Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ir-Rabat, Għawdex — Triq l-Ewropa - Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 29278 u jgħid fiex kienu jikkonsistu x-xogħlijiet li saru sa issa fuq parti minn Triq l-Ewropa fir-Rabat, Għawdex, kemm kien fiha tul u kemm huma stmati li se jiġu jiswew ix-xogħlijiet? Jista’ jgħid ukoll jekk humiex se jitkomplew u jsiru x-xogħlijiet kollha meħtieġa fuq il-partijiet l-oħra ta’ Triq l-Ewropa speċjalment quddiem l-iskola sekondarja peress li tinsab fi stat ħażin ħafna?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba għadha qed tinġabar.

In-Nadur — Triq San Blas - Xogħlijiet

Question

Jista’ il-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 29274 u ċjoè: B’referenza għas-sejħa li nħarġet biex Triq San Blas fin-Nadur issir mill-ġdid, jista’ l-Ministru jgħid jekk Triq San Blas hux ser issir kollha kemm hi? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra site plan ta’ fejn ser isiru x-xogħlijiet f’din l-istess triq?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor Interpellant li t-tweġiba għadha qed tinġabar.

Il-Fontana – Triq Santa Dminka — Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex kienu jikkonsistu x-xogħlijiet li saru f’parti minn Triq Santa Dminka fil-Fontana mill-kuntrattur li ġie mqabbad mill-Ministeru tiegħu; kemm kien fiha tul; jekk ix-xogħlijiet fuq din il-parti tat-triq humiex lesti kollha u kemm huma stmati li ġew jiswew? Jista’ jgħid għaliex f’din il-parti tat-triq ingħataw żewġ kisjiet asphalt fl-istess ġurnata? Jista’ jgħid ukoll jekk ix-xogħlijiet kollha meħtieġa fuq il-kumplament ta’ din it-triq humiex se jitkomplew / isiru, u jekk iva meta?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lil Onor. Interpellant li x-xogħlijiet li jikkonsistu f’rikostruzzjoni ta’ parti min Triq Santa Dminka u Triq Sir Arturo Mercieca. Ix-xogħlijiet fil-parti ta’ Triq Santa Dminka huma lesti filwaqt li x-xogħlijiet f’Triq Sir Arturo Mercieca mistennija jkunu lesti fil-ġimgħat li ġejjin.

Proġetti – Ministeru għal Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 28080 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-proġetti li jinsabu għaddejjin f’Għawdex bħalissa u li qed isiru mill-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar – Nefqa fuq Overtime

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa globali fuq overtime f’kull diviżjoni, dipartiment, direttorat, awtorità jew fil-Ministeru stess mill-1 ta’ Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta għadha qed tinġabar.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar — Remote working - teleworking

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni jaħdmu permezz ta’ remote working u teleworking, mal-Ministeru konċernat, inkluż fl-entitajiet u fid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mal-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi, hemm 343-il ħaddiem li jaħdmu permezz ta’ remote working.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar – Safar fuq xogħol uffiċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba siefer barra mill-pajjiż fuq xogħol uffiċjali kull membru fil-Ministeru tiegħu (inkluż hu bħala Ministru), xahar b’xahar, minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll kemm intefqu flus bħala ‘hospitality’ mill-Ministeru tiegħu f’kull mawra barra mill-pajjiż, fiex kienet tikkonsisti din l-ispiża f’hospitality, id-data ta’ meta ntefqu dawn il-flus u minn liema membru tal-Ministeru ntefqu dawn il-flus f’hospitality?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Nistieden lill-Onor. Interpellant jagħti ħarsa lejn il-“Manual on Transport and Travel Policies” li kopja tiegħu diġà tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra li jirregola l-arranġamenti ta' vjaġġar, akkomodazzjoni barra l-pajjiż, delegazzjonijiet, u per diem allowances.

Għawdex — Toroq

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tat-toroq li ser isiru f’Għawdex sal-aħħar tas-sena 2025, maqsuma raħal b’raħal u jindika x’tip ta’ xogħol ser ikun qed isir f’kull triq?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet fit-toroq se jsiru skont il-prijoritajiet li jfassal il-Ministeru.

Refuse Collection Vehicles

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29284, dwar kemm hemm jaħdmu fil-preżent u f’dawn l-aħħar xhur, ‘REFUSE COLLECTION VEHICLES’ fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar u jekk kienx hemm minnhom mikrijin mingħand il-privat, fejn ġie mwieġeb li ‘wieħed minnhom huwa mikri mingħand il-privat. Dan ġie mikri mingħand il-privat bejn Mejju u Diċembru 2024 u bejn Frar 2025 sal-lum’, jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija fl-intier tagħha u jgħid kif kien qed jinkera u meta u fejn ħarġu s-sejħiet biex jinkera dan ir-Refuse Collection Vehicle? Jista’ jgħid ukoll kemm qed jitħallas fix-xahar, minn min jinstaq u kemm qed jitħaddem kuljum?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.

