Legislature:
Category:
Reset
Active:

Qrati Ċivili – introduzzjoni ta’ sentenzi ex tempore

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk jikkunsidrax l-introduzzjoni ta’ sentenzi fil-Qrati Ċivili tal-hekk imsejħa “ex tempore” għal iktar speditezza fl-amministrazzjoni tal-Ġustizzja?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninsab infurmat illi l-possibilità ta’ sentenzi ex tempore mhux l-ewwel darba li ġiet studjata fil-kamp tad-dritt proċesswali ċivili Malti. Mi¿ura bħal din pero tkun tiddependi mill- aċċettazzjoni da parti tal-professjoni legali u tal-ġudikatura u għalhekk l-introduzzjoni ta’ tali sistema trid tkun il-frott ta' impact assessment u ta feasibility study u fuq kollox kemm jista jkun ta’ qbil fis-settur. Preżentement il-priorita’ fil-qasam tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja ċivili huwa l-backlog fil-grad ta’ appell pero l-Gvern huwa dejjem miftuħ għal suġġerimenti oħra li jistgħu iġibu titjib f'dan il-qasam u bl-ebda mod ma jeskludi miżuri oħra li jkunu fattibbli.

Sentenzi tal-Qorti Kostituzzjonali — emendi

Question

Jistax l-Ministru jikkunsidra li jintroduċi emendi leġiżlattivi sabiex is-sentenzi tal-Qorti Kostituzzjonali li jiddikjaraw xi liġi bħala waħda invalida għax tikser id-drittijiet fondamentali tal-bniedem, jibdew ikollhom effett erga omnes, u ċjoè ma jorbtux biss il-partijiet f’dik is-sentenza partikolari iżda b’effett awtomatiku ta’ dik is-sentenza kostituzzjonali dik il-liġi tiġi awtomatikament nulla minn dakinhar ’l quddiem?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Kif jaf l-Onor. Membru s-sistema li qed jirreferi għaliha hija estraneja għall-ordinament ġuridiku Malti u l-introduzzjoni tagħha tista’ ukoll tagħti lok għal iżjed problemi legali milli tirriżolvi. F'dan l-istadju l-Gvern jippreferi li jibqa konsistenti mas-sistema preżenti li taħtha meta l-Qorti Kostituzzjonal tiddikjara li liġi tivvjola l-Kostituzzjoni r- rimedju jkun jispetta lill- Parlament.

Investigazzjoni ta’ individwi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’sar minnha l-investigazzjoni dwar l-individwi li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament u dawk kollha involuti, issa li l-Qorti hija magħluqa minħabba l-imxija tal-COVID-19? Jista’ jgħid jekk dawn humiex qegħdin taħt house arrest, il-ħabs jew jiġru barra?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Membru li l-proċess investigattiv kemm jekk isir mill-Pulizija kif ukoll jekk isir fl-ambitu ta’ Inkjesta Maġisterjali huwa wieħed indipendenti.

