Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kunsill Interministerjali dwar it-Tagħlim tal-Lingwa Maltija

Question

Jista’ l-Ministru jindika minn min huwa kompost il-kunsill interministerjali dwar it-tagħlim tal-Lingwa Maltija ai termini tal-ħidma li għandha ssir taħt il-Kunsill għall-Maltin li jgħixu Barra minn Malta? Jista’ jiġi indikat jekk kemm-il darba l-applikazzjoni għall-fondi mill-Unjoni Ewropea ġietx milqugħa jew le?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-imsemmi Kunsill kien fil-verità Kumitat li twaqqaf fl-2015 mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, bil-għan li jsegwi mill-qrib l-idea oriġinali li titwaqqaf pjattaforma diġitali għat-tagħlim tal-ilsien Malti. Fil-perjodu li fih kien attiv il-Kumitat saret ħidma flimkien mal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol biex jinkisbu fondi Ewropej mill-Integra-LLAPSI+ (Language Learning and Parental Support for Integration Plus) għal dan il-proġett. Il-Kumitat baqa’ jiffunzjona sal-2017 meta l-fondi ġew allokati lill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol biex tkun tista’ tibda l-ħidma fuq dan il-proġett. Il-Kumitat imsemmi kien kompost mid-Direttur Ġenerali għall-Affarijiet Politiċi u Ewropej, id-Direttur responsabbli għall-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta, is-Segretarju tal-Kunsill għall-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta, id-Direttur tal-Akkademja Mediterranja għall-iStudji Diplomatiċi (MEDAC), u rappreżentanti mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol rispetttivament. Tajjeb wieħed ifakkar li fl-aħħar laqgħa ġeneral tal-Kunsill għall-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta, id-Direttur Ġenerali responsabbli minn dan il-proġett fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol informa l-membri tal-Kunsill li l-proġett imsemmi beħsiebu jkun lest sal-aħħar ta’ din is-sena.

Segretarju tal-Kunsill għall-Maltin li jgħixu Barra minn Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min, preżentement, qiegħed iservi bħala Segretarju tal-Kunsill għall-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta u jekk il-ħatra hiex uffiċjali?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-Segretarju tal-Kunsill tal-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta huwa s-Sur Joseph A. Xerri li reġa’ inħatar fil-kariga għal terminu ieħor ta’ tliet (3) snin b’seħħ mill-24 ta’ Novembru 2019. Il-ħatra hija uffiċjali wara li l-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej bagħat l-ittra tal-ħatra lis-Sur Xerri fit-18 ta’ Frar 2020 wara li kienu tlestew il-proċeduri meħtieġa.

Identity Malta — Dixxendenti Maltin li jgħixu fit-Tuneżija, fl-Eġittu u fl-Alġerija

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 11645 issa li għaddew l-emendi relattivi humiex ser jiġu infurmati d-diversi Maltin li jgħixu barra senjatament dawk fit-Tuneżija, l-Alġerija u l-Eġittu bit-tibdiliet relattivi sabiex ikunu jistgħu japplikaw? Jista’ ukoll jikkonsidra li jkun hemm rappreżentazzjonijiet ma’ Identity Malta biex dan isir mingħajr komplikazzjonijiet?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru ħa nota tal-emendi fil-liġi kif indikati fil-mistoqsija parlamentari, u qiegħed jinforma lill-Ambaxxati rispettivi Maltin bid-dettalji tagħhom. Madankollu l-Ministru jixtieq jiġbed l-attenzjoni għal fatt li għall-finijiet ta’ dixxendeti Maltin li jgħixu fit-Tuneżija, l-Alġerija u l-Eġittu rispettivament is-sitwazzjoni tagħhom fir-rigward ta’ applikazzjoni għal ċittadinanza tibqa l-istess bħal din indikata fit-tweġiba parlamentari nru. 11645, jiġifieri li dawk il-persuni li għal raġunijiet storiċi ma jkunux jistgħu jipprovdu ċertifikat tat-twelid oriġinali tal-iStat, għall-finijiet ta’ applikazzjonijiet ta’ ċittadinanza u wara ta’ passport, dawn issa se jkunu mogħtija l-possibbilta’ li jippreżentaw iċ-ċertifikat tal-magħmudija. Dan jibqa’ sottomess għad-diskrezzjoni tal-Aġenzija Identity Malta li każi ta’ dan it-tip titrattahom każ każ biex ikun aċċertat li d-dokumenti ppreżentati jkunu awtentiċi.

