Legislature:
Category:
Reset
Active:

CEO tal-Korporazzjoni Enemalta — kwestjoni dwar kamra tal-banju fl-uffiċċju

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 21276 dwar kemm ġie jiswa l-uffiċċju tas-CEO tal-Korporazzjoni Enemalta li fit-tweġiba tagħha ġejna nfurmati li r-refurbishment ġie jiswa €6,957 biss, jista' l-Ministru jispjega għalfejn ma saret l-ebda referenza għall-kamra tal-banju li tinsab fl-uffiċċju tal-istess CEOtal-korporazzjoni? Huwa minnu li din il-kamra tal-banju hija waħda ensuite fl-uffiċċju tal-istess CEO u li s-CEO biss jagħmel użu minnha? Jekk iva, jista' l-Ministru jgħidilna kemm ġiet tiswa kif ukoll jekk fl-uffiċċju tas-CEO hemmx xi aċċessorji jew sarux xi spejjeż oħrajn li ma ġewx imniżżla fl-ammont imsemmi fir-risposta li ngħatat fid-domanda li għaliha qed issir referenza?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-mistoqsija parlamentari numru 21276 indikata f’din il-mistoqsija kienet fuq l-uffiċċju u mhux kmamar oħra. Il-kamra indikata mhix użata biss mis-CEO. Fil-fatt, dan it- toilet huwa wieħed mit-tliet toilets li jiġu wżati min-nies fir-raba’ sular kollu. Il-kamra riferuta ġiet tiswa €1442.71 hu hija ta’ l-istess stil, disinn u kwalita’ ta’ toilets li saru u qed isiru f’postijiet oħra għall-ħaddiema tal-Korporazzjoni.

SR Technics — bini ta' hanger ġdid

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Malta Enterprise tistax tikkonferma jew tiċħad jekk il-kumpanija Svizzera SR Technics hijiex se tibni l-hangar il-ġdid ippjanat f’Ħal Safi jew inkella biddlitx il-pjan tagħha biex tibqa' topera biss mill-hangar li għandha bħalissa fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 22588.

Ħaddiema fis-settur privat — produzzjoni diretta u servizzi fis-suq

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 22569 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm kien in-numru totali ta’ ħaddiema fis-settur privat, fi produzzjoni diretta u f’servizzi tas-suq separatament, rġiel għalihom u nisa għalihom, f’Malta u f’Għawdex separatament fl-aħħar ta’ kull sena mill-2003 sal-2009 u fl-aħħar ta’ Lulju 2010? Jista’ jagħti din l-informazzjoni kategorizzata skont in-NACE Code?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 23023.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — self ta' flus

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont ta' kemm hu l-ammont ta' self li kull kumpanija/entità li taqa' taħt id-dekasteru tiegħu kien fl-aħħar tas-sena 2010? Ma' min huwa dan is-self? Meta huwa maħsub li jitħallas dan is-self? Kemm huwa l-imgħax dovut u x'inhi r-rata ta' imgħax fuq dan is-self? Dan is-self huwa garantit mill-gvern?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba mhux possibli li tingħata peress illi s-sena finanzjarja għadha mhijiex magħluqa, u l-audits għadhom qed isiru.