Fontana, Għawdex — Xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29095 dwar xogħlijiet li ser isiru fuq it-triq li minn quddiem il-junction li tieħdok għall-Fontana, twasslek sat-tarf ta’ Triq Sir Arturo Mercieca, kantuniera ma’ Triq il-Vajringa, jista’ l-Ministru jgħid ukoll: i. liema huma dawk is-servizzi li ser jinbidlu u jsiru mill-ġdid; ii. kemm fiha tul din il-parti tat-triq li ser issir; u iii. kemm huma stmati li ser jiġu jiswew dawn ix-xogħlijiet?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ser isiru/jew saru dawn is-servizzi: a. Sistema tad-dranaġġ ġdida b. 2 mains tal-ilma c. storm water culvert d. cable tal-elettriku.

In-Nadur/Il-Qala — Triq il-Qala - Xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29273, rigward is-sejħa li nħarġet biex Triq il-Qala (bejn in-Nadur u l-Qala) issir mill-ġdid, jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija fl-intier tagħha u jgħid jekk humiex ser isiru bankini fuq iż-żewġ naħat ta’ din it-triq fejn jispiċċa l-bini?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’din il-parti tat-triq se jsiru hard shoulders li se jkunu jippermettu l-wisa tat-triq. Dan il-proċess se jsir peress li t-triq hija dejqa. Madankollu f’dan il-każ mhux se ssir espropjazzjoni. Fit-tender hemm il-pjanti tal-partijiet tat-triq sezzjoni, sezzjoni.

Policy P46 tal-2015 — Design Guidelines - Refuse Rooms

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità tal-Ippjanar (PA) hijiex titlob li tkun osservata l-Policy P46 tal-2015 - Design Guidelines fir-rigward tar-“Refuse Rooms” meta jkun hemm applikazzjonijiet ta’ blokok residenzjali li għandhom 16-il unit jew aktar?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li meta jkun hemm applikazzjonijiet ta’ blokok residenzjali li għandhom 16-il unit jew aktar, l-Awtorità tal-Ippjanar fil-proċess ta’ dawn l-applikazzjonijiet titlob 'refuse room' skont kif inhu meħtieġ mill-Policy P48 tal-2015.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar –  Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Ġunju 2025?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jagħmel referenza għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 28807.

Upgrading and Retrofitting of the Administration Centre, Victoria, Gozo — Proġett

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 29280 u jaġġorna lill-Kamra dwar il-proġett tal-Upgrading and Retrofitting of the Administration Centre, Victoria, Gozo? Jista’ jgħid meta nbeda dan il-proġett, x’sar s’issa, x’fadal isir u meta huwa ppjanat (xahar u sena) li jitlesta dan il-proġett?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f’seduta oħra.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar – Ċitazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu qattx qala’ ċitazzjoni (traffic fine) minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jekk fl-affermattiv, fuq liema karozza ħarġet tali ċitazzjoni, min kien qed isuq il-karozza u x’pożizzjoni għandu fil-Ministeru tiegħu, kemm ammontaw fi flus dawn iċ-ċitazzjonijiet u minn min tħallsu dawn iċ-ċitazzjonijiet; jekk hux mill-persuna li għamlet il-kontravenzjoni jew minn fondi pubbliċi?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jagħmel referenza għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 23547.

Bajjiet f’Għawdex – Sand renourishment fil-bajjiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’bajjiet f’Għawdex hemm ippjanati li jsirilhom is-sand renourishment qabel jibda s-sajf 2025?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’hemmx ippjanti li jsir sand renourishment qabel is-sajf 2025, imma ma neskludix li jsir sand renourishment fil-futur.

Ix-Xlendi – Konsultazzjonijiet għal servizzi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju waslu l-konsultazzjonijiet mal-entitajiet ikkonċernati biex jiġu definiti s-servizzi meħtieġa fix-Xlendi, li jkunu jirriflettu d-domanda li dejjem qed tiżdied? Jista’ jgħid ukoll meta hu maħsub li dawn jingħalqu u x’ser ikun imiss wara?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru qiegħed f’kuntatt kontinwu mal-entitajiet kollha sabiex kull investiment li jsir fix-Xlendi jkun jirrifletti d-domanda, li dejjem qed tiżdied fix-Xlendi. Infurmat li l-WSC ser tkun qiegħda timxi bil-pjanijiet.

Għawdex — Djar tal-Anzjani - Stennija għal dħul

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 28271 u jgħid kemm hu n-numru ta’ anzjani li qed jistennew biex jidħlu f’Dar tal-Anzjani f’Għawdex sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta sabiex tirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29001.

CT3004/2025 — TENDER FOR THE REHABILITATION OF VALLEYS ACROSS GOZO

Question

B’referenza għas-sejħa ‘CT3004/2025 - TENDER FOR THE REHABILITATION OF VALLEYS ACROSS GOZO’, jista’ l-Ministru jgħid meta hu maħsub li toħroġ is-sejħa għall-Project Management and Technical Supervisory Services dwar din is-sejħa?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din is-sejħa għall-offerti ġiet ippubblikata nhar id-19 ta’ Ġunju 2024.