Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm marixxalli jaħdmu fil-Qrati tal-Ġustizzja fil-preżent?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħalissa l-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati topera b’marixxal ewlieni (1), ħames (5) marixxalli anzjan u għoxrin (20) marixxall li tnejn minnhom jinsabu fuq leave tal-irtirar.
Ministeru għall-Ġustizzja — encroachment agreement mal-Malta Industrial Parks (INDIS Malta)
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li kellhom encroachment agreement ma' Malta Industrial Parks li saret INDIS Malta u li kienu qegħdin iħallsu pagamenti kull xahar però wara ċert żmien dan l-encroachment agreement temmewh mingħajr qatt ma intużaw il-binjiet li għalihom kienet qed titħallas il-kera? Minn 2018 'il quddiem u jekk ittiħditx azzjoni fejn sar infiq bla bżonn u ħela?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-proċedura tal-Qorti biex tiddetermina minn liema entratura jiddaħħlu l-akkużati fil-Qorti ta’ Malta, jekk hux mill-entratura prinċipali jew entratura sekondarja?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li meta akkużat ikun jew ingħata l-libertà proviżorja jew ġie mressaq biċ-ċitazzjoni, dan jidħol mill-bieb prinċipali. F’kull każ ieħor, dan jiġi deċiż, skont il-każ mill-Pulizija jew l-uffiċjal tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi.
Jista’ l-Ministru jagħti n-numru ta’ tilwim li nstemgħu fit-Tribunal Industrijali bejn l-2017 u l-2022 u kemm damu biex jinqatgħu? Jista' jagħti l-medja ta' żmien biex każ jiġi finalizzat fit-Tribunal Industrijali?
Jista’ l-Ministru jgħid x’pakkett finanzjarju għandu s-Segretarju Permanenti tiegħu? Il-pakkett finanzjarju jinkludi allowances u perkaċċi oħra? Jista’ jgħid ukoll xi kwalifiki akkademiċi għandu s-Segretarju Permanenti?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni hi diġà pubblika. Din tinstab fl-Estimi Finanzjarji tal-2022, li tpoġġew diġà fuq il-Mejda tal-Kamra fl-aħħar leġiżlatura, u fuq is-sit uffiċjali tas-Servizz Pubbliku. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-bijografija tas-Segretarju Permamenti fi ħdan il-Ministeru.
Ministeru għall-Ġustizzja — persuni li jaħdmu bir-remote working
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni jaħdmu permezz ta’ remote working (teleworking), mal-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?
Response (ATTARD, JONATHAN)
L-Onor. Interpellant għandu jkun jaf li hemm differenza bejn remote working u teleworking. Minkejja dan, ninsab infurmat li sal-aħħar ta’ Mejju kien hemm 68 ħaddiem fuq telework u 20 fuq remote working fil-Ministeru, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti taħtu.
Qorti ta’ Għawdex – Nuqqas ta’ Assistent Reġistratur
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm se jdum bla Assistent Registratur il Qorti ta’ Għawdex? Jaf li dan in-nuqqas qed ixekkel il-ħidma tal-Qorti?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-post ta’ Assistent Reġistratur fil-Qorti ta’ Għawdex kien imtela f’Ottubru 2021, però, dan il-post reġa’ ġie vakanti. Dan il-post reġa’ ġie pubblikat internament u ma kienx hemm applikanti. Fil-ġimgħat li ġejjin se jinħareġ l-avviż biex dan il-post vakanti jkun jista’ jimtela.