Direttorat tal-Protokoll – bastimenti militarji jew statali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il talba rċieva d-Direttorat tal-Protokoll sabiex bastimenti militari jew statali jidħlu f’pajjiżna tul is-sena 2018?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tul is-sena 2018 id-Direttorat tal-Protokoll rċieva sebgha u sittin il-talba sabiex bastimenti militari jew statali jidħlu f’pajjiżna.

Direttorat tal-Protokoll – bastimenti militarji jew statali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il talba rċieva d-Direttorat tal-Protokoll sabiex bastimenti militari jew statali jidħlu f’pajjiżna tul minn Diċembru 2019 sal-aħħar ta’ Frar 2020?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Direttorat tal-Protokoll rċieva sbatax il-talba minn Diċembru 2019 sal-aħħar ta’ Frar 2020 sabiex bastimenti militari jew statali jidħlu f’pajjiżna.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej — servizzi pubbliċi offruti b’mezzi elettroniċi

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista sħiħa ta’ dawk is-servizzi pubbliċi li l-entitajiet/dipartimenti/aġenziji/korporazzjonijiet fid-dekasteru tiegħu joffru b’mezzi elettroniċi u jindika liema minnhom l-utent jista’ jinqeda kompletament b’mezzi elettroniċi (ie ma jkollux għalfejn jimla formoli manwalment jew imur fiżikament f’xi uffiċċju ta’ min qed jipprovdi s-servizz)?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba tal-mistqosija parlamentari W27 li ngħatat f’din is-seduta stess

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej — ħaddiema li jaħdmu bit-teleworking

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li jaħdmu fuq bażi ta’ teleworking fl-entitajiet/dipartimenti/aġenziji/korporazzjonijiet li hemm fid-dekasteru tiegħu u jaqsam l-informazzjoni skont il-grad li għandhom il-persuni rispettivi?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel referenza għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari numru 13970.

Direttorat tal-Protokoll – ajruplani militari jew statali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il talba rċieva d-Direttorat tal-Protokoll sabiex ajruplani militari jew statali jinżlu f’pajjiżna u kemm-il darba saret talba sabiex jidħlu fl-ispazju tal-ajru tagħna minn Diċembru 2019 sal-aħħar ta’ April 2020?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li minn Diċembru 2019 sal-aħħar ta’ April 2020 saret 45 talba biex ajruplani militari jew statali jinżlu f’pajjiżna u 165 talba biex jidħlu fl-ispazju tal-ajru Malti.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej – entitajiet, aġenziji, korporazzjonijiet u kumpaniji — tmexxija

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista sħiħa tal-entitajiet, aġenziji, korporazzjonijiet u kumpaniji kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu u għal kull entità jgħid minn min hi komposta t-tmexxija tagħha (chairperson, diretturi, senior management) u x’inhuma l-karigi rispettivi tal-persuni fit-tmexxija?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropeu, taħt il-qasam tal-Affarijiet Ewropej għandu entità waħda li hija l-European Union Programmes Agency. Din hija immexxija mis-CEO tal-European Union Programmes Agency and National Coordinator Erasmus u European Corps Programmes (Malta), Mr Joseph Schembri.

Direttorat tal-Protokoll – ajruplani militari jew statali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il talba rċieva d-Direttorat tal-Protokoll sabiex ajruplani militari jew statali jinżlu f’pajjiżna u kemm-il darba saret talba sabiex jidħlu fl-ispazju tal-ajru tagħna tul is-sena 2018?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li matul is-sena 2018 saru 104 talbiet biex ajruplani militari jew statali jinżlu f’pajjiżna u 344 talba biex jidħlu fl-ispazju tal-ajru Malti.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej — persuni impjegati fuq bażi ta’ person of trust jew position of trust

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tal-karigi/pożizzjonijiet kollha li fid-data tal-lum fihom hemm impjegati persuni fuq bażi ta’ person of trust jew position of trust, u għal kull kariga/pożizzjoni jgħid: a. Kemm-il persuna hemm impjegata fuq din il-bażi, fil-kariga/pożizzjoni rispettiva? b. X’inhu t-total tal-ispiża tal-pagi, fuq bażi annwali, fil-karigi/pożizzjonijiet rispettivi?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant lit-twegiba ser tingħata f’seduta oħra.