Korporazzjoni Enemalta — twaqqif ta' special purpose vehicle finanzjarja

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li l-Korporazzjoni Enemalta waqqfet jew qiegħda fil-proċess li twaqqaf special purpose vehicle finanzjarja? Jekk iva, jista’ jagħti r-raġunijiet u d-dettalji ta’ dan il-pjan u jgħid min huma l-konsulenti involuti?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-mudell ta’ Special Purpose Vehicle qed jiġi mfassal biex jindirizza investiment qawwi li l-Korporazzjoni Enemalta wettqet fuq is-sistema ta’ ġenerazzjoni u distribuzzjoni tal-elettriku ġewwa pajjiżna matul is-snin. Dan l-investiment wassal biex jiġi akkumulat id-dejn tal-Korporazzjoni, liema dejn kien kruċjali biex il-Korporazzjoni tlaħħaq mad-domanda dejjem akbar għall-enerġija riżultat ta’ l-iżvilupp ekonomiku u l-progress li kellu l-pajjiż tul l-aħħar snin. Aktar minn hekk, it-tkomplija kontinwa ta’ dan l-investiment hija mezz essenzjali biex tiggarantixxi li pajjiżna jkollu provvista ta’ enerġija li tilħaq l-aspettattivi ta’ ekonomija li qed tikber u li għalhekk hija meħtieġa għal ħolqien tal-postijiet tax-xogħol ġodda. Dan għaliex il-garanzija ta’ provvista sigura u kontinwa tal-enerġija hija waħda mill-aspetti fundamentali li jħarsu lejhom l-investituri meta jagħżlu f’liema pajjiż jinvestu fih. Il-proġett tal-estensjoni tal-Power Station huwa biss wieħed minn dan il-pjan ta’ investiment kontinwu. Il-Korporazzjoni se tinvesti €165 miljun fl-estensjoni tal-Power Station ġewwa Delimara, minbarra €18-il miljun għal kuntratt tas-servizzi fuq perjodu ta’ 5 snin. Se jsir investiment ukoll f’interconnector li se jgħaqqad ‘il pajjiżna mal-grid ewropea. Dan se jsir permezz ta’ cable taħt il-baħar li jgħaqqad lil Malta ma’ Sqallija. Il-proġett tat-tqegħid ta’ l-ewwel cable se jsir b’investiment €150 miljun. Il-Korporazzjoni għamlet investiment investiment sostanzjali wkoll fis-sistema ta’ distribuzzjoni. Fl-aħħar snin sar investiment f’ċentri ta’ distribuzzoni, bħal dak tal-Mosta, filwaqt li ġew ikkumissjunati tlieta oħra fil-Belt, Ħal-Kirkop, u Wied il-Għajn. Dawn l-erba’ ċentri flimkien ifissru investiment ta’ aktar minn €10 miljun. Saru investimenti oħra importanti, fosthom: · Investiment ta’ €5 miljun fis-sistema SCADA, sistema ċentralizzata ta’ kontroll għan-netwerks tal-korporazzjoni, ibbażata fil-Marsa minn fejn il-korporazzjoni se tkun tista’ tikkontrolla u tissuperviżjona s-substations primarji tagħha. Dan se jagħmel il-provvista aktar affidabbli u ttejjeb ir-rapidità tal-intervent fil-każ ta’ faults; · Investiment ta’ €5.8 miljun fl-installazzjoni ta’ żewġ cables ġodda 132 kv, twal 8 km, f’mina taħt l-art bejn il-Powersation u d-Distribution Centre tal-Marsa Industrial Estate; u · Investiment ta’ €20 miljun f’Ċentru ta’ Distribuzzjoni ġewwa l-Kappara, fejn bħalissa qed jinbnew il-mini taħt l-art u li dan mistenni jitlesta s-sena d-dieħla. Dan se jkun punt fokali għad-distrubuzzjoni tal-enerġija fil-Grigal (North East) ta’ Malta u biex jgħaqqad mal-interconnector mal-grid Ewropew. Aktar minnhekk, għandu jingħad ukoll li pajjiżna huwa l-unika pajjiż, flimkien ma’ Ċipru, fl-Unjoni Ewropea kollha li jrid jimporta s-sorsi kollha ta’ fuel li juża għall-enerġija. Dan wassal biex, minkejja li għal żmien twil il-Gvern għadda ammont kbir ta’ sussidji lill-Korporazzjoni, din mhux dejjem kienet f’pożizzjoni li tirkupra l-ispejjeż għax-xiri taż-żejt fit-tariffi tad-dawl u l-ilma. Minkejja s-sussidji diretti tal-Gvern lill-Enemalta, dawn ma kienux biżżejjed biex ikopru iż-żieda ogħla fil-fuel f'dawn l-aħħar snin. Kien ghalhekk illi wara diskussjonijiet intensivi mal-Awtorità Maltija għar-Riżorsi, intlaħaq ftehim fuq struttura ta’ kif jinħaddmu t-tariffi li jinkorpora l-ispejjeż relatati mal-produzzjoni ta’ l-elettriku u l-investiment, dak li jissejjaћ l-ROCE jew Return on Capital Employed. Dan hu meħtieġ biex il-Korporazzjoni tirkupra fuq numru ta' snin l-investiment li jkun sar. Il-mudell ta’ Special Purpose Vehicle (SPV) qed jitfassal biex jiżgura li d-dejn tal-Korporazzjoni jkun sostenibbli u jkun jista’ jitħallas lura fuq numru ta’ snin.

