In-Nadur - Triq l-Emigranti - Xogħlijiet mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma
Question
Tista’ l-Ministru tgħid x’tip ta’ xogħlijiet kienu qed jagħmlu / għamlu l-ħaddiema tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) f’dawn l-aħħar ġranet u ġimgħat, u fil-preżent, fi Triq l-Emigranti fin-Nadur, Għawdex? Tista’ tgħid ukoll liema xogħlijiet oħra huma ppjanati li jsiru minn dawn il-ħaddiema f’din it-triq fil-ġranet u fil-ġimgħat li ġejjin?
Response (DALLI, MIRIAM)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajtu għall-mistoqsija parlamentari 31408, ninsab infurmata li x-xogħlijiet min-naħa tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma huma lesti.
Tista’ l-Ministru tgħid x’miżuri tieħu l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) biex jiġu evitati każijiet fejn jiġu imposti multi lil persuna żbaljata għal boroż/kaxxi/konenituri b’isem u/jew dettalji ta’ xi ħadd stampat fuqhom li jiġu mormija, deliberatament jew le, f’post pubbliku minn persuna terza?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) għandhiex policy jew linji gwida uffiċjali li jgħidu li f’każ li tinsab borża ta’ skart b’indirizz jew dettalji oħra ta’ identifikazzjoni stampati fuqha f’post pubblika, din waħedha titqiesx bħala ‘sufficient evidence’ biex tinħareġ
Notice of Intent to Impose an Administrative Fine
? Jekk teżisti tali policy, tista’ l-Ministru tgħid meta ġiet approvata, fejn tinsab fuq is-sit elettroniku tal-awtorità? Jekk jirriżulta fin-negattiv, fuq liema bażi qed jinħarġu dawn il-multi?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il multa amministrattiva nħarġet fl-2024, u mill-1 ta’ Jannar 2025 sal-lum, mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) f’każijiet ta’ littering fejn l-unika evidenza kienet borża jew kontenitur bl-isem jew indirizz tal-allegat kontravenjent? F’dawn il-każijiet imsemmija, kemm minnhom wasslu biex tiġi imposta multa effettiva u f’kemm-il każ il-Bord aċċeda għall-petizzjonijiet sottomessi lilu?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li kemm matul l-2024 u l-2025, kien hemm numru ta’ multi maħruġa mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) abbażi ta’ dettalji personali ta’ individwi misjuba f’boroż tal-iskart li jkunu nħarġu fil-ġurnata jew ħin mhux skont l-Iskeda Nazzjonali għall-Ġbir tal-Iskart. Biss, filwaqt li jista’ jingħata t-total ta’ multi maħruġin fil-perjodu konċernat, tali klassifikazzjoni u livell ta’ dettall mitlub mill-Onor. Interpellanta ma jinżammx fis-sistema elettronika uffiċjali tal-Awtorità.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31403 dwar fiex wasal il-proċess ta’ aġġudikazzjoni tas-sejħa “Competitive Procedure with Negotiation” għall-proġett “to design, build and operate a waste-to-energy plant in Magħtab” fejn ġie mwieġeb li “t-tender inkwistjoni jinsab fl-istadju ta’ evalwazzjoni”, tista’ l-Ministru tgħid għal kemm żmien ilha fi stadju ta’ evalwazzjoni din is-sejħa u meta hu maħsub li jiġi konkluż dan il-proċess?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fid-9 ta' Mejju 2025, id-deċiżjoni tal-award datata 20 ta’ Jannar 2025 ġiet irtirata u għalhekk reġgħet bdiet l-evalwazzjoni mill-ġdid. Din l-evalwazzjoni għandha tiġi konkluża fl-iqsar żmien possibbli.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm ġew kompluti proġetti minn Project Green, minn Jannar 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Tista’ tispeċifika liema huma dawn il-proġetti u fejn huma?
Response (DALLI, MIRIAM)
Fl-aħħar tliet snin tellaqna diversi proġetti u mill-bidu tal-leġiżlatura s’issa, l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Ambjent, waħidom wettqu 62 proġett differenti mifruxin madwar il-pajjiż. Il-ħidma fuq dawn il-proġetti hija maqsuma fuq tliet binarji, il-ħolqien ta’ spazji miftuħa ġodda, ir-riġenerazzjoni ta’ spazji li kienu mitluqin għal ħafna snin kif ukoll widien, u ż-żamma aħjar ta’ spazji eżistenti.
