Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-għoli qabel ma beda x-xogħol ta' rijabilitazzjoni u restawr fuq il-landfill ta' Wied Fulija fiż-Żurrieq u kemm ġie l-għoli tal-istess landfill issa meta x-xogħol neċessarju huwa kważi lest?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninsab infurmat li l-għoli tal-landfill fl-ogħla punt tas-sit tela’ minn madwar 123.89 metru ‘l fuq mill-livell tal-baħar ghal 124 metru. Dan jinkludi l-fatt li, apparti l-ikkumpattar naturali, sar ukol proċess ta’ ‘reprofiling’ li kien jinvolvi li f’xi partijiet tneħħa materjal u f’xi bnadi oħra ġie miżjud, imma dejjem kif titlob is-sengħa. Iżda f’kull punt tas-sit hemm ta’ mill-inqas metru għoli f’capping.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Parlament kemm art f'Outside Development Zone f'Malta u f'Għawdex ġiet destinata għal-solar panel farms jew fejn ġew stallati solar panels u dan sal-jum li fih tiġi mwieġba din id-domanda?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-mistoqsija se tiġi mwieġba f’seduta oħra.
Rabat Għawdex – bdil fil-pjan lokali għall-bini ta’ sptar ġdid
Question
Jista' l-Ministru jinforma lill-Parlament jekk hux ser ikun hemm ħtieġa ta' tibdil fil-pjan lokali fir-Rabat Għawdex biex ikun jista' jinbena l-isptar il-ġdid imwiegħed mill-Gvern ġewwa r-Rabat Għawdex? F'każ li iva, jista' jgħid x'sar jew x’qed isir f'dan ir-rigward?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li m’hemmx il-ħsieb li jsiru aktar emendi għall-Pjan Lokali tar-Rabat Għawdex wara dawk li saru fl-2017 biex ikun jista' jinbena l-isptar il-ġdid imwiegħed mill-Gvern.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Parlament kemm ġew esegwiti ordnijiet t'infurzar tal-Awtorità tal-Ippjanar, lokalità b'lokalità f'Għawdex tul il-leġislatura kurrenti?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-mistoqsija se tiġi mwieġba f’seduta oħra.
Tribunal għar-Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar – kunflitt ta’ interess ta’ membri maħtura
Question
Jista' l-Ministru jispjega lill-Parlament x'għamel biex isolvi l-kunflitt t'interess li membru jew membri maħtura fuq it-Tribunal għar-Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar jista' għandhom minħabba li huma impjegat/i tal-Awtorità tal-Ippjanar?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, minn fost il-persuni maħtura fuq it-Tribunal għar-Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar, kien hemm persuna waħda b’arranġament ta’ unpaid leave mill-Awtorità tal-Ippjanar; dan filwaqt li kienet qed tagħti s-servizz esklussiv tagħha lit-Tribunal imsemmi. Minkejja li fl-Awtorità tal-Ippjanar, il-persuna kkonċernata ma kienet qed tagħmel l-ebda xogħol, xorta waħda saru arranġamenti sabiex id-detailing li din il-persuna kellha ma’ l-imsemmija Awtorità jiġi revokat u b’hekk din il-persuna issa m’għanda l-ebda impjieg mal-Awtorità tal-Ippjanar.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xogħlijiet kollha li bdew f'dawn l-aħħar xhur ġewwa Triq il-Lanterna, it-triq li twassal għall-Fanal tal-Ġordan ġewwa l-Għasri Għawdex, għandhomx il-permessi kollha meħtieġa tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) u tal-Awtorità ta-Ippjanar (PA) u jekk iva jpoġġihom kollha fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-mistoqsija se tiġi mwieġba f’seduta oħra.
Il-Magħtab — żona residenzjali - tnaqqis ta' rimi ta' Skart
Question
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 17016, jista’ l-Ministru jikkonferma li l-WasteServ fil-fatt m’għandhiex Corporate Social Responsibility?
Response (FARRUGIA, AARON)
Naħseb li r-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari 17016 kienet ċara biżżejjed u m’għandix x’inżid magħha.
In-Naxxar – pjanti ta’ proġetti fit-Trade Fair u diversi toroq
Question
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanta tal-proġetti kollha li jmissu mat-Trade Fair, inkluż it-Trade Fair Grounds u ż-żona kollha fi ħdan dawn it-toroq tan-Naxxar: Pjazza Celsi, Triq il-Markiz Scicluna, Triq San Pawl, Triq it-Torri Gauci, Triq it-Torri tal-Kaptan, Triq il-Kappella tax-Xagħra, Triq Santa Marija u l-art kollha ta' wara d-djar ta' Triq G. Muscat u Triq Santa Luċija? Jista' jindika l-kobor ta' kull proġett u n-numru ta' residenzi f'kull proġett?
