Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għal Għawdex — Impjegati fl-uffiċċju/i tal-kostitwenza

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx impjegati mill-Ministeru tiegħu li jmorru jiftħu u jaħdmu fl-uffiċċju/i tal-kostitwenza?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-impjegati tas-segretarjat privat huma ingaġġati u jaħdmu b’rispett sħiħ u konsistenti mal-Engagement of Staff for Ministers’ Secretariat maħruġ mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru fl-2012. Dawn il-linji gwida għadhom fis-seħħ u fil-preżent dawn huma aċċessibbli fil-Manual on Resourcing Policies and Procedures li jikkumplimenta l-Public Service Management Code.

Ministeru għal Għawdex — ħaddiema Għawdxin

Question

Jista' l-Ministru jgħid preżentement kemm hemm ħaddiema Għawdxin jaħdmu f'Għawdex f'dipartimenti, awtoritajiet, aġenziji u entitajiet governattivi li jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-Ministeru għal Għawdex?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li biex tiġi kkompilata l-informazzjoni kollha kif mitlub se jispiċċa jinqabeż l-advisory cost limit. Forsi l-Onor. Interpellant ikun jista jindika dipartiment/aġenzija speċifika.

Għawdex – xogħlijiet fit-toroq

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1672, li ngħatat fil-21 ta' Ġunju 2022, u għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3681 li ngħatat fis-16 ta' Novembru 2022, dwar kemm fl-aħħar żewġ leġiżlaturi (2013–2022) saru toroq jew partijiet minn toroq f’Għawdex li ngħataw il-base course biss u sal-lum għadhom ma ngħatawx il-wiċċ finali, fejn ġie mwieġeb li “ix-xogħol fuq il-maġġor parti tagħhom (Triq tal-Ħanaq Nadur, Triq Franġisk Portelli Għarb, Triq l-Imgħallem Victoria, Triq Daħlet Qorrot Nadur u Triq Papa Piju XII Qala) għadu għaddej u se jingħataw il-wearing course dalwaqt”, jista’ l-Ministru jgħid f'kull triq li ssemmiet fit-tweġiba meta nbeda x-xogħol fuqha, kemm tħallsu flus s’issa fuq kull triq, liema xogħlijiet għad fadal isiru, fiex jikkonsistu, u meta se jingħata l-wearing course? Jista jgħid f’kemm minn dawn it-toroq tlesta x-xogħol kollu, inkluż il-wearing course, f'dawn l-aħħar ħames xhur u nofs?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.

Għasri Għawdex – Triq Wied Sara — xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jibdew u jkunu finalizzati x-xogħlijiet kollha fi Triq Wied Sara, fl-Għasri Għawdex, peress li tinsab fi stat ħażin ħafna u ta' periklu għas-sewwieqa li jgħaddu minn din it-triq? Jista' jgħid jekk hemmx fondi vvotati għal dan ix-xogħol u jekk iva, kemm jammontaw dawn il-fondi?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kunsill lokali tal-Għasri ngħata fondi mill-Ministeru għal Għawdex sabiex issir din it-triq. Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali msemmi ħareġ it-tender bl-isem ‘GSR-2020-1 Tender for the resurfacing of Triq Wied Sara with Asphalt’.

Għajnsielem, Għawdex – Triq Sant’Antnin — railings tal-promenade

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jiġu sostitwiti r-railings tal-promenade tal-parti ta' isfel ta' Triq Sant’Antnin li tmiss ma’ Triq ix-Xatt ġewwa Għajnsielem, li huma kollha sadid u ta' periklu kbir?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan ix-xogħol fuq ir-railings qed isir mill-ħaddiema tal-Ministeru għal Għawdex. S’issa nħadmu sebgħa minn disa' biċċiet minn dan ir-railing. Malli jitlestew jintbagħtu għall-galvanizzar u jinżebgħu. Ix-xogħol mistenni jkun lest lejn nofs Lulju.

Financial Services Gozo Foundation

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'ġara mill-Financial Services Gozo Foundation? Għadha tiffunzjona? Jista’ jgħid ukoll min huma l-membri tal-Bord ta' din il-Fondazzjoni?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninsab infurmat li din il-Fondazzjoni ma ġietx maħtura għax evolviet u minflokha ġiet stabbilita, b’liġi, l-Awtorità għall-Iżvillup Reġjonali ta’ Għawdex.

