San Pawl il-Baħar – Triq ix-Xagħra tal-Bandieri – xogħol
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9227 dwar xogħlijiet fi Triq ix-Xagħra tal-Bandieri, f’San Pawl il-Baħar, tista' l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanta tax-xogħol li jrid isir kif indikat fl-istess tweġiba? Min ser ikun il-kuntrattur li ser ikun qed jagħmel dan ix-xogħol?
Response (DALLI, MIRIAM)
Filwaqt li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanta proposta, ninforma lill-Onor. Interpellanta illi t-twettiq tax-xogħlijiet se jsir direttament mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.
Tista’ l-Ministru tgħid meta se jibda u jiġi komplut ix-xogħol fuq il-proġett tas-Siċċa f'Birżebbuġa biex jiġi riġenaerat l-impjant ta' San Luċjan? Kemm ser jiġi jiswa dan ix-xogħol?
Response (DALLI, MIRIAM)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet li tajtu għall-mistoqsijiet parlamentari 2991 u 4426, ninfurmah li fl-aħħar xhur ġew evalwati s-sejħiet għall-offerti li jipprovdu għall-project management u l-ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà waqt l-iżmantellar tal-impjant. Sussegwentement ġew ikkuntrattati żewġ kumpaniji sabiex jipprovdu dawn is-servizzi.
Sadanittant tkompla x-xogħol fuq sejħiet oħrajn, tant li nħarġet sejħa għal investigazzjonijiet relatati mal-art u l-ilma tal-pjan, u tħejjiet sejħa oħra li tipprovdi għat-tindif tat-tankijiet mill-fdalijiet taż-żjut. Fir-rigward tal-iżmantellar tat-tankijiet, inbeda l-proċess tal-applikazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar u għal dan il-għan qed titħejja sejħa li tkun tista’ tinħareġ meta jinħarġu l-permessi.
F’dan l-istadju, l-iskadenzi u l-istimi tal-proġett huma dipendenti ħafna fuq ir-riżultati tal-investigazzjonijiet li għad iridu jsiru fuq is-sit. Madankollu l-pjan hu li din l-ewwel fażi tal-proġett titlesta sal-aħħar tal-2024 u l-ispiża hija stmata li se tlaħħaq €850,000.
Xlendi, Għawdex – proġett ta’ riġenerazzjoni tal-parkeġġ
Question
Tista’ l-Ministru tgħid fiex waslu l-konsultazzjonijiet bejn il-Ministeru għal Għawdex u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma dwar il-proġett ta’ riġenerazzjoni tal-parkeġġ tax-Xlendi? Tista’ tgħid jekk intlaħaqx ftehim reċiproku u jekk iva, fiex jikkonsisti? Tista’ tgħid ukoll meta bejn wieħed u ieħor hu maħsub li jibda x-xogħol li hemm bżonn min-naħa tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ġewwa x-Xlendi biex l-infrastruttura tilqa’ għaż-żieda fin-numru ta’ residenti u fiex se jkun jikkonsisti dan ix-xogħol u kemm hu maħsub li se tkun l-ispiża?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, għalkemm mhijiex l-entità responsabbli mir-riġenerazzjoni tal-parkeġġ, kienet f’diskussjonijiet kontinwi mal-Ministeru għal Għawdex sabiex tiġi integrata l-aħjar infrastruttura tad-drenaġġ ma’ dan il-proġett. Id-diskussjonijiet ġew konklużi u bi qbil bejn il-partijiet konċernati il-Korporazzjoni qed timplimenta l-istudji tekniċi meħtieġa sabiex tiddisinja l-pumping station adekwata u jinbidlu wkoll il-pajpijiet li jwasslu għas-sentina. Ladarba jitlestew dawn l-istudji wieħed imbagħad ikollu idea ċara ta’ kemm se tkun l-ispiża u kemm se jieħu żmien dan ix-xogħol biex jitwettaq.
Malta Enterprise – Applikazzjonijiet għal LOI għall-produzzjoni tal-kannabis mediċinali
Question
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 9634 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet u issa ġiet riferuta lilha u tgħid kemm irċeviet applikazzjonijiet il-Malta Enterpise għal Letter Of Intent (LOI) għall-produzzjoni tal-kannabis mediċinali sena b’sena mill-2018 sal-lum? Kemm kien hemm applikazzjonijiet li ġew aċċettati u kemm kien hemm li ġew miċħuda, sena b’sena mill-2018 sal-lum? Tista’ tgħid ukoll kemm kien hemm minn dawk li rċevew LOI imma għaddew din l-awtorizzazzjoni għal kumpaniji oħrajn?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista’ l-Ministru twieġeb għall-mistoqsija parlamentari 9635 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet u tgħid kemm kien hemm li rċevew liċenzja Good Manufacturing Practice (GMP) mill-Awtorità dwar il-Mediċini?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat mill-Awtorità msemmija minnu stess fil-mistoqsija.