Response (FARRUGIA, AARON)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra pjanta li turi s-siti li huma koperti b’permessi li għadhom validi u applikazjonijiet pendenti fiż-żona msemmija, flimkien ma' tabella li turi d-dettalji tal-istess applikazjonijiet. Id-dettalji li jinsabu fl-aħħar kolonna jiddeskrivu n-numru ta’ residenzi li nħolqu permezz tal-iżvilupp propost.
Din l-informazzjoni nġabret mis-sistema ġeografika u tal-informatika tal-Awtorità tal-Ippjanar dwar applikazzjonijiet għal permess ta’ żvilupp, li għadhom pendent jew ġew approvati u l-permess kien għadu validu sas-17 ta’ Novembru 2020.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il applikazzjoni tal-ippjanar f’Outside Development Zone ġiet deċiża mill-Awtorità tal-Ippjanar fl-2019 u fl-2020? Jista' jgħid ukoll kemm-il applikazzjoni minn dawn ġiet approvata? Jista' jgħid ukoll kemm-il applikazzjoni ġiet approvata minkejja li l-case officer ikun irrakkomanda li tiġi rifjutata?
Response (FARRUGIA, AARON)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi, sena b’sena n-numru ta’ aplikazzjonijiet għall-permessi ta’ żvilupp li ġew deċiżi mill-Awtorità tal-Ippjanar bejn l-1 ta’ Jannar 2019 u l-31 ta’ Diċembu 2020 fuq siti li jinsabu parzjalment jew kompletament barra ż-żona ta’ żvilupp (ODZ). It-tabella tispeċifika ukoll ir-rakkomandazzjoni tad-Direttorat tal-Immaniġjar tal-iżvilupp.
Din l-informazzjoni nġabret mis-sistema tal-informatika tal-Awtorità tal-Ippjanar dwar applikazzjonijiet għal permess ta’ żvilupp, fejn parti mis-sit jaqa’ barra miż-żona ta’ żvilupp u li ġew approvati jew rifjutati fl-2019 u l-2020 mill-Awtorità tal-Ippjanar.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 15768 u jgħid kemm kien l-ammont ta’ skart riċiklat għall kull lokalità f’Għawdex u għal kull waħda mis-snin 2017, 2018 u 2019?
Response (FARRUGIA, AARON)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar — Bordijiet - attendenza ta' membri
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17519 u jagħti rendikont tal-attendenzi tal-membri fil-laqgħat ta' kull bord li huwa taħt ir-responsabilità tiegħu matul din il-leġiżlatura?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-bordijiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar u li fiha hemm inkluż in-numru ta’ laqgħat li kellu kull bord matul din il-leġislatura, kif ukoll in-numru ta’ okkażjonijiet fejn membru jew ieħor ma kinux preżenti. Irrid ngħid li, b’mod ġenerali, minbarra l-laqgħat uffiċjali, l-persuni maħtura fuq il-bordijiet ikunu involuti wkoll fi gruppi ta’ ħidma iżgħar, sotto-kumitati jew laqgħat bilaterali ma’ persuni interessati oħra; dan minbarra kommunikazzjoni kontinwa permezz tal-email.
Attachments:PQ 17767 - Bordijiet (Attendenza ta' Membri).pdf
Permessi tal-ippjanar f’Urban Conservation Area f’Għawdex
Question
Jista' l-Ministru jagħti rendikont ta’ kemm ingħataw permessi tal-ippjanar fl-Urban Conservation Area ġewwa Għawdex tul il-leġiżlatura preżenti? Jista' jaqsam dawn il-permessi sena b'sena u lokalità b'lokalità?
Response (FARRUGIA, AARON)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tal-binjiet kollha skedati f'Għawdex mill-Awtorità tal-Ippjanar, lokalità b'lokalità? Jista' jindika l-kategorija ta’ skedar għal kull proprjetà? Jista' jindika wkoll liema minn dawn il-binjiet jappartjenu lill-Gvern?
Response (FARRUGIA, AARON)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bid-dettalji mitluba. Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-iskedar tal-bini jiġi kkunsidrat biss il-meritu storiku-arkitettoniku tal-binja u allura ma ssirx distinzjoni jekk hiex proprjetà tal-Gvern jew privata jew ta’ xi entitajiet oħra.
Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar – karozza Ministerjali
Question
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra bid-dettalji kollha dwar ix-xiri jew kirja tal-karozza Ministerjali tiegħu tad-ditta Tesla? Jista’ jgħid jekk hux mixtrija, leased jew mikrija u l-prezzijiet kollha relatati?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-karozza in kwistjoni hija waħda elettrika li inkriet bl-approvazzjonijiet meħtieġa bir-rata ta’ ħamsin ewro kuljum VAT eskluża. Din il-karozza hija wkoll riflessjoni tad-determinazzjoni tal-Gvern li jagħti prijorità lit-tibdil fil-klima billi jintużaw karozzi elettriċi li ma jniġġsux. Fil-fatt huwa stmat li permezz ta' din il-karozza biss il-Ministeru ser ikun qed inaqqas l-emissjonijiet b’medja ta' ftit anqas minn 7 tunnellati ta’ diossidu tal-karbonju fis-sena. Bl-istess ħsieb qed inżidu in-numru ta’ karozzi li jaħdmu bl-elettriku fil-Ministeru tiegħi u sa kmieni s-sena d-dieħla l-ammont ta’ dawn it-tip ta’ karozzi ser inkunu tellajnieh għal tmienja. Naħseb li lkoll għandna naqblu li din għandha tkun d-direzzjoni ‘l quddiem. F’dan il-kuntest infakkar li kif intqal fid-diskors tal-Budget, fl-2021 il-Gvern se jwettaq studju biex ikun hemm tibdil minn karozzi li jaħdmu bil-fjuwil għall-karozzi li jaħdmu bl-elettriku fis-Servizz Pubbliku. Kif jaf l-Onorevoli Interpellant il-Gvern diġà jagħti għajnuna sabiex wieħed jaqleb il-karozza tiegħu għal waħda elettrika u l-pjan huwa li din il-miżura tkun mifruxa iżjed u fil-fatt ser tkun miżura ewlenija ll-Istrategija Nazzjonali Dwar żvilupp b’Karbonju Baxx li ser tinħareġ għall-konsultazzjoni pubblika fil-ġimgħat li ġejjin.
Pjazza ta’ Raħal Ġdid u Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – irwejjaħ insapportabbli
Question
Jista’ l-Ministru jordna li ssir investigazzjoni biex jinstab il-kaġun u tittieħed l-azzjoni neċessarja kontra l-irwejjaħ insapportabbli li ta’ kull filgħaxija qed jaħkmu l-akkwati tal-Pjazza ta’ Raħal Ġdid u l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u l-madwar għal dawn l-aħħar jiem bin-nies jispiċċaw bl-imkatar ma’ wiċċhom? Jista’ jkun daqstant ġentili li jagħtini tweġiba anke issa waqt li s-seduti tal-Parlament jinsabu weqfin sal-11 ta’ Jannar 2021?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi matul ix-xahar ta’ Diċembru u fl-ewwel jiem ta’ Jannar l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi ma kellha l-ebda lmenti dwar irwejjaħ f’Raħal Ġdid jew fil-madwar. Intant inħeġġeġ lill-Onorevoli interpellant sabiex jagħraf jiggwida lil min ressaqlu dawn l-ilmenti biex jagħmel rapport lill-ERA.
Jista’ l-Ministru jgħid fl-2016, l-2017 u l-2018 kemm-il Home Ownership Plot ġew akkwistati/mixtrija/imħallsa mill-Awtorità tal-Artijiet u fejn, sena b’sena?
Response (FARRUGIA, AARON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid liema entità hija responsabbli sabiex twettaq is-sorveljanza, kontrol u infurzar fuq l-istat nadif u skont ir-regoli tal-iġene tal-bring in-sites li għandna f’pajjiżna?
Response (FARRUGIA, AARON)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 16208.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17506 u jgħid x'inhuma l-ammonti ta' gass li ġew maqbuda s'issa (xahar, xahar u sena, sena) mill-impjant tal-Magħtab/Għallis? X'sar minnu dan il-gass? Jista' jgħid ġiex iġġenerat xi elettriku minn dan is-sors ta' enerġija?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-gass ġie użat bħala ‘fuel’ biex ħadmu magni li jiġġeneraw l-enerġija elettrika jew bħala sors li minnha jiġi ġġenerat is-sħana f’dak magħruf bħala ‘Regenerative Thermal Oxidizer - RTO’ li jintuża għal trattament tal-gassijiet li mhumiex ta’ kompożizzjoni tajba biżżejjed għall-‘fuel’ tal-magni jew inkella finalment mgħoddi ġol-flare biex jinħaraq kompletament jekk l-anqas għal- RTO ma l-kompożizzjoni ma tkun tajba biżżejjed. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-tabella bid-deskrizzjoni u kwantitajiet fid-dettal ta’ kif dan il-gass intuża f’kull sena kalendarja u kif gie ġġenerat.
Jista' l-Ministru jagħti d-dettalji ta' fejn waslet l-istrateġija ta' low carbon development għal Malta? Jista' jgħid min huma l-konsulenti li qed jaħdmu fuq din l-istrateġija u jagħti rendikont ta' ħlashom sal-jum li fih titwieġeb din id-domanda?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interepllant li l-ħsieb tagħna hu li noħorġu l-abbozz tal-istrateġija fl-ewwel kwart tal-2021. Il-konsulenti li qed jaħdmu fuq l-istrateġija, u li ntagħżlu wara sejħa għall-offerti, huma Ernest & Young b’kollaborazzjoni mal-esperti Ingliżi Eunomia. L-ammont li sa issa tħallas lill-konsulenti jammonta għall-€164,079.