Ministeru għal Għawdex – entitajiet li joperaw minn binjiet bil-kera

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li joperaw minn binjiet li huma mikrija? Jista’ jgħid ukoll liema binjiet huma, meta bdew jinkrew, kemm hi l-kirja kull sena u meta tagħlaq tali kirja?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Nitlob lill-Onor.Interpellant jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 3721

Port tal-Imġarr – dgħajjes reġistrati MFA & MFB li ngħataw irmiġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm dgħajjes li huma reġistrati MFA u MFB ingħataw irmiġġ fil-Port tal-Imġarr bejn: Jannar 2022 - April 2022; Mejju 2022 -Awwissu 2022; Settembru 2022 - Diċembru 2022; u Jannar 2023 - April 2023?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

Port tal-Imġarr – allokazzjoni tal-irmiġġi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif tingħata l-allokazzjoni tal-irmiġġi fil-Port tal-Imġarr? Jista' jgħid jekk kienx hemm bidla fil-politika għall-allokazzjoni tal-irmiġġi u kif din hi differenti u meta nbidlet?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

Policy dwar bastimenti

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li l-"policy" kienet dejjem li tingħata prijorità lill-bastimenti li l-ħaddiema jiddependu fuqhom għall-għajxien tagħhom, bħas-sajjieda u l-bastimenti relatati mat-turiżmu?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

Talbiet għall-irmiġġ

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra dokumenti biex jikkonferma li ma kien hemm ebda talba pendenti għal irmiġġ minn MFA jew MFB matul l-aħħar tliet snin fejn dgħajjes irreġistraw “S” minflok ingħataw irmiġġ?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

Bastimenti reġistrati “S”

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li l-ebda bastiment ieħor irreġistrat “S” ma ngħata preċedenza fuq bastiment tal-MFA jew MFB jew bastiment kummerċjali minn mindu sar Ministru?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

Għawdex – servizz ta’ physiotherapy fid-djar lill-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hi l-waiting list (f'tul ta' żmien) biex jingħata servizz ta' physiotherapy fid-djar mill-Gvern lill-anzjani f'Għawdex? Jista' jgħid x'servizzi ta' riabilitazzjoni għall-anzjani hemm f'Għawdex bħalma jingħata f'Malta fl-Isptar Karen Grech?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent hemm 38 każ pendenti ta’ physiotherapy. Min-naħa l-oħra, it-tieni domanda ta’ din il-mistoqsija parlamentari għandha tiġi referuta lill-Ministeru kkonċernat.

Ix-Xlendi, Għawdex – Proġett ta’ Riġenerazzjoni tal-Parkeġġ

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2952 li ngħatat fil-31 ta' Ottubru 2022 dwar il-proġett tar-riġenerazzjoni tal-parkeġġ tax-Xlendi li kien tħabbar l-ewwel darba f'Jannar 2019 u baqa’ jissemma f'kull baġit, iżda sal-lum baqa’ ma sar xejn minnu fejn kien ġie mwieġeb li “bħalissa għaddejja konsultazzjoni mal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma biex niżguraw li din l-infrastruttura tilqa’ għaż-żieda fin-numru ta’ residenti ġewwa x-Xlendi”, jista’ l-Ministru jgħid jekk ħarġux it-tenders għal dan ix-xogħol ta' riġenerazzjoni u jekk ġewx awarded? Jista’ jgħid kemm hi stmata li se tkun l-ispiża fuq dan il-proġett u meta hu ppjanat li jinbeda u jitlesta x-xogħol?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li rigward id-diskussjoniet mal-WSC ġew konklużi. Madankollu, nemmen li riġenerazzjoni tal-parkeġġ mingħajr ma ssir riġenerazzjoni tal-waterfront u l-areas tal-madwar ma tindirizzax l-issues kollha. Għalhekk se nibdew konsultazzjoni mas-sidien tal-istabbilimenti sabiex l-area tkun organizzata bħalma kien sar ġewwa Marsalforn. L-idea hi li jsir proġett ħolistiku sabiex issir riġenerazzjoni tax-Xlendi li taqdi aħjar l-esiġenzi tal-pubbliku, l-istabbilimenti u possibbilment tan-nuqqas ta’ parkeġġ fiż-żona.