Il-Ġappun – ambaxxata

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 11888, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’żviluppi ulterjuri kien hemm fir-rigward tal-ambaxxata ta’ pajji¿na fil-Ġappun u għalhekk jekk ġiex identifikat u magħżul bini opportun?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li bini opportun kien ġie identifikat wara ħidma mill-Ministeru u l-Ambaxxatur ta’ Malta għall-Ġappun. Wara li l-bini opportun ġie magħżul minn fost għadd ta’ propjetajiet u maqbul li dan jissodisfa l-kriterji mposti mill-Ministeru, bdew negozjati biex jiġi iffirmat il-kuntratt biex ikun jista’ jinkera dan il-post fid-distrett ta’ Shiroganedai f’Tokyo. Minħabba l-iżviluppi tal-Covid-19, dan il-proċess kellu sfortunatament jiġi mwaqqaf għax is-sitwazzjoni ma kinitx tippermetti li staff tekniku tal-gvern jitla’ l-Ġappun u peress li l-post kien għall-kera, u sid il-kera ma setax jistenna iktar. Għaldaqstant il-proċess huwa wieqaf u kollox irid jerġa jibda mill-bidu sakemm is-sitwazzjoni terga tiġi għan-normal u l-vjaggi lejn il-Ġappun ikunu jistgħu jerġgħu jseħħu.

Ambaxxaturi ta’ pajjiżna – preżentazzjoni tal-kredenzjali

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien hemm ambaxxaturi ta’ pajjiżna li kienu qed jistennew sabiex jippreżentaw il-kredenzjali tagħhom sal-aħħar ta’ Marzu 2020 u jista’ jindika liema huma?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li sal-aħħar ta’ Marzu 2020 kien hemm sittax (16) Ambaxxaturi li kienu qed jistennew sabiex jippreżentaw il-kredenzjali tagħhom. Ma’ dan l-ammont hemm ukoll inklużi dawk l-Ambaxxaturi li sal-aħħar ta’ Marzu kienu qegħdin wkoll jistennew li jinħarġilhom l-agrément. Barra minn hekk fil-każ tal-Brażil u tal-Oman, l-ammbaxxaturi diġa preżentaw l-copie d’usage tagħhom. Dawn huma hekk kif ġej: Brażil Sur Pius Camilleri Panama Dr Michael Buhagiar Arġentina Sur Frank Galea Ċili Sur Frank Galea Oman Sur Paul Mifsud Maċedonja ta’ Fuq Sinjura Mary Scicluna Estonja Sur Michael Zammit Tabona Portugal Sur John Camilleri Ġermanja Sinjura Marlene Bonnici Italja Sur Carmel Vassallo Emirati Għarab Magħquda Sinjura Maria Camilleri Calleja Iżrael Sur Patrick Cole Żvizzera Dr Albert Friggieri Liechtenstein Dr Albert Friggieri Djibouti Sur Ronald Micallef Indja Sur Reuben Gauci

Ambaxxaturi ta’ pajjiżna li qed jistennew agreement

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien hemm ambaxxaturi ta’ pajjiżna li kienu qed jistennew l-hekk imsejħa “agreement” sal-aħħar ta’ Marzu 2020? Jista’ jindika liema huma?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minħabba s-sensittività tas-suġġett għal pajjiżi li jagħtu l-kunsens (agrement) tagħhom għal ħatra ta’ Ambaxxatur, lest li nagħtih din l-informazzjoni b’mod kunfidenzjali.