Tista’ l-Ministru tgħid x’passi ttieħdu matul is-sena li għaddiet u li qegħdin jittieħdu sal-lum f’dak li jissejjaħ il-Magħluq, f’Wied il-Għajn, mid-dipartiment rispettiv?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Ambjent Malta u l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) ikkollaboraw mill-qrib mal-għaqda volontarja Nature Trust Malta sabiex komplew jitwettqu diversi interventi għar-riabilitazzjoni u l-ħarsien tas-sit imsemmi. Fil-fatt, it-tmexxija ta’ dan is-sit hija koperta wkoll bi ftehim bejn l-ERA u Nature Trust Malta. L-interventi li saru matul is-sena li għaddiet kienu jinkludu:
· Ttħammil u tneħħija ta’ materjal mill-ilma biex tittejjeb iċ-ċirkolazzjoni u biex jissaħħaħ l-ambjent naturali fejn jgħix il-Bużaqq (il-ħuta nazzjonali);
· Tneħħija ta’ speċi aljeni invażivi;
· Estensjoni tal-ambjent naturali li jżomm l-ilma;
· Studju dwar il-popolazzjoni tal-Bużaqq;
· Tħawwil ta’ siġar indiġeni;
· Monitoraġġ tal-kwalità tal-ilma;
· Photographic survey biex isir magħruf l-istat tal-ħitan taħt il-livell tal-ilma fil-Magħluq;
· Xogħol ta’ restawr tal-ħitan tas-sejjieħ.
Barra minn hekk, dan ix-xahar se tiġi ppubblikata sejħa għall-offerti biex jinbidel il-fencing li jdawwar is-sit.
Tista' l-Ministru tinforma lill-Kamra dwar is-sejħa ‘Competitive Procedure with Negotiation’ għall-proġett to design, build and operate a waste-to-energy plant in Magħtab? Tista’ tgħid fiex wasal il-proċess ta' aġġudikazzjoni ta' din is sejħa u meta hu maħsub li jiġi konkluż?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 9730.
Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża — impjegati minn ħaddiema ta’ aġenziji tax-xogħol
Question
Tista' l-Ministru tinforma lill-Kamra dwar in-numru ta' impjegati jew sigħat maħduma, ta' ħaddiema impjegati minn aġenzija tax-xogħol tal-kumpanija li ngħatat tender tal-Gvern u titħallas mill-Ministeru jew entitajiet governattivi/Awtoritajiet/Kumpaniji tal-Gvern li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tagħha, għas-snin 2018, 2019, 2020, 2021, 2022 u 2023 sal-lum?
Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża — persuni li għandhom disturbance allowance
Question
Tista' l-Ministru tgħid fil-Ministeru mmexxi minnha, kemm hemm persuni li bħalissa għandhom disturbance allowance, xi grad huma, kemm hemm f’kull grad, kemm hi din l-allowance għal kull xahar u għal kull sena, għal kull wieħed minnhom?
Response (DALLI, MIRIAM)
Filwaqt li nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9573, ninformah li m’hemm l-ebda persuna li hija intitolata għall-benefiċċju msemmi, bħala parti mill-kuntratt tagħha, għax hija parti jew taħdem mas-Segretarjat.
Tista’ l-Ministru tgħid meta hemm il-ħsieb li jibda x-xogħol fuq Ġnien Kottoner ġewwa Bormla?
Response (DALLI, MIRIAM)
B’żieda mat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 8846, ninsab infurmata li fi Ġnien Kottoner, f’Bormla, bħalissa għaddejjin xogħlijiet ta’ riġenerazzjoni inkluż qtugħ ta’ ħaxix, żbir u tindif neċessarju. Barra minn hekk, għaddej il-proċess biex tkun finalizzata u tinħareġ is-sejħa għall-offerti għax-xogħlijiet li hemm ippjanati biex dan il-ġnien isir aktar sigur. Huwa mmirat li dan ix-xogħol jinbeda fl-ewwel kwart tas-sena d-dieħla.
Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar pjanti u pjani marbuta mal-Ecohive fil-Magħtab, fin-Naxxar?
Response (DALLI, MIRIAM)
Filwaqt li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokument li juri li l-pjan tal-ECOHIVE huwa parti mill-pjan tal-immaniġġjar tal-iskart, nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5820.
Tista’ l-Ministru tgħid meta huwa ppjanat li jiġi installat l-inċineratur fl-Echohive fil-Magħtab, fin-Naxxar?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li sal-aħħar ta’ din is-sena l-WasteServ għandha tikkonkludi l-kuntratt mal-operatur li se jibni u jħaddem l-impjant. Filwaqt li l-iskavar huwa kważi lest, ix-xogħol tal-bini u l-kummissjonar tal-impjant mistenni jieħu 42 xahar.
Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar studji marbuta mal-impatt ambjentali tal-inċineratur li se jiġi installat fl-Echohive fil-Magħtab, in-Naxxar?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li, minħabba l-volum kbir ta’ karti biex jiġu stampati d-dokumenti kollha mitluba, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra sommarju tal-Istudju dwar l-Impatt Ambjentali kif ukoll qed ngħaddilha soft copy tad-dokumenti kollha.