Rabat, Għawdex – problema tat-traffiku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’qed isir mill-Ministeru għal Għawdex biex tittaffa l-problema tat-traffiku fit-toroq tagħna ġewwa Għawdex, speċjalment fil-Belt Victoria, kemm fuq bażi short-term kif ukoll fuq bażi long-term?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li filwaqt li t-traffic management jaqa’ taħt Transport Malta, dan il-Ministeru qed jaħdem fuq proġett li jnaqqas it-traffiku miċ-ċentru tal-Belt Victoria billi: 1) Tiġi eleminata l-bottle neck ta’ wara s-sur. Il-permess tal-junction ħareġ u qed nistennew l-proċess ta’ espropriju. 2) Issir Triq Ġorġ Pisani hekk kif jinqata’ l-proċess ta’ appell li hemm mal-Awtorità tal- Ippjanar. 3) Jiġi mniedi l-parkeġġ taħt l-art u ġnien estensiv fuqu kif imwiegħed fil-manifest elettorali fiż-żona ta’ fejn hemm il-parkeġġ il-kbir.

Il-Fontana, Għawdex – Triq Mons. Mikiel F. Buttigieg — xogħol

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3715 li ġiet imwieġba fit-22 ta' Novembru 2022 dwar meta se jsir ix-xogħol fi Triq Mons Mikiel F. Buttigieg fil-Fontana Għawdex, peress li parti sostanzjali minn din it-triq għadha sal-lum bla wiċċ, fejn kien ġie mwieġeb "beda x-xogħol tal-livellar tat-triq ", jista' l-Ministru jgħid kemm-il xahar ilu li nbeda x-xogħol u għala f'dawn l-aħħar ġimgħat ma tkompla ebda xogħol f'din it-triq? Jista’ jgħid meta dan se jitkompla u meta se titlesta minn kollox din it-triq?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru qed jistenna d-deċiżjoni tal-PCRB fuq sejħa għall-offerti għal xogħlijiet fuq toroq biex ikun jista' jkompli x-xogħlijiet fuq din it-triq kif ukoll spejgat fil-mistoqsija parlamentari numru 8732.

Ministeru għal-Għawdex — Strategic & Priorities Unit

Question

B'referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 2622 u 8362 jista’ l-Ministru jgħid kemm ilha mwaqqfa l-iStrategic & Priorities Unit fil-Ministeru għal Għawdex, x'inhu x-xogħol ta’ din il-Unit, kemm hemm ħaddiema jaħdmu fiha, x'inhu l-grad tagħhom u taħt liema diviżjoni/direttorat jaqgħu?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iStrategic & Priorities Unit fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex ġiet stabbilita u timxi skont il-proċeduri kif indikat fil-Manwal, li kopja tiegħu diġà tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.

Port tal-Imġarr – dgħajjes reġistrati “S” li ngħataw irmiġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm dgħajjes li huma reġistrati “S” ingħataw irmiġġ fil-Port tal-Imġarr bejn: Jannar 2022 - April 2022; Mejju 2022 - Awwissu 2022; Settembru 2022 - Diċembru 2022; u Jannar 2023 - April 2023?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

Gozo Channel Co. Ltd. – sejħa għall-kiri tar-raba’ vapur

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6684, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol, u jgħid meta hemm il-ħsieb (xahar u sena) biex terġa’ toħroġ is-sejħa 'FOR THE HIRE OF ONE ROPAX VESSEL UNDER A TIME CHARTER AGREEMENT' (BIMCO ROPAXTIME)' biex jinkera r-raba’ vapur għall-Gozo Channel?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tender huwa ppjanat li joħroġ madwar it-tieni jew it-tielet kwart tas-sena.

Ministeru għal Għawdex – Sejħa ta’ Animal Welfare Officers fis-Sezzjoni tal-Animal Welfare

Question

Jista’ l-Ministeru jgħid fiex wasal il-proċess biex toħroġ is-sejħa ta' Animal Welfare Officers fis-Sezzjoni tal-Animal Welfare fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex, sabiex meta jkun hemm bżonn ta’ infurzar ġewwa l-gżira ta' Għawdex ma joqogħdux jiġu uffiċjali mill-Animal Welfare ta’ Malta sabiex jagħtu l-għajnuna ġewwa Għawdex?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa m’hemm l-ebda proċess mibdi sabiex tinħareġ din is-sejħa. Madanakollu mhux eskluż li din is-sejħa ta’ Animal Welfare Officers tiġi inkluża fl-HR plan fil-futur.