Jista' l-Ministru jindika jekk għandniex entita' f'Malta responsabbli biex tara li l-frott u ħxejjex importati ma jkunx fihom traċċi ta' pestiċidi li huma banned mill-Konvenzjoni ta' Stokkolma? Kif topera din l-entita'?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-entità responsabbli hija l-Awtorità Maltija Dwar l-Istandards.
Jista' l-Ministru jgħid jekk jitkejlux il-livelli ta' pestiċidi fil-kampjuni ta' ilma mill-aquifers ta' taħt l-art li jintużaw bħala sors ta' ilma tax-xorb? Jista' jgħid jittieħdux kampjuni ta' l-ilma mill-ispieri privati?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li l-aħħar analiżi għall-pestiċidi fuq kampjuni ta’ ilma mill-aquifers irriżultaw kollha negattivi (jiġifieri ma wrewx kontenut ta’ pestiċidi f’dan l-ilma).
Bħalissa l-Awtorità għar-Riżorsi qiegħda tirrevedi l-programm ta’ monitoraġġ. Fost il-miżuri li tinkludi din ir-reviżjoni hemm li dan il-programm jiġi estiż għall-ispieri privati, anke f’dawk l-
aquifers
li minnhom ma jinġibidx ilma għax-xorb.
Jista’ l-Ministru jagħti data meta se jibda x-xogħol fuq l-istorm water culvert li kien ippjanat li jsir fi Triq Madre Margherita Debrincat, Triq il-Kurunell Lorenzo Manche, Triq Gabriele Henin, f’Pembroke sabiex tittaffa l-problema ta’ l-għargħar fl-inħawi?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li x-xogħlijiet biex tittaffa l-problema ta’ għargħar f’dawn l-inħawi qed ikunu kkunsidrati fil-programm ta’ xogħlijiet. Fil-fatt diġà ttieħdu l-livelli ta’ l-inħawi.
Peress li jidher li l-prezz taż-żejt se jibqa' tiela' u jaqbeż l-130 dollaru l-barmil, x'inhi s-sitwazzjoni rigward it-tiftix għaż-żejt speċjalment fid-dawl ta' dak li kien miftiehem mal-Gvern Tuneżin u dan l-aħħar mal-Gvern Libjan?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Kif qal il-Viċi Prim Ministru fis Seduta ta’ Nhar it-Tlieta 20 ta’ Mejju 2008, il-Mixed Commission bejn Malta u l-Libja se tiltaqa’ iktar tard din is-sena bi ftehim bejn iż-żewġ naħat u fuq l-aġenda hemm it-tiftix konġunt għaż-żejt.
Mat-Tuneżija hemm diskussjonijiet fuq l-istess linji.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-policy tal-Gvern rigward wind farms fil-baħar (offshore)? Il-Gvern għandu f'idejh xi rapporti dwar dan is-suġġett u x'inhuma r-rakkmandazzjonijiet?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Il-Gvern qiegħed f’kuntatt ma’ organizzazzjonijiet governattivi barranin biex imexxi ’l quddiem proġetti ta’ mtieħen tar-riħ fil-fond ta’ aktar minn 50 metru. Sadanittant qed jirrevedi l-iStrateġija għal Enerġija Nadifa (Renewable Energy Policy) għal pajjiżna, ġaladarba nbidlu t-targets indikati lilna.
Riżorzi u Affarijiet Rurali — Nies impjegati ġodda
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati nies ġodda fid-dipartimenti, kumpanniji u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu fix-xhur ta' Jannar, Frar u Marzu 2008?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li n-nies ġodda li ġew impjegati fid-dipartimenti kumpaniji u entitajiet oħra li llum jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi, fix-xhur ta' Jannar, Frar u Marzu 2008 kienu 44. Numru minn dawn il-ħaddiema kienu qed jimlew postijiet li sfaw battala matul iż-żmien.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm ħaddiema part-timers ingaġġati mad-dipartiment, entitajiet, azjendi parastatali, korporazzjonijiet u anke ministeri li kienu jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu sat-8 ta' Marzu, 2008 li lkoll kienu qegħdin jitħaddmu fuq bażi ta' ħaddiema part-time iżda li kienu reġistrati bħala self employed? Kif inhuwa mifhum li ġara saħansitra anke fl-ETC li suppost tirregola fost oħrajn il-qasam ta' l-impjiegi. Jista' jagħti l-istess informazzjoni mit-8 ta' Marzu, 2008 sal-lum?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li ma kienx hemm ħaddiema part-timers ingaġġati mad-dipartimenti, entitajiet, azjendi parastatali, korporazzjonijiet u ministeri li kienu jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħi sat-8 ta’ Marzu 2008.