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li filwaqt li Project Green hija responsabbli mill-maġġoranza tal-proġetti u nħolqot proprju għalhekk, proġetti oħra saru wkoll, qegħdin isiru jew se jitwettqu minn entitajiet oħrajn li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħi. Barra minn hekk, dan l-isforz huwa mifrux mal-gvern kollu b’entitajiet u ministeri differenti jagħtu l-kontribut huma wkoll b’diversi proġetti li saru jew qegħdin isiru min-naħa tagħhom.
Min-naħa tagħha, Project Green s’issa wettqet 28 proġett. Minn dawn, din is-sena l-aġenzija lestiet Ġnien fil-Laboratorju tal-Paċi f’Ħal Far, Ġnien tal-Komunità fil-Qajjenza, Birżebbuġa, Ġnien San David f’Pembroke, Ġnien Kacey Sciberras f’San Pawl il-Baħar, Ġnien l-Iskultura f’Santa Luċija, proġett ieħor li sar fil-Park ta’ Sant’Antnin f’Marsaskala fejn saru żewġ żoni dedikati għat-tfal u l-adoloxxenti, u Ġnien Zaylen Borg f’Raħal Ġdid li ġie nawgurat proprju lbieraħ.
Proġetti oħrajn li diġà saru din is-sena jinkludu parti mill-Walking Trail tal-Victoria Lines, xogħlijiet fil-Ġnien Kostali ta’ Wied iż-Żurrieq, riġenerazzjoni ta’ Ġnien Kenn tas-Salvatur fl-Għasri, tisbiħ ta’ Ġnien Palma f’Ħ’Attard, proġett ta’ tisbiħ bil-ħolqien ta’ spazji urbani ħodor fiż-żona Tar-Rabbat fil-Ħamrun, ħolqien ta’ ġnien pubbliku fl-Iskola Primajra ta’ Għajnsielem, u l-Proġett Silva Pathways fejn ġew restawrati żewġ żoni afforestati fl-Aħrax ta’ Ġewwa u l-Miżieb, fil-Mellieħa li kollha saru minn Ambjent Malta, il-Walking Trail f’Wied il-Qlejgħa mill-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma (EWA) kif ukoll il-proġett ta’ riġenerazzjoni tad-daħla tal-Isla, restawr tas-swar ta’ San Mikiel u Ġnien tal-Marina f’Tal-Pietà li saru mill-GHRC.
Bħalissa għaddejjin xogħlijiet mill-enitatijiet rispettivi fuq diversi proġetti oħrajn madwar il-pajjiż u fuq l-ippjanar biex jinbdew oħrajn. Fost dawn hemm dawk li għadna kemm ħabbarna l-ġimgħa li għaddiet biex jinbdew proġetti ġodda biex jinħolqu aktar spazji ħodor, ġonna edukattivi u żoni ta’ rikreazzjoni sostenibbli f’35 skola primarja u sekondarja madwar Malta u Għawdex. Dawn il-proġetti se jsiru minn Project Green bħala parti mill-Green School Initiative, inizjattiva li twieldet minn dak li talbu l-istudenti stess li jkollhom skejjel li jressqu n-natura eqreb lejhom.
F’dak li jirrigwarda tħawwil ta’ siġar, mill-bidu ta’ din il-leġiżlatura ħawwilna 60,000 siġra, li 9,000 minnhom tħawlu din is-sena. Hanwhekk ukoll tnediet inizjattiva minn Project Green biex tgħin lin-nies jiksbu s-siġar biex iħawluhom fl-art tagħhom. B’kollox se noffru aktar minn 70,000 siġra u diġà hemm rispons tajjeb ħafna mill-pubbliku għal din l-inizjattiva.
Tista’ l-Ministru tgħid meta hu mistenni li jsir ix-xogħol neċessarju fl-inħawi tal-Melita Gardens, u Kennedy Grove fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar? Tista’ tgħid ukoll liema xogħol hu mistenni li jsir u meta?