Tista’ l-Ministru tispjega fuq liema kriterji ntgħażlu l-proġetti ta’ Project Green u tipprovdi r-rapporti u/jew l-informazzjoni li nġabret u l-punti li ngħataw lil kull proġett sottomess?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-applikazzjonijiet kollha għall-Community Greening Grant ġew evalwati fuq numru t’aspetti differenti u kriterji stabbiliti fl-applikazzjoni. L-objettiv ta’ din l-iskema kien li jiġu implimentati proġetti ambjentali li jinkoraġġixxu l-iżvilupp sostenibbli, il-mobilità attiva u l-appoġġ tal-bijodiversità. Dan sabiex l-ispazji miftuħa jservu wkoll sabiex ikompli jitnaqqas l-impatt tat-tibdil fil-klima. L-applikazzjonijiet kollha ġew evalwati wara eżami inizjali għall-eliġibilità.
L-ewwel wieħed minn dawn il-kriterji kien jinkludi evalwazzjoni tal-potenzjal li kull proġett għandu sabiex jilħaq l-għanijiet tal-iskema. Liema għanijiet, fost oħrajn, kienu jinkludu l-ħolqien ta’ spazji miftuħa u inizjattivi ambjentali oħrajn u l-promozzjoni tas-sostenibbiltà f’sens wiesa’ sabiex tissaħħaħ il-kwalità tal-ħajja tar-residenti u kull min jiffrekwenta ż-żoni tal-madwar.
Kriterji oħrajn kienu jinkludu wkoll il-kontribuzzjoni ta’ kull proġett għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku tal-lokalità u t-tisħiħ tal-aċċessibbiltà. Ġiet ikkunsidrata wkoll l-abbiltà tal-applikant li jwassal il-proġett fiż-żmien u b’baġit xieraq. Infakkar li dawn il-progetti jridu jiġu żviluppati sa stadju li jkunu jistgħu jitlestew sa Settembru tal-2025.
Għal dawn il-kriterji, l-applikanti ntalbu jipprovdu viżjoni ċara għal dak li jimmira li jikseb il-proġett ibbażat fuq evidenza tal-isfidi u l-ħtiġijiet lokali.
Kriterju ieħor li kien stabbilit kien dak li jirrigwarda l-estetika u l-innovazzjoni tal-proġetti sottomessi. Fil-fatt, saret evalwazzjoni teknika tad-disinn propost sabiex jiġi stabbilit aħjar sa liema punt dan kien jikkumplimenta l-pajsaġġ urban eżistenti, filwaqt li jtejjeb iż-żona u jilħaq l-għan ambjentali ta’ ekoloġizzazzjoni urbana u jtejjeb il-bijodiversità.
Ingħatat prijorità għal soluzzjonijiet innovattivi u awtentiċi bbażati fuq in-natura (nature based solutions) li jikkontribwixxu għal ambjent u bijodiversità aħjar.
Din l-evalwazzjoni setgħet issir skont l-applikazzjonijiet sottomessi li kienu jinkludu, fost oħrajn, pjanijiet u ritratti tas-sit u tal-arkitettura, skeċċ 3d/viżwali ġenerat mill-kompjuter, pjan tal-pajsaġġ (inkluż pjan ta' irrigazzjoni), pjan ta’ manutenzjoni għal 10 snin flimkien ma’ stimi u pjanijiet ta’ xogħlijiet li jenfasizzaw l-istadji importanti (key milestones) u sensiela ta’ green outputs. Is-16-il proġett li ntgħażlu s’issa laħqu dawn il-kriterji b’mod aktar effettiv u ħolistiku.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm mill-proġetti magħżula mill-Project Green diġà għandhom il-permess għall-iżvilupp u tipprovdi wkoll in-numru tal-permess relattiv għal kull proġett magħżul?
Response (DALLI, MIRIAM)
Filwaqt li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra, ninforma lill-Onor. Interpellant li l-permessi ta’ kull proġett magħżul taħt il-Community Greening Grant li kien jirrikjedi Full Development Permit ġew miksuba. Huma biss dawk il-proġetti ta’ skala iżgħar li qegħdin jistennew li tinħarġilhom Development Notification Order (DNO) fil-ġimgħat li ġejjin.
Dipartiment/sezzjoni fi ħdan l-Ambjent responsabbli mit-tindif tal-baħar
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk għadux jeżisti d-dipartiment/sezzjoni fi ħdan l-Ambjent li fil-passat kien responsabbli mit-tindif tal-baħar fil-Port il-Kbir?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tindif tal-baħar fil-Port il-Kbir ma jaqax taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża.
Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża — persuni li għandhom mobile allowance
Question
Tista' l-Ministru tgħid fil-Ministeru mmexxi minnha, kemm hemm persuni li bħalissa għandhom mobile allowance, xi grad huma, kemm hemm f’kull grad, kemm hi din l-allowance għal kull xahar u għal kull sena, għal kull wieħed minnhom?
Response (DALLI, MIRIAM)
Filwaqt li nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9554, ninformah li hemm 8 persuni li huma intitolati għall-benefiċċju msemmi, bħala parti jew jaħdmu mas-Segretarjat tiegħi.