Ministeru għall-Ġustizzja – uffiċjali li ħadu sehem fi programm televiżiv
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm sar ħlas, u d-data, mill-Ministeru u lil min, inkluż One TV u One Productions, mill-2017 sal-lum biex uffiċjali tal-Ministeru (inkluż il-Ministru) dehru/ħadu sehem fil-programm Espresso?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni ser tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex ma jridx jinvesti fi programm jew servizz professjonali ta’ stenografija fil-Qrati tal-Ġustizzja (kif hemm fil-Qrati ta’ pajjiżi moderni) sabiex it-traskrizzjonijiet tas-seduti jkunu lesti dakinhar stess tas-smigħ tax-xhieda minflok xhur wara kif inhi s-sitwazzjoni preżenti?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa l-Aġenzija qiegħda f’diskussjoni ma’ żewġ entitajiet sabiex jsir proof of concept rigward traskirzzjoni tal-lingwa Maltija mill-vuċi għall-kitba bl-għajnuna tal-intelliġenza artifiċjali. Għal dan il-għan, l-Aġenzija qiegħda tipprovdi materjal bil-Malti lill-imsemmija entitajiet ħalli s-sistema titħarreġ il-Malti. Jikkumplimenta ma’ dan il-proġett, din is-sena l-Aġenzija ser tkun qed toħroġ sejħa għall-offerti sabiex is-sistema tal-Awdjo fl-awli tinbidel kollha għall-waħda iktar sikura u tal-aqwa kwalità. Bħalissa dan il-proġett jinsab fi stadju avvanzat ta’ konsultazzjoni fejn susegwentament wara dan il-proċess fi żmien qasir ser tkun qed tibda tiġi fformulata is-sejħa.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1401 u jgħid x’inhu t-total ta’ flus li l-Istat kellu jħallas bħala kumpens illikwidat mill-Qrati tal-Ġustizzja a favur ir-rikorrenti abbażi ta’ ksur tal-artikolu 37 tal-Kostituzzjoni dwar id-dritt ta’ tgawdija tal-proprjetà, f’dawn l-aħħar tliet snin?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-total ta’ flus li l-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat ħallas bħala kumpens illikwidat mill-Qrati tal-Ġustizzja a favur ir-rikorrenti abbażi ta’ ksur tal-artikolu 37 tal-Kostituzzjoni dwar id-dritt ta’ tgawdija tal-proprjetà f'dawn l-aħħar tliet snin minn Diċembru 2019 sal-21 ta' Ġunju 2022 huwa ta' €10,504,024.11.
Jista' l-Ministru jagħti n-numru ta' CEOs li huma impjegati mill-Gvern li jaqgħu taħt id-dekasteru rispettivi tal-Ministeru tiegħu u fejn huma impjegati? Jista' jagħti s-salarju li kull CEO rispettiv jitħallas u l-lista ta' benefiċċji allokati lil kull wieħed?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.
Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati – unlocking ta’ mobile phones involuti f'inkjesti maġisterjali
Question
Jista' l-Ministru jispjega għaliex riċentement l-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati bdiet tindaħal fil-proċedura adottata minn esperti inkarigati mill-Qorti f'inkjesti maġisterjali li jkollhom bżonn jieħdu mobile phones barra minn Malta sabiex jiġu unlocked? Jaf il-Ministru li fil-preżent hemm numru ta' inkjesti maġisterjali li jinvolvu persuni esposti politikament (PEPs) f'każijiet ta' korruzzjoni u ta' ħasil ta' flus li jinsabu weqfin minħabba dan l-iżvilupp mill-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati? Jaf il-Ministru li d-ditti u kumpaniji barranin li huma sidien tas-software użat biex mobile phone jiġi unlocked qegħdin jirrifjutaw li jikkoperaw mal-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati għaliex mhumiex jafdawha f'dan ir-rigward?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Kontra l-impressjoni li tipprova tingħata fid-domanda tal-Onor. Interpellant, l-inkjesti jitmexxew b'mod għalkollox indipendenti mill-Maġistrati. L-aġenzija għas-servizzi tal-Qrati (CSA) ma jkollha ebda viżibiltà għall-provi jew xhieda li jkunu qed jinġabru bħala parti mill-inkjesti. Meta l-aġenzija tintalab tipproċessa talbiet marbuta ma’ ħlas jew ingaġġ tagħmel dan bl-iktar mod effiċjenti.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, liema individwu kien u/jew għadu konsulent legali tal-Ministeru għall-Ġustizzja u l-Ugwaljanza u l-Governanza u/jew tal-Ministeru għall-Ġustizzja?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokument mitlub.
Qrati – seduti skedati rigward każijiet dwar vjolenza domestika
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il seduta hija skedata li ssir fil-Qrati ta' pajjiżna u li matulhom ser jinstemgħu u jiġu deċiżi każijiet dwar vjolenza domestika? Jista' l-Ministru jagħti d-data ta' kull waħda minn dawn is-seduti u jindika wkoll l-isem tal-Maġistrat jew Imħallef li ser jippresiedi dawn is-seduti?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li preżentement hemm 52 seduta appuntata li huma ddedikati għall-kawżi ta’ vjolenza domestika. Dawn huma kollha ppreseduti mill-Maġistrat Dr Lara Lanfranco. Dawn huma seduti li jinkorporaw reati ta’ kompetenza oriġinali tal-Qorti tal-Maġistrati u li jiġu ppreżentati l-Qorti mid-DV unit tal-Korp tal-Pulizija. Dawn qed jiġu mniżżla f'tabella A u B li qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.