Rapport tal-Kamra tal-Avukati – qrati virtwali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern huwiex ser jimxi fid-direzzjoni tar-Rapport tal-Kamra tal-Avukati dwar qrati virtwali li hija ppubblikata f’dawn il-jiem?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninsab infurmat li bħalissa għaddejjin diskussjonijiet bejn l-Aġenzija tas-Servizzi tal-Qrati, l-Membri tal-Ġudikatura u l-Kamra tal-Avukati fost oħrajn fuq din il-materja. Nixtieq inżid li bħalissa għaddejjin ukoll tħejjijiet sabiex jitnieda proġett mill-Ministeru tal-Ġustizzja, Ugwaljanza u Governanza li se jwassal sabiex titfassal l-ewwel strateġija diġitali fil-qasam tal-ġustizzja. Dan il-proġett huwa ffinanzjat mill-fondi tas-Social Reform Support Services fi ħdan l-Unjoni Ewropea, taħt id-direzzjoni esperta tal-European Commission for the Efficiency of Justice fi ħdan il Kunsill tal-Ewropa. L-istrateġija diġitali ser tibni fuq l-istrateġija diġitali nazzjonali u ser tirrifletti l-viżjoni tal-Gvern sabiex tamalgama s-servizzi diġitali eżistenti u tifrex f'oqsma ġodda mal-entitajiet li għandhom x'jaqsmu mal-Ġustizzja. Dawn jinkludu ukoll, iżda mhux biss, l-implementazzjoni ta' qrati virtwali fil-Qrati u Tribunali tal-Ġustizzja. Fil-waqt li inizjattivi fl-immodernizzar teknoloġiku jinsab għaddej, is-suġġerimenti mressqa qed jiġu analizzati minn perspettivi legali, proċedurali u ħiliet fir-rigward ta' teknoloġiji li jistgħu jintużaw. Wieħed sewwa jinnota li l-Web App eCourts.gov.mt introduċiet numru ta’ servizzi elettroniċi li ġew disponibbli fis-snin reċenti għall-Professjonisti Legali, dan jinkludi E-filing għal Atti speċifiċi, kif ukoll ġie aġġornat in-netwerk infrastrutturali tal-Qrati, dan tlesta wkoll biex tippermetti veloċitajiet ta “bandwidth gigabit”u biex inkunu nistgħu nippjanaw inizjattivi simili li taffetwa l-kwalità tal-konferenzi bil-vidjo min-naħa tal-Qrati. Wieħed irid iqis ukoll li l-konnessjonijiet tal-internet tajbin mill-partijiet involuti huma essenzjali biex jiġi żgurat servizz ta’ kwalità.

Applikazzjoni fuq mobile – aċċess għas-sentenza tal-Qrati u Liġijiet ta’ Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu għandux jew ħabbarx “ application ” li permezz tagħha u mill-kumdità ta’ telefon ċellulari, persuna tkun tista’ taċċessa s-sit tal-Ministeru tal-Ġustizzja sabiex tkun tista’ taċċessa b’faċilità u speditezza l-arkivju tas-sentenzi tal-Qrati tagħna u l-Liġijiet ta’ Malta? Jekk din l-app ma teżistiex, jista’ jikkunsidraha?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninsab infurmat li s-sit tal-Ministeru tal-Ġustizzja (www.justice.gov.mt) huwa “mobile-friendly” sabiex b’hekk persuna tkun tista’ taċċessa dan is-sit mit-telefon ċellulari bl-aktar mod faċli u spedit. Fis-sit, taħt il-lista ta’ servizzi hemm “links” kif ukoll ‘icons’ prominenti li jeħduk mill-ewwel għal ¿ewġ siti separati li huma mServices “Web Apps” dedikati għall-Liġijiet ta’ Malta u Sentenzi tal-Qrati rispettivament (www.legislation.mt u www.ecourts.gov.mt). Dawn iż-żewġ Services huma wkoll “mobile-friendly” u jistgħu jiġu aċċesatti direttament mill-kumdità ta’ telefon ċellulari.

Nies akkużati bi qtil volontarju li għadhom ma tressqux il-Qorti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm każijiet ta’ persuni akkużati bi qtil volontarju u għadhom ma tressqux il-qorti jew il-ġuri tagħhom għadu ma bediex?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninsab infurmat li fuq id-domanda kemm hemm każijiet ta’ persuni akkużati bi qtil volontarju u għadhom ma tressqux il-qorti ma tistax tiġi mwieġba għax tali kazijiet ma jkunux għadhom ġew quddiem il-Qorti. Għat-tieni parti tad-domanda dwar kemm hemm ġurijiet pendenti fir-rigward ta’ persuni akkużati bi qtil volontarju u li għadhom ma bdewx, ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm disgħa (9), u dan għar-raġunijiet li huma indikati fit tabella anessa.

Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — safar, fuel u hospitality - nefqa

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 12286 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12097, jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa globali għas-safar, fuel u hospitality f’kull Dipartiment, Awtorità jew fil-Ministeru stess minn Jannar 2019 sal-ġurnata li tiġi mwieġba din id-domanda?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba hekk kif miġbura sal-31 ta’ Marzu 2020.