Response (DALLI, MIRIAM)
Filwaqt li nirreferi għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 29466, ninsab infurmata li s-sejħa għall-offerti li ħarġet se jkollha tinħareġ mill-ġdid fil-ġimgħat li ġejjin, wara li l-offerti sottomessi kienu problematiċi. Ix-xogħol pjanat jinkludi t-tibdil tal-apparat kollu tal-logħob għat-tfal li hemm fil-parti ta’ fuq tal-park kif ukoll fil-parti t’isfel magħrufa aħjar bħala Kennedy Grove. Se jinbidlu wkoll it-twapet tas-sigurtà li hemm taħt dan il-logħob kif ukoll l-apparat tal-outdoor gym biex isir kollox ġdid. Apparti t-tagħmir tal-logħob, il-bażi strutturali ukoll ser tinbidel.
Tista’ l-Ministru tgħid preżentement kemm hemm charging points għall-vetturi elettriċi madwar Malta u Għawdex? Tista’ tgħid ukoll fejn jinsabu dawn l-istess charging points u kemm hu maħsub li jiżdiedu iktar charging points, u fejn?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li bħalissa hawn 408 charging points imxerrdin madwar Malta u Għawdex li huma responsabbiltà tal-Energy and Water Agency. Barra minn hekk, ġew identifikati 613-il sit ieħor fejn jistgħu jsiru charging pillars ġodda b’żewġ charging points kull wieħed. F’numru ta’ siti minn dawn, diġà qed isir ix-xogħol infrastrutturali u l-preparamenti elettriċi meħtieġa, filwaqt li qed jitħejjew iktar sejħiet għall-offerti biex ikun jista’ jsir ix-xogħol infrastrutturali fis-siti kollha. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra informazzjoni dwar fejn huma ċ-charging points eżistenti, filwaqt li l-ġodda se jkunu mifruxin mal-pajjiż kollu.
Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika - Direct orders ta' inqas minn €2,000
Question
Tista’ l-Ministru tagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €2,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha matul Settembru 2025?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif weġibt f’diversi istanzi, l-entitajiet u d-dipartimenti li huma fid-dekasteru tal-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika, japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt li joħorġu mill-Public Procurement Regulations.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il darba, matul l-aħħar ħames snin, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), bħala konsulent estern, fetħet appell quddiem it-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar (EPRT) kontra permess ta’ żvilupp li jkun ġie approvat mill-Awtorità tal-Ippjanar minkejja li l-ERA kienet oġġezzjonat b’mod formali fil-perjodu ta’ rappreżentazzjoni? F’dawk l-appelli mressqa mill-ERA quddiem l-EPRT matul dawn l-aħħar ħames snin, f’kemm-il każ l-EPRT laqgħet kompletament jew parzjalment l-appell tal-ERA, u f’kemm-il każ ġiet ikkonfermata d-deċiżjoni tal-PA?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li fil-perjodu indikat, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi m’għamlitx appelli quddiem it-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar (EPRT).
Fid-dawl li diversi residenti talbu lil Enemalta biex il-meter tad-dawl tagħhom jiġi mibdul għal smart meter sabiex ikun jista’ jinqara mingħajr il-bżonn li jiġi l-meter reader, tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm persuni fil-lista ta’ stennija? Tista’ tgħid ukoll x’inhuma t-timeframes biex dawn il-meters jinbidlu, fid-dawl tal-fatt li hemm numru ta’ residenti ilhom xhur li għamlu din it-talba?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Tista’ l-Ministru telenka lista bil-proġetti kollha ta' Project Green li bdew u tlestew, dawk li bħalissa għaddejjin ix-xogħlijiet fuqhom u għadhom pendenti, kif ukoll dawk li għadhom fi stadju ta' ppjanar u/jew konsultazzjoni? Tista’ tgħid kull wieħed meta beda, meta tlestew (jekk tlestew), u f'każ li għadhom pendenti meta huwa mistenni li jitlestew? Tista’ wkoll tgħid, kemm swew jew se jiswew, il-lokalità u post fejn jinsabu, u deskrizzjoni qasira ta’ kull proġett?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni qed tinġabar.
