika 2020/2021 il-Gvern se jagħti assistenza kif ġej: · Skejjel tal-Knisja: €9,600,000 · Skejjel Indipendenti: €5,580,000 Sa issa għadu ma nħareġ l-ebda pagament għaliex l-iskejjel għadhom ma ssottomettewx it-talba tagħhom.
Leg 13 PQ #17387 Sitting 404 2020-11-24 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Skejjel — textbooks

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 16232, jista’ l-Ministru jgħid kemm inxtraw liċenzji għall-materjal diġitali edukattiv minflok kotba u workbooks? Jista’ jgħid liema huma? Kemm swew? Minn min qed jintużaw? Jista’ jgħid jekk il-Gvern jaqsamx dawn ir-riżorsi ma’ skejjel tal-Knisja u Indipendenti? Jekk le għaliex?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.
Leg 13 PQ #17388 Sitting 404 2020-11-24 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Studenti – tagħlim mitluf

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 15685, jista’ l-Ministru jgħid kif l-istudenti qed jirkupraw jew jekk hemmx il-ħsieb u l-pjan biex l-istudenti jirkupraw t-tagħlim mitluf matul is-sena skolastika li għaddiet?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ngħarraf lill-Onorevoli interpellant li ttieħdu diversi miżuri sabiex l-istudenti jirkupraw dak li seta’ intilef fil-ġimgħat li l-iskejjel kienu magħluqa u t-tagħlim kien qiegħed isir onlajn. Is-sillabi ta’ din is-sena skolastika ġew riveduti, inkluż dawk tas-SEC. L-għalliema, permezz tal-Uffiċjali Edukattivi, ngħataw linji gwida, f’kull suġġett, sabiex jirkupraw xi tagħlim li seta’ intilef. F’din is-sena skolastika, it-tagħlim ma huwiex interrott minn attivitajiet extra-kurrikulari, u għalhekk qiegħed isir aktar tagħlim fil-klassijiet.
Leg 13 PQ #17389 Sitting 404 2020-11-24 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Ministeru għall-Edukazzjoni — konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 16410 u16099 b’mod sħiħ u d-diversi domandi li saru, inkluż din l-istess domanda, li qed nitolbu biex jgħid minn meta ġie fdat bid-dekasteru tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, min kienu dawk il-konsulenti kollha mingħajr ebda esklużjoni, inkluż dawk fuq position of trust, contract of service u contract for service, u li jaqgħu taħt il-kappa tal-Ministeru tiegħu inkluż is-Segretarju Parlamentari, is-Segretarju Permanenti, id-direttorati u l-bordijiet, kunsilli u awtoritajiet, li spiċċaw mill-kariga u min kienu dawk li bdew, kemm ilu Ministru hu? Għal kull wieħed minnhom, jista’ jgħid x’tip ta’ konsulenza/xogħol qed jagħmel? Xi kwalifiċi u esperjenza għandu? X’pakkett finanzjarju, inkluż perkaċċi, ingħata? Kemm-il siegħa mistennija li jaħdmu f’kull każ? Meta bdew, meta spiċċaw u għal-liema tul ta’ żmien ġie mogħti lilhom il-kuntratt? Peress li l-Ministru ta l-impressjoni waqt id-diskors tal-budget li diġà pprovda din l-informazzjoni jista’ ġentilment jindika fejn għamel dan?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.
Leg 13 PQ #17390 Sitting 404 2020-11-24 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Ministeru għal Edukazzjoni – nefqa fuq komunikazzjoni, informazzjoni u propoganda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm nefaq flus il-Ministeru tal-Edukazzjoni inkluż id-direttorati u l-entitajiet f’komunikazzjoni, informazzjoni u propaganda? Jista’ jagħti rendikont dettaljat ta’ fiex intefqet l-ispiża? Jista’ jgħid x’kien il-materjal li ġie mxandar jew imqassam? Jista’ jgħid min għamel dan ix-xogħol? Kemm minn dan ix-xogħol sar minn ħaddiema tal-gvern u kemm sar minn kumpaniji jew individwi privati? Fil-każ ta’ kumpaniji privati min kienu dawn il-kumpaniji, kemm ingħataw xogħol u ħlas, u b’liema tip ta’ sejħa ħadu dan ix-xogħol (tender jew direct order)?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jispeċifika l-perjodu li għalih qiegħed jitlob l-informazzjoni.
Leg 13 PQ #17287 Sitting 403 2020-11-23 Oral · Final From: ROBERT CUTAJAR To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Skola Primarja tal-Qawra — sinjali tat-traffiku