Assenteiżmu: Debt Collection

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 12251 u 12335 u ċjoè: B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 9342, jista’ l-Ministru jgħid fiex jikkonsisti l-eżerċizzju ta’ debt collection? Kemm kienu dawk il-ġenituri li ħallsu l-multi f’dawn l-aħħar tliet snin wara li rċevew l-ittra legali? X’isir jekk il-ġenituri jibqgħu ma jħallsux il-multa?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi il-mistoqsija tiegħu lil Ministru kkonċernat.

COVID-19 — Ħaddiema ntitolati li jirċievu flus bil-miżuri tal-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jagħti garanzija lill-ħaddiema li huma ntitolati li jirċievu flus taħt il-miżuri mħabbra mill-Gvern kwantu COVID-19, li effettivament se jkunu qed jirċievu dawn il-flus żgur? Ladarba dawn il-flus se jgħaddu minn idejn min iħaddem, jista’ jgħid ukoll kif tali flus se jkunu protetti f'każ li jkun inħareġ mandat ta' sekwestru minn terzi kontra min iħaddem?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Il-Gvern qed jistudja il-kontenut ta’ din id-domanda biex jimplimenta il-miżuri ekonomiċi u pożittivi inkwantu COVID-19 bl-aktar mod effettiv.

Ministeru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza — xogħlijiet minn kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jelenka, jekk hu l-każ, kull direct order jew simili, taħt kwalsiasi kappa jew isem, li kwalsiasi entità taħtu tat lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament fl-2019 u fl-2020? Għal kull każ, jista’ jagħti l-ammont ta’ ħlas u r-raġuni ta’ dak ix-xogħol?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninsab infurmat li skont l-informazzjoni miġbura sal-31 ta’ Marzu 2020 li l-ebda entita’ jew dipartiment li jagħmel parti mill-Ministeru tiegħi ma għamel u¿u mis-servizzi tal-kumpanija li d-dettalji tagħha ngħataw separatament.

Qorti ta’ Malta – applikazzjonijiet għal żgumbrament

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet il-Qorti marbuta ma' żgumbrament? Kemm fadal pendenti, kemm ġew aċċettati u kemm ġew irrifjutati kull sena, f'dawn l-aħħar seba’ snin?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba hekk kif miġbura sas-27 ta’ Marzu 2020.

Ministeru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza – rapport ta’ serqa

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 12630, jista’ l-Ministru jgħid x’kienet is-serqa li ġiet irrapportata lill-Pulizija mill-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministeru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza u kemm kien l-ammont (valur) ta’ din is-serqa?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninsab infurmat li f’din is-serqa kien hemm involuti żewġ proċessi tal-Qorti Kriminali, liema proċessi wara kienu nstabu. Il-valuri ta’ dawn il-proċessi ma huwiex wieħed li jista’ jiġi kwantifikat f’valur monetarju.

Konvenji estiżi

Question

B’referenza għall-Avviż Legali Numru 75 tal-2020, jista’ l-Ministru jgħid jekk konvenji li ser jagħlaq it-terminu tagħhom humiex qed jiġu estiżi awtomatikament? Jekk iva, jista' jara li dan ikun iċċarat fl-Avviż Legali indikat jew inkella li jinħareġ Avviż Legali appożitu għaliex hemm inċertezza kbira fost il-membri tal-pubbliku li għandhom konvenji pendenti?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Membru li l-Avviż Legali 75 tal-2020 li ġie abbozzat bi qbil mal-Kunsill Notarili, infurmat mill-Avukat tal-Istat li l-Avviz Legali u kwistjoni, jipprovdi li “kwalunkwe terminu ta’ skadenza ta’ kull konvenju debitament reġistrat skont il-liġi mal-Kummissarju tat-Taxxi fil-perjodu stabbilit bil-liġi għandu jkun sospiż waqt li l-ordni għall-għeluq tkun fis-seħħ u mingħajr ebda bżonn ta’ firem jew tiġdid formali min-naħħa tal-partijiet. Is-sospensjoni għandha ddum sa għoxrin (20) jum wara t-tneħħija tar-revoka ta’ kwalunkwe ordni mis-Suprintendent''.

Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data — applikazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il applikazzjoni rċieva l-Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data dwar il-libertà tal-informazzjoni, skont Kapitolu 496, fis-sena 2019? Jista' jgħid ukoll kemm għandu żmien biex jirrispondi għal dawn l-applikazzjonijiet il-Kummissarju, u kemm ilhom dawk li hemm pendenti?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninsab infurmat li matul is-sena 2019, il-Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data rċieva total ta’ wieħed u għoxrin (21) applikazzjoni għal deċiżjoni skont Artikolu 23 tal-Att dwar il-Liberta tal-Informazzjoni. Il-liġi la tistabbilixxi u lanqas torbot lill-Kummissarju bi żmien sakemm huwa għandu jiddeċiedi dwar dawn l-applikazzjonijiet. Infurmat li sal-aħħar tal-2019, disa’ (9) applikazzjonijiet ġew deċiżi filwaqt li applikazzjoni oħra ġie konkluża wara qbil amikevoli li ġie milħuq bejn l-applikant u l-awtorita pubblika, u dana wara sessjonijiet li ġew faċilitati minn dan l-Uffiċċju. Infurmat ukoll li l-każijiet pendenti l-oħra, li ħafna minnhom ġew riċevuti fl-aħħar xhur tal-2019, waslu fl-aħħar stadji tal-investigazzjoni u l-Kummissarju mistenni jiddeċiedi dwarhom fil-ġimgħat li ġejjin.

NCPE – nuqqas ta’ nisa tas-sigurtà fl-Ajruport ta’ Malta (Gate 4)

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'sar mit-talba għall-investigazzjoni li saret lill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni ta' Ugwaljanza (NCPE) fil-31 ta' Lulju 2018, liema talba ġiet "acknowledged" fit-2 ta' Awwissu 2018 mill-istess NCPE, fuq in-nuqqas ta' nisa tas-sigurtà (pulizija jew suldati) preżenti fl-Ajruport ta' Malta (Gate 4), minn fejn jgħaddu numru ta' persuni, inkluż numru dejjem jiżdied ta' nisa, li jsuqu u/jew jaħdmu fuq ajruplani privati u/jew żgħar? Il-Ministru jaf li minħabba n-nuqqas ta' nisa tas-sigurtà qed tinħoloq diskriminazzjoni kontra nisa li jridu jgħaddu minn Gate 4 u ma jistgħux jagħmlu dan jew ikollhom jistennew tul ta' ħin sakemm jinġiebu nisa tas-sigurtà minn xi mkien ieħor?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninsab infurmat li l-Kummissarju ordnat li tibda investigazzjoni ex officio skont l-artikolu 17, tal-Kap 456 tal-liġijiet ta' Malta. Filwaqt li ma nstabx li l-fatti allegati jikkostitwixxu diskriminazzjoni, il-Kummissarju issoliċitat lill-forżi tas-sigurta ikkonċernata biex tieħu l-miżuri kollha neċċessarji, inkluż izda mhux limitat, l-implementazzjoni ta' tibdil, fil-proċeduri u r-rosters, sabiex fejn ikun possibli jonqos kull inkonvenjent li jistgħu jbatu minnu persuni li jkollhom bżonn jużaw dawn il-gates fil-Mitjar malti.