Jien infurmat ukoll li n-numru ta’ ħaddiema
part-timers
ingaġġati mad-dipartimenti, entitajiet, azjendi parastatali, korporazzjonijiet u ministeri li issa qed jaqgħu taħt id-dikasteru tiegħi jammontaw għal 11-il ħaddiem u dawn ilhom impjegati mis-sena l-oħra.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' siġar tal-palm li mietu wara li ġew attakkati mill-bumunqar aħmar (naturalment kif rrappurtati lid-dipartiment kkonċernat)? F'liema lokalita' kienu dawn is-siġar?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li n-numru ta’ siġar tal-palm li mietu wara li ġew attakkati mill-bumunqar aħmar, skond kif irrapurtati lid-Dipartiment tas-Saħħa tal-Pjanti sad-19 ta’ Mejju 2008 hu ta’ 69. Dawn kienu f’dawn il-lokalitajiet:
B’Kara Balzan Burmarrad G’Mangia Gzira
Hamrun Kappara Madliena Mdina Pembroke
Qawra Qormi Sliema San Ġiljan St Lucia
San Pawl il-Baħar St Venera Swieqi Ta’ Xbiex Valletta
Riżorsi u Affarijiet Rurali — Membri/Diretturi tal-bord
Question
Jista' l-Ministru jgħid mill-elezzjoni ġenerali 2008 'l hawn min huma l-membri/diretturi tal-bord/entitajiet kollha li nħatru taħt il-ministeru tiegħu? Kif saret l-għażla? Min minnhom huwa jew kien xi darba kandidat għal xi elezzjoni ġenerali? Min minnhom huwa jew kien xi darba kandidat għal elezzjoni ta' xi kunsill lokali? Min minnhom kien u fil-preżent huwa Membru Parlamentari u min minnhom huwa kunsillier?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s’issa twaqqaf biss il-Bord tal-WasteServ (Malta) Ltd nhar it-8 ta’ Mejju 2008. Dan huwa magħmul kif ġej:
Chairman Il-Perit Ben Farrugia
Diretturi L-Inġ. Mark Azzorpardi
Ms Isabelle Borg
Ms Gabriella Cuschieri
Is-Sur Peter Perotti ACIB
Dr Marthese Portelli LL.D
Is-Sur William Spiteri
Minn dawn, l-unika persuna li qatt kienet kanditat għal xi elezzjoni ġenerali jew elezzjoni tal-kunsilli lokali hija Dr Marthese Portelli LL.D. Fil-fatt din kienet kandidata għall-elezjonijiet kemm dik ġenerali kif ukoll dik tal-kunsilli lokali li saru nhar it-8 ta’ Marzu 2008. Preżentement hija Kunsilliera.
Dawn il-persuni ġew magħżula għall-kapaċità u l-integrità tagħhom.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa biex jara li l-pjazza ta' Paceville tkun mibnija mill-ġdid?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Dan il-Ministeru diġà ta’ struzzjonijiet biex jinbeda x-xogħol ta’ pavimentar mill-ġdid tal-pjazza prinċipali ta’ Paceville, tant li x-xogħol mistenni jibda proprju f’dawn il-ġranet.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex jara li Wied il-Għasel fil-Mosta jiġi mnaddaf u jitħawwlu aktar siġar f'dan il-wied?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li x-xogħol ta’ tindif f’Wied il-Għasel inbeda mill-MEPA bħala ‘enforcement action’.
L-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar sadanittant
ikkuntattjat lill-Works Division biex tara jistax jitkompla x-xogħol fix-xhur li ġejjin. Dan qed jiġi kkunsidrat.
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari nru 15 tas-seduta 4 tal-14 ta' Mejju, 2008 jista' l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru jikkonsidrax li biex ikun jista' juża l-proċedura ta' safeguard clause jibda jiġbor l-informazzjoni ta' prodotti agrikoli, kemm ħxejjex u frott kif ukoll prodotti ta' inbejjed? Kemm-il darba l-informazzjoni ma tinġabarx żgur li ma tistax tintuża l-proċedura ta' safeguard clause.
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li l-informazzjoni li qed jirreferi għaliha l-Onor Interpellant tinżamm mill-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika u għalhekk ma hemmx il-ħtieġa li din tinġabar ukoll minn dan il-Ministeru.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar l-ammont ta' skart għar-riċiklaġġ li nġabar, lokal lokal, fl-ewwel jiem minn mindu daħlet l-iskema tal-ġbir ta' l-iskart għall-iskop ta' riċiklaġġ?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-ammont ta’ skart għar-riċiklaġġ li nġabar lokal b’lokal huwa skond il-lista li qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'wassal biex numru sostanzjali ta' bdiewa li fit-13 ta' Mejju, 2008 marru Ta' Qali biex jirreġistraw ir-raba' tagħhom għas-sussidju, intbagħtu lura lejn darhom, minkejja li kien ilhom (uħud minnhom) jistennew mill-5.30 a.m ta' filgħodu? Kif ser jiġi assigurat li dawn il-bdiewa ma jitilfux id-drittijiet tagħhom, minkejja li l-għeluq tar-reġistrazzjoni hu l-Ħamis, 15 ta' Mejju, 2008?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-bdiewa ġew infurmati permezz ta’ ittra mibgħuta lilhom fix-xahar ta’ Marzu, sabiex jattendu matul ġimgħat speċifiċi. Il-bdiewa ġew avżati li jistgħu jattendu sabiex japplikaw bejn is-7.30am u t-3.00pm.
Billi n-numru ta’ bdiewa li ġew japplikaw kien wieħed sostanzjali, l-Uffiċjali bdew iżommu numru ta’ bdiewa li fil-fehma tagħhom setgħu jinqdew kuljum. Dawk li ma kienux ser jinqdew matul il-ġurnata kellhom jingħataw appuntament ieħor biex ma joqogħdux jistennew għal xejn.
Il-bdiewa kollha li riedu japplikaw sal-15 ta’ Mejju 2008 ma kellhomx diffikultà li jagħmlu dan, tant li l-fergħa ta’ l-Applikazzjonijiet fi ħdan l-Aġenzija tal-Pagamenti kkuntatjat hija stess lil dawk il-bdiewa li kellhom xi problema fl-applikazzjoni tagħhom sabiex jemendawha, u b’hekk ma jeħlux penali.
Jista’ l-Ministru jgħid, mill-istatistika miġbura mid-Dipartiment għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali, kemm inġiebu lejn Malta ħxejjex u frott (f’kalkolu ta’ piż u tipi differenti) mill-Unjoni Ewropea għall-fini ta’ kummerċ u mhux ta’ użu personali minn individwi, minn April 2007 sa April 2008?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali ma jżommx dan it-tip ta' statistika.