Apparti minn dawn is-seduti, kawżi li jeżorbitaw il-kompetenza oriġinali tal-Qorti tal-Maġistrati jiġu mqassma mal-maġistrati li jiġu assenjati l-kumpilazzjonijiet. Għaldaqstant, hemm numru ta’ kawżi f’seduti quddiem Maġistrati differenti li mhumiex inklużi f’din l-istatistika ta’ hawn fuq.
Individwalment hemm 153 kawża li jeżorbitaw il-kompetenza oriġinali tal-Qorti tal-Maġistrati li huma mqassma ma 12 il-Maġistrat differenti kif indikati f’ tabella C li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali – persuni li rriżenjaw
Question
Jista’ l-Ministru jgħid, sena b’sena, kemm-il persuna rriżenjat mill-impjieg tagħha minn mal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali mis-sena 2010 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' l-Ministru jagħti l-kariga ta' kull persuna li rriżenjat u d-data u r-raġuni tar-riżenja tagħha?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’Diċembru tal-2020 ġie ffirmat l-ewwel ftehim kollettiv fejn żdiedu l-pagi u tjiebu l-kundizzjonijiet tal-gradi amministrativi fi ħdan l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Qegħdin ukoll fil-fażijiet finali biex jiġi ffirmat l-ewwel ftehim kollettiv għal-gradi legali fi ħdan dan l-ufficcju, fejn juri l-impenn tal gvern biex dawn il-ħaddiema jkollhom il-kundizzjonijiet mistħoqqa.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bin-numri ta’riżenji mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali sena b'sena mill-2010 sat-22 ta’ Ġunju 2022. Minn dawn kien hemm 14 fi gradi amministrattivi, 2 messaġġiera, 2 prokuraturi legali, u 50 oħra kienu diversi gradi ta’ avukati.
Jista' l-Ministru jgħid kemm direct orders ingħataw u l-ammont totali tal-valur tagħhom, matul din is-sena (sal-ġurnata li qed tingħata din it-tweġiba), xahar b'xahar, mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Contracting Authority tippubblika din l-informazzjoni fuq il-Gazzetta tal-Gvern għal kull procurement li jsir għal kull perjodu ta’ sitt xhur, skont ir-Regolament 111(2) tal-Public Procurement Regulations.
Qrati: Bord tal-Arbitraġġ dwar l-Artijiet – każijiet ta’ residenti
Question
Jista' l-Ministru jgħid x’inhu jżomm milli l-każijiet ta' residenti minn Għawdex quddiem il-Bord tal-Arbitraġġ dwar l-Artijiet jinstemgħu fil-Qorti ta' Għawdex minflok fil-Qorti ta' Malta? Jaf li ħafna nies li tkun itteħditilhom art mill-Gvern b'esproprjazzjoni jkollhom għal snin sħaħ imorru minn Għawdex għal Malta kull darba li jkollhom smigħ quddiem dan il-Bord? Jista' jieħu passi biex dawn il-każijiet jibdew jinstemgħu f'Għawdex stess?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dak li qed jirreferi għalih jinsab fuq quddiem tal-aġenda tiegħi u ninsabu kommessi li dawn il-każijiet jibdew jinstemgħu fil-Qorti t’Għawdex stess fi żmien li ġej.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien hemm kumpilazzjonijiet pendenti fil-Qrati ta’ pajjiżna sal-aħħar tas-sena 2021 u jistax jindika kemm ġew deċiżi?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor.Interpellant li sal-aħħar tal-2021 kien għad baqa’ pendenti 2454-il kumpilazzjoni filwaqt li ġew deċiżi 603-il kumpilazzjoni. Fl-istess żmien f’Għawdex sal-aħħar ta’ 2021 kien għad baqa’ pendenti 50 kumpilazzjoni, filwaqt li ġew deċiżi 57 kumpilazzjoni.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien hemm sentenzi tul is-sena li għaddiet 2021 fejn il-piena inflitta kienet ta’ Community Service Order, kemm ta’ ordni ta’ probation u kemm ta’ sentenza sospiża?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-2021 kien hemm 10 Community Service Orders, 169 Probation orders u 192 sentenzi sospiżi. Fl-istess żmien f’Għawdex ingħataw 2 Community Service Orders, 13 Probation Orders u 2 sentenzi sospiżi.