Vjolenza domestika u vjolenza abbażi ta' ġeneru

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma r-raġunijiet li l-Gvern għadu ma jittrattax il-vjolenza domestika u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru bħala kwistjoni urġenti tal-Istat u mhux bħala waħda privata bejn l-individwi?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Il-Gvern jitratta l-vjolenza domestika u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru bħala materja urġenti u ta’ importanza kbira. Ninsab infurmat li l-Kummissjoni dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-vjolenza domestika qed timplimenta strateġija nazzjonali gja’ varata kif ukoll liġi sabiex tiżgura li l-Konvenzjoni ta’ Istanbul tkun implementata fuq livell nazzjonali u b’mod orizzontali minn kulhadd. Kif ukoll, isiru kampanji t’għarfien fuq livell nazzjonali sabiex tikkumbatuta b’aktar saħħa din il-pjaga soċjali. L-allokazzjoni baġitarja għas-sena 2020 meta ikkomparata mas-sena preċedenti żdiedet b’70 fil-mija. Inizjattivi Matul 2019, il-Kummissjoni dwar il-vjolenza abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika ħadmet bi sħiħ mas-servizzi ewlenija tal-Gvern kif ukoll NGOs lokali sabiex jingħata taħriġ lill-professjonisti bl-għan li dawn ikunu mgħammrin b’aktar għodda siewja fejn jidħlu każijiet ta’ vjolenza domestika. Ingħata taħriġ lill-avukati, tobba, pulizija kif ukoll ħaddiema soċjali. Il-Kummissjoni faslet ukoll kampanji ta’ għarfien, bħas-16-il jum t’attiviżmu kontra l-vjolenza fuq in-nisa fejn saru video u radjo klips sabiex ikun hawn aktar għarfien. Il-kampanja wkoll dehret fuq il-siti tal-medja soċjali. Waqt is-16-il jum, saru wkoll laqgħat ta’ informazzjoni mal-istudenti tal-MCAST kif ukoll laqgħat mal-għaqdiet universitarji. Tkompla l-implimentazzjoni tal-proġett ‘Breaking the Cycle of Violence’, l-iskop tiegħu hu li jqajjem għarfien ma’ persuni vulnerabbli, fosthom, nisa b’diżabilità, nisa immigrant u nisa LBTI. Dan il-proġett niehda wkoll programm edukattiv ta’ prevenzjoni mal- girl guides u l-i scouts ta’ Malta u Għawdex - ħidma intensiva ma’ NGOs kif ukoll il-Malta Girl Guides u Malta Scout Group Association. Proġett ieħor li kompla jindirizza din il-pjaga soċjali huwa dak ta’ ‘GBVSO – Improving Support Structures for Victims of Gender Based Violence’; proġett immexxi minn SOS MALTA, fejn il-Kummissjoni hija waħda mill-partners. Saret riċerka dwar l-għarfien tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru f’oqsma tax-xogħol, kif ukoll ġie mfassal pakkett ta’ taħriġ onlajn lill-persuni li jaħdmu fl-HR. Dan il-proġett niehda wkoll is-servizz onlajn bl-isem ‘Violet’ għall-persuni li għaddejjin mill-vjolenza domestika kif ukoll dik abbżi tal-ġeneru. Il-Kummissjoni ħasset ukoll il-bżonn li matul l-2019, tfassal kampanja ta’ għarfien mal- hairdressers u l-beauticians għaliex dawn huma professjonijiet fejn jiġu f’kuntatt ma’ ħafna nisa u b’hekk jinfirex aktar l-għarfien. Qassamna 'l fuq minn elf business card b’numri fejn il-persuni jistgħu jċemplu għall-għajnuna.