Question

Tista’ l-Ministru tara li s-sinjali tat-traffiku li huma meħtieġa li jsiru fiż-żona tal-Iskola Primarja fil-Qawra jsiru mill-aktar fis possibbli u dan fl-interess ta’ dawk kollha li jiffrekwentaw din iż-żona primarjament it-tfal, il-qraba tagħhom, ir-residenti kif ukoll il-ħaddiema kollha li jaħdmu f’din l-iskola?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Infurmata li l-Kulleġġ Maria Reġina u l-amministrazzjoni tal-Iskola l-ġdida tal-Qawra kellhom laqgħat mal-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar u flimkien ħadmu fuq pjan dwar l-immaniġġjar tat-traffiku fiz-zona tal-iskola. Iddiskutew ukoll dwar liema sinjali hemm bżonn. Dan il-pjan bħalissa għaddej mill-fażi ta' preżentazzjoni mill-Kunsill Lokali lil Transport Malta. Jidher li l-proċess qiegħed fi stadju avvanzat ħafna.
Leg 13 PQ #17343 Sitting 403 2020-11-23 Oral · Final From: JOSEPH ELLIS To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Għawdex — skola sekondarja ta’ Victoria – dawl u sigurtà fil-parkeġġ

Question

Tista' l-Ministru tiżgura li fil-parkeġġ li hemm taħt l-iskola sekondarja ta' Victoria, Għawdex ikun hemm dawl u sigurtà adegwata sabiex ma jkunx hemm vandaliżmu tal-karozzi pparkjati?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninsab infurmata li fil-parkeġġ ta' taħt l-iskola Sekondarja hemm servizz ta' security erbgħa u għoxrin siegħa kuljum, li huwa mħallas mill-Ministeru għal Għawdex. Hemm ukoll sistema ta' fire alarm li hija konnessa mal-iskola Sekondarja. Meta d-dwal tal-parkeġġ ikollhom bżonn jinbidlu, dan ix-xogħol isir mill-ħaddiema tal-Kulleġġ t'Għawdex.
Leg 13 PQ #17369 Sitting 403 2020-11-23 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Studenti li fallew l-iskola

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 17255, tista’ l-Ministru tispjega u tiċċara xi jfisser eżatt meta jgħid “Data on Monday 16th November 2020”? L-assenteiżmu kkwotat huwa biss għall-ġurnata msemmija jew huwa l-assenteiżmu regolari li kien hemm f’kull skola u kulleġġ minn Settembru sal-lum? Jekk l-informazzjoni li ngħatat kienet biss l-assenteiżmu għall-ġurnata waħda biss, tista’ tagħti l-informazzjoni kollha tal-assenteiżmu kollu b’averages u persentaġġi kulleġġ b’kulleġġ u skola bi skola minn Settembru sal-lum? Tista’ tgħid kemm minn dan l-assenteiżmu kien ikkwalifikat u ġġustifikat minħabba vulnerabilità u kemm le?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. interpellant hu kif muri fit-tabella li qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 13 PQ #17370 Sitting 403 2020-11-23 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Studenti li fallew l-iskola

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 17255, tista’ l-Ministru tipprovdi statistika ta’ kif l-assenteiżmu ta’ din is-sena jikkompara mal-aħħar 3 snin? Tista’ tagħti dan kulleġġ b’kulleġġ, skola bi skola u sena b’sena?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. interpellant hu kif muri fit-tabella li qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 13 PQ #17371 Sitting 403 2020-11-23 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Virtual School

Question

Tista’ l-Ministru telabora x’qed tifhem b’Virtual School? X’tagħlim ieħor hemm offrut online fis-snin obbligatorji? Tista’ tikkonferma li din hija l-istess ħaġa li fil-bidu kien qed jingħad li kienet se tospita 600 (25 klassi b’24 student) u fuqhom u mhux l-400 u fuqhom li qed tikkwota t-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 17255? X’ġara mill-madwar 200 student li mhux jidhru fl-istatistika mogħtija f’dik it-tweġiba? Kienu minfuqa ċ-ċifri li tħabbru inizzjalment jew kien hemm min ġie eskluż jew mhux aċċettat għall-virtual learning? Kemm kien hemm studenti fil-primarja u kemm fis-sekondarja?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ngħarraf lill-Onorevoli interpellant li l-Iskola Virtwali ġiet imnedija b’25 klassi u hija għal studenti tal-Primarja li huma vulnerabbli jew jgħixu f'kuntest ta' vulnerabbilità. Sal-lum hemm 516-il student jattendu. Fl-istess waqt aħna qed inħeġġu lil dawk il-ġenituri kollha li mhux qed jibagħtu t-tfal l-iskola għal raġunijiet li m'humiex dawk ta’ vulnerabbilità tal-istudent jew għixien f'kuntest ta' vulnerabbilità biex jibagħtu t-tfal tagħhom l-iskola għaliex hu fil-klassi li student jieħu l-aqwa edukazzjoni. Sadanittant, l-istudenti fis-Sekondarja li mhux qed jattendu skola qed jiġu mgħejuna, inter alia, b'lezzjonijiet li, wara li nħarġu sejħiet għall-għalliema għal kull suġġett u kull sena, qed jittellgħu regolarment fuq is-sit tat-Teleskola.mt li hu aċċessibbli għall-etajiet kollha (sija Primarja u sija Sekondarja) u kompletament bla ħlas. Sal-ġurnata li fiha twieġbet id-domanda ittellgħu iktar minn 1,800 lezzjoni fid-diversi snin u suġġetti fuq teleskola.mt.
Leg 13 PQ #17372 Sitting 403 2020-11-23 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Pożizzjonijiet vakanti ta’ Diretturi Ġenerali, Diretturi u Assistenti Diretturi u Prinċipali tal-Iskejjel