Fish farms - Rapporti ta’ monitoraġġ - Slime pollution
Question
Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ kwalunkwe rapport ta’ monitoraġġ fuq il-fish farms li saru mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) b’relazzjoni mal-problema ta’ slime pollution li kien hawn fl-ibħra u x-xtajtiet fix-xhur li għaddew?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument rigward 128 spezzjoni marittima mwettqa mill-ERA matul is-sajf tal-2025 bħala parti mill-monitoraġġ fuq il-fish farms tat-tonn. Dawn jinkludu kemm spezzjonijiet proattivi mingħajr ebda avviż fir-rigward tal-operaturi tal-fish farms, kif ukoll spezzjonijiet relatati ma' investigazzjonijiet ta' lmenti li ġew rappurtati lill-ERA fuq allegat slime fil-baħar. Jinżamm rendikont immedjat ta’ x’irriżulta waqt l-istess spezzjoni għal fini ta’ konformità mal-permess ambjentali tal-istess operaturi, u fejn jirriżulta li m’hemmx konformità mal-permess ambjentali tittieħed azzjoni tal-infurzar skont iċ-ċirkustanza.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il skimmer għandu kull operatur tal-fish farms u kemm minnhom jintużaw fl-istess ħin matul l-operat?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-operaturi tal-fish farms għandhom obbligu li jkollhom kontinġenza ta’ prevenzjoni biex jiġi evitat skular ta’ żjut fil-baħar, mingħajr indikazzjoni speċifika dwar it-tagħmir li għandu jintuża. Hemm xi operaturi li għandhom skimmer, però kif ingħad, it-tip ta’ tagħmir mhux speċifikat fil-permess.
Tista’ l-Ministru telenka lista sħiħa u dettaljata tal-każijiet kollha fejn kien hemm ksur tal-liġijiet u/jew tar-regolamenti ambjentali mill-operat tal-fish farms, li tindika n-natura ta’ kull ksur u l-multi amministrattivi imposti rispettivament, kif ukoll kwalunkwe azzjoni ta’ rimedju li saret f’kull każ matul l-aħħar ħames snin?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li tweġiba tingħata f’seduta oħra.
B’referenza għall-każ ta’ backfilling illegali f’barriera li tinsab fl-inħawi magħrufa bħala ta’ Santa Katerina fir-Rabat, tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja sħiħa tal-method statement għar-restawr tas-sit sottomess lill-Awtorità tal-Ippjanar u sussegwentement mibgħut lill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li tajtha għall-mistoqsija parlamentari 31879.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien l-ammont ta’ ilma tad-drenaġġ li twassal sal-impjant tal-Fessej f’Għawdex minn Jannar 2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar? Kemm hu maħsub li jkompli jiżdied l-ammont ta’ drenaġġ li jitwassal f’dan l-impjant u kif inhu mistenni li jiġi msaffi u użat dan l-istess drenaġġ matul iż-żmien li ġej? Tista’ tgħid ukoll kemm minn dan id-drenaġġ ġie msaffi u twassal bħala new water, matul l-istess perjodu u f’liema nħawi ntuża dan l-istess ilma tan-new water, u taqsam din l-informazzjoni lokalità b’lokalità?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma trattat id-drenaġġ kollu li wasal għandha u rnexxielha tipproduċi l-ammont kollu ta’ New Water skont il-kapaċità tal-impjant. Dan l-ilma ntuża f’diversi nħawi fil-gżira Għawdxija. Il-Korporazzjoni pubblikat sejħa għall-offerti biex tiġi rduppjata l-figura kemm tat-trattament tad-drenaġġ kif ukoll tal-produzzjoni ta’ New Water.
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 31534 u ċjoè: B’referenza għax-xogħlijiet li qed isiru fi Triq A.M. Valperga fil-Fgura (’l isfel mill-ground tal-futbol), tista’ l-Ministru tgħid għalfejn il-ħajt il-ġdid li qed jinbena mat-triq ma daħalx iktar ’il ġewwa sabiex il-karozzi jkunu jistgħu jipparkjaw b’mod vertikali (fish bone) u mhux orizzontali mat-triq, u b’hekk tkun tista’ tissolva parzjalment il-problema tal-parkeġġ fiż-żona? Tista’ tgħid ukoll jekk tali talba saritx mill-Kunsill Lokali wkoll?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li din it-talba tressqet lill-Awtorità responsabbli għan-netwerk tat-toroq.