Reviżjonijiet tal-liġijiet dwar il-vjolenza kontra n-nisa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, fir-reviżjoni tal-liġijiet dwar il-vjolenza kontra n-nisa, x’inhu l-ħsieb biex il-Gvern Malti verament josserva l-obligazzjonijiet tiegħu kif definiti fil-Konvenzjoni ta’ Istanbul, sabiex jiġi ¿gurat li kull mara u tfajla tiġi protetta mill-vjolenza?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninsab infurmat li l-Att Nru XIII tal-2018 mhux biss irriforma u wessa’ l-mandat tal-Kummissjoni dwar il-Vjolenza abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika, iżda impona fuqu nnifsu obbligi konsiderevoli, permezz ta’ Strateġija u Pjan ta’ Azzjoni miżurabbli u revedibbli. L-istess Att emenda numru ta’ liġijiet oħrajn, fosthom il-Kodiċi Kriminali u l-Att dwar il-Vittmi tal-Kriminalità, biex b’hekk il-liġijiet ta’ Malta illum huma kompletament konformi mal-Konvenzjoni ta’ Istanbul. Lil hinn mill-konformità legali, iżda, l-Gvern Malti kompla jemenda diversi klawżoli biex jassigura illi l-liġi tkun ta’ konfort għall-vittmi ta’ vjolenza, fost oħrajn, permezz tal-Att Nru XXIV tal-2019 u l-Att Nru III tal-2020. Dawn l-Atti emendaw diversi dispożizzjonijiet legali sabiex jissaħħu u jkunu iktar aċċessibbli għall-vittmi ta’ vjolenza. L-emendi proposti jkomplu, fost oħrajn, isaħħu l-qafas u l-proċedura relatata mal-ordni ta’ ħruġ temporanju, kunċett imsemmi mill-Konvenzjoni bħala emergency barring orders . Dan il-kunċett ġie introdott fil-Kodiċi Kriminali għall-ewwel darba fl-2018, u għaldaqstant kien naturali li jkun hemm teething issues inizjali fit-tħaddim tiegħu. Permezz ta’ djalogu kontinwu, komplejna niċċaraw il-proċedura sabiex il-professjonisti jkunu jistgħu joffru l-aqwa servizz lill-vittmi li jkollhom bżonn tali protezzjoni. Għalhekk għall-Gvern Malti, l-konformità mal-Konvenzjoni ta’ Istanbul huwa l-istandard minimu, mhux il-massimu. Permezz ta’ konsultazzjoni kontinwa mal-NGOs u entitajiet li jaħdmu fil-qasam, ser inkomplu nidentifikaw lakuni legali iżda wkoll prattiċi, u flimkien insibu l-aħjar mezz ta’ kif nindirizzawhom.

evalwazzjoni ta’ proċeduri u sentenzi tal-Qrati

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’inhu l-ħsieb biex il-Gvern jagħmel evalwazzjoni ta’ proċeduri u sentenzi tal-Qrati, b’mod speċjali f’każijiet fejn hemm indikaturi ċari ta’ inkompetenza, nuqqas ta’ għarfien dwar il-vjolenza domestika, ‘coercive control’, kif ukoll fatturi ta’ riskju ta’ mewt?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Gvern jibqa’ kommess u impenjat bis-sħiħ sabiex ikompli jissolidifika l-politika ta’ zero tolerance għal kull tip ta’ vjolenza fi kwalsiasi ċirkostanza u sa mill-bidu nett. Ir-reati ta’ vjolenza domestika jew vjolenza abbażi tal-ġeneru, skont il-ligi Maltija tikkontempla, fost ohrajn, il-vjolenza psikologika – li wiehed jista’ jinterpreta bhala coercive control. Reat iehor fil-Kodici Kriminali huwa dak fejn l-imġieba ta’ persuna iggieghel lil ħaddieħor jibża’ li se tintuża vjolenza kontrih. Dan ifisser li l-liġi tagħna tkopri anki tali kunċett. Ahna kommessi u determinati li nkomplu nikkreaw trasformazzjoni socjali sabiex nindirizzaw u nikkumbattu dan il-flaġell soċjali. F’dan l-ispirtu, kommessi li nkomplu nsaħħu l-għodda u r-riżorsi ghal professjonisti taghna, inkluz il-korp tal-gudikatura. Filfatt, dawn diga’ inghataw taħriġ fuq il- vjolenza abbażi ta’ ġeneru - imma nemmnu li t-taħriġ qatt ma jista’ jkun biżżejjed, speċjalment meta qed nittrattaw tali suġġett.

Pjan għal ħidma aktar mill-qrib ma' NGOs li għandhom esperjenza fil-qasam tal-vjolenza domestika

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi pjan biex il-Gvern jaħdem aktar mill-qrib ma’ NGOs li għandhom esperjenza vasta fil-qasam tal-vjolenza domestika?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninsab infurmat li bħalissa l-Gvern kommess li jlaqqa’ lil NGOs kull xahar sabiex jiġu diskussi miżuri ta’ policy kif ukoll titjieb fis-servizzi li jingħataw lill-vittmi. Filfatt ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-2020 diġà saru żewġ laqgħat ta’ dan it-tip.