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm pożizzjonijiet vakanti ta’ Diretturi Ġenerali, Diretturi u Assistenti Diretturi u Prinċipali tal-iskejjel fil-Ministeru tal-Edukazzjoni? Kemm ilhom vakanti dawn il-postijiet? Meta se jimtlew?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninsab infurmata li fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol hemm seba’ postijiet vakanti fil-pożizzjonijiet indikati mill-Onor. Interpellant, kif ġej: · Chief Information Officer – 1/12/2020 · Vakanza waħda ta’ Head (College Network) (ex-College Principal) – 1/7/2020 · Director (Education Resources) – 1/1/2020 · Director General (Curriculum, Lifelong Learning and Employability) – 1/9/2020 · Head (Logistics and Transport) – 1/4/2019 · Assistant Director (Finance) – 22/6/2020 · Assistant Director (Policy Development and Programme Implementation) - 21/2/2020 Id-data murija ħdejn kull pożizzjoni hija d-data li fiha saru jew ser isiru vakanti dawn il-postijiet. Infurmat li għadha kif ħarġet is-sejħa għall-ewwel ħames pożizzjonijiet msemmija. Ser tkun qed toħroġ is-sejħa għall-pożizzjonijiet ta' Assistent Direttur.
Leg 13 PQ #17373 Sitting 403 2020-11-23 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Mudell ta' Blended Learning

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 17256 u tweġibiet oħra fejn il-Ministru jħoss li l-mudell ta’ blended learning ħadem tajjeb, jista’ l-Ministru jgħid għaliex ħafna studenti fil-Higher Secondary qed isostnu li dan il-mudell qed jonqoshom bl-ikrah? X’qed jistenna l-Ministru biex jindirizza sitwazzjoni li qed tesponi nuqqasijiet kbar ta’ organizzazzjoni u qed taffetwa ħażin lill-istudenti?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ngħarraf lill-Onorevoli interpellant li peress li dan huwa mudell ġdid ta` tagħlim, hemm studenti li qed jibbenifikaw bħal dawk vulnerabbli li jistgħu jibqgħu jitgħallmu permezz tal-lezzjonijiet onlajn. Wieħed jista’ jifhem li xi studenti qed jesperjenzaw xi diffikultajiet speċjalment minħabba li xi suġġetti min-natura tagħhom joffru sfida kemm jekk it-tagħlim isir mill-klassi kif ukoll jekk isir onlajn. Meta l-iskola ġiet biex tiddeċiedi liema suġġetti jew lezzjonijiet għandhom isiru fil-klassi, inżamm il-prinċipju bażiku fejn jekk klassi/kamra għandha s-social distancing kif stipulat fil-linji tas-Saħħa, il-lezzjoni ssir fil-klassi. Min-naħa l-oħra, gruppi li jkunu kbar u bis-social distancing ma jkunx hemm biżżejjed spazju fil-klassi, it-tagħlim isir onlajn.
Leg 13 PQ #17384 Sitting 403 2020-11-23 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Studenti tal-Mediċina Maltin — riżorsi

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17140 u jgħid x’qed jagħmel biex jirrispondi għall-ħtiġijiet tal-Istudenti tal-Mediċina preżenti u futuri fl-Università ta’ Malta, fil-kuntest tal-introduzzjoni tal-Iskola Medika ġdida ta’ Barts u l-istudenti tagħhom, sabiex jassigura li jkun hemm biżżejjed riżorsi għall-istudenti Maltin? Jista’ jgħid x’qed jagħmel fir-rigward ta’ sfidi bħal: a. Espożizzjoni klinika mal-pazjenti; b. Ħin ta’ prattika fis-swali tal-operazzjonijiet u fl- outpatients ; c. Konsulenti/Speċjalisti sabiex jgħallmu lill-istudenti; u d. Biżżejjed xogħlijiet bħala Junior Doctors sabiex jakkomodaw għaż-żieda fl-istudenti?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Infurmata mill-Università ta’ Malta li sar arranġament ma' Barts biex għal din is-sena huma jużaw l-isptar għal fini ta' tagħlim fi żmien meta l-Università ta’ Malta tkun fir-recess; jiġifieri f’Jannar u fis-sajf. a. L-Università ta' Malta ser tara li kif ikollha l-lista ta' konsulenti li se jaħdmu ma' Barts il-konsulenti ma jkunux mgħobbija żżejjed fl-istess ħin. b. Qed nużaw kemm l-outpatients kif ukoll is-swali li huma covid negative bħal qabel. Fis-swali issa jidħlu 3 darbiet fil-ġimgħa imma għal ħin itwal biex in-numru ta' studenti ikun baxx. c. Il-ħin li l-istudenti jagħmlu mal-Konsulenti/Speċjalisti huwa l-istess bħas-snin ta' qabel. d. S’issa, b’dan l-arranġament li għamilna biex Barts jużaw il-clinics fir-recess tal-Università ta’ Malta, it-tobba li għandna bħalissa jidhru li huma biżżejjed.