Fondi Ewropej allokati — użu

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien hemm Fondi Ewropej li l-Ministeru tiegħu qiegħed jagħmel użu minnhom tul is-sena li għaddiet u x’inhuwa previst għal din is-sena? Jista’ jindika wkoll jekk il-programmi b’mod dettaljati hux ġejjin taħt is-sistema Schengen?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Matul l’2019, Malta ibbenefikat partikolarment minn għaxar Fondi Ewropej li huma: European Regional Development Fund, Cohesion Fund, European Social Fund, European Fisheries and Maritime Fund, Stimulating Private Sector Investment for economic growth (SME), Fund for European Aid to the most deprived (FEAD), EEA and Norway Grants, Asylum, Migration and Integration Fund, Internal Security Fund and European Agricultural Fund for Rural Development (EAFRD). Il-fondi tal-Internal Security Fund u Asylum, Migration and Integration Fund ikopru proġetti li huma relatati wkoll mas-sistema Schengen. In-nefqa għar-rimbors li saret lejn il-Kummisjoni Ewropeja fl-2019 tammonta għal madwar €135m, filwaqt li huwa stmat li għal din is-sena din tammonta għal madwar €149m.

Awstralja u Kanada – inizjattivi fuq ftehim dwar is-saħħa

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 11889, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk ġewx meħudin xi passi jew inizjattivi sabiex il-ftehim li pajjiżna għandu mal-Awstralja dwar is-saħħa, jiġi wkoll reġistrat mal-Kanada?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 11889 għadha rilevanti - ma hemm l-ebda ftehim bilaterali mal-Kanada fil-qasam tas-saħħa jew diskussjonijiet dwar inizzjattivi f’dan ir-rigward.

Pajjiżi li jixtiequ jiftħu ambaxxati f' Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il pajjiż u liema huma dawn il-pajjiżi li jixtiequ jiftħu ambaxxata f'Malta?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Iinterpellant li sal-aħħar ta’ April 2020 ma kien hemm l-ebda talba pendenti minn xi pajjiż li jixtieq jiftaħ ambaxxata f’Malta.

Repubblika tal-Indja – “Waiver of Visa Requirement for holders of Diplomatic Passports”

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk il-ftehim imsejjaħ “Waiver of Visa Requirement for holders of Diplomatic Passports” mar-Repubblika tal-Indja li kien ġie ffirmat, ġiex fis-seħħ jew le u għalhekk huwiex jiġi implimentat?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li l-ftehim imsejjaħ “Waiver of Visa Requirement for holders of Diplomatic Passports” mar-Repubblika tal-Indja kien ffirmat fl-10 ta’ Novembru 2013. Nikkonferma li dan il-ftehim ġie rratifkat miż-żewġ naħat u daħal fis-seħħ fis-16 ta’ Novembru 2015.

Joint Commission — laqgħat

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm-il darba ltaqa’ l-Joint Commission bejn pajjiżna u l-Alġerija f’dawn l-aħħar sentejn u x’kienu t-temi li ġew diskussi?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li l-ħames sessjoni tal-Kummissjoni Konġunta Malta-Alġerija ġiet organizzata f’Malta mit-18 sad-19 ta’ Diċembru 2018. Il-Kummissjoni Konġunta kienet ko-preseduta mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ, l-Onor. Carmelo Abela, u l-Ministru għall-Enerġija tar-Repubblika Demokratika tal-Poplu ta’ Alġerija, l-E.T.Mustapha Guitoni. Din is-sessjoni laqgħet iktar minn 50 delegat tekniku minn diversi setturi biex tiddiskuti t-titjib tal-koperazzjoni u l-iskambju ta 'għarfien espert f'għadd ta' oqsma ta 'interess reċiproku fosthom, is-saħħa, l-ambjent, l-enerġija, l-ilma, l-edukazzjoni u t-taħriġ kif ukoll l-ekonomija, l-industrija. u l-kummerċ. Ir-riattivazzjoni tal-Kummissjoni Konġunta kienet żvillup importanti fir-relazzjonijiet tagħna mal-Alġerija, peress li reġgħet ġiet attivata wara assenza ta' 30 sena.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej — direct orders

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 12854 u 12590, u jgħid kemm-il direct order ingħatat kull sena matul l-2017, 2018 u 2019 mill-Ministeru u d-dekasteru tiegħu inkluż dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu? Jista' jgħid kemm kienet iċ-ċifra ta' flus globali sena b’sena?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 12590 li ngħatat fl-4 ta’ Frar 2020.