Xiri ta' żejt minn kumpaniji

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22110, jista' l-Ministru jgħid fis-snin 2008, 2009 u 2010 il-Korporazzjoni Enemalta xtratx żejt mingħand kumpaniji oħra u jekk iva, min kienu dawn il-kumpaniji u kemm xtrajt żejt mingħand kull waħda minn dawn il-kumpaniji?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

benefiċċju tal-enerġija — nies li jikkwalifikaw

Question

Jista l-Ministru jgħid jekk il-gvern għandux xi ħsieb li fil-qrib, jirrevedi l-kwalifiki neċessarji biex persuna/familja tkun tista' tircievi l-benefiċċju tal-enerġija?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi waqt laqgħa tal-MCESD li saret nhar il-Ġimgħa 7 ta’ Jannar 2011, ġie deċiż li ssir laqgħa oħra tal-MCESD sabiex janalizza u jiddiskuti rapport li se joħroġ il-gvern dwar l-Inflazzjoni, hekk kif ħabbarna fil-baġit li għadda. Wara li ssir din id-diskussjoni, u jitressqu proposti dwar dak li jkun ġie diskuss, jittieħdu d-deċizjonijiet neċessarji.

exposure totali  tal-banek Maltin

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa l-exposure totali tal-banek Maltin kollha f'securities esteri u kemm hija d-dipendenza tal-banek lokali fl-investiment esteru tagħhom fuq l-enhanced credit support tal-ECB?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi din l-informazzjoni tagħti indikazzjoni tal-aggregate position tal-portafoll ta’ investimenti ta’ l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li joperaw ġewwa Malta u minn Malta sa Novembru tal-2010. L-informazzjoni hija sub-diviza bejn issuers residenti f’Malta u issuers mhux residenti f’Malta. Il-figuri jinkludu aggregate data dwar self mill-Bank Ċentrali sa Novembru 2010 – ta’ min jispjega illi l-banek jissellfu mill-Bank Ċentrali nazzjonali, li jifforma parti mill- European System of Central Banks , u mhux direttament mill-Bank Ċentrali Ewropew. L-MFSA mhix f’pożizzjoni li tistabilixxi fuq il-bażi ta’ aggregated data jekk dan is-self ingħatax abbażi tal-iskema ta’ enhanced credit support tal-Bank Ċentrali Ewropew u jekk dan is-self ġiex utilizzat direttament u esklussivament biex jinxtraw investimenti barranin. Dawn l-investimenti, u liabilities oħra jiġu utilizzati fl- overall management tal-likwidità u l-operazzjonijiet kummerċjali tal-bank. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Gozo Channel — Sea Horse

Question

Peress li t-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 22779 ma ndirizzatx il-mistoqsija, jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' servizz toffri l-qoxra/barkun Sea Horse lill-Gozo Channel? Jista' jgħid ta' min hi s-Sea Horse u jekk is-servizz hux qed jingħata fuq tender jew direct order? Fi kwalunkwe każ, taħt liema kundizzjonijiet?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi s-servizz li qed joffri l-vapur Sea Horse huwa l-ġarr tal-merkanzija perikoluża u dana biss sakemm il-vapur Mv Gaudos jerġa jidħol fis-servizz u jibda jerġa jopera u joffri s-servizz tal-ġarr tal-merkanzija perikoluza (dangerous goods). Il-vapur Sea Horse huwa ta’ proprjetà ta’ Cassar Ship Repair. Din kienet l-unika kumpanija f’Malta li setgħet tipprovdi l-kiri ta’ dan it-tip ta’ vapur. Il-kirja ta’ dan il-vapur tinkludi l-crew u l-konsum tal-fuel u dana biss għal ħinijiet meta l-Gozo Channel tkun qeda toffri s-servizz tal-ġarr tal-merkanzija perikoluża bejn Malta u Għawdex. Tali servizz qed jingħata biss sakemm il-vapur MV Gaudos jidħol lura fis-servizz u bl-intiża ċara u sabiex Għawdex seta’ jibqa jiġi fornut b’din it-tip ta’merkanzija

Gozo Channel u l-Malta drydocks — tiswija tal-vapuri

Question

Peress li t-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 22778 ma ndirizzax il-mistoqsija, jista' l-Ministru jgħid x'arranġamenti kien hemm bejn il-Gozo Channel u l-Malta Drydocks rigward il-manutenzjoni tal-vapuri tal-Gozo Channel anke a rigward ħlasijiet għal tali xogħol? Jista' jgħid illum il-ġurnata dan ix-xogħol minn min qed isir u b'liema kundizzjoni u prezzijiet?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ma kien hemm ebda arrangamenti bejn il-Gozo Channel u l-Malta Drydocks rigward il-manutenzjoni tal-vapuri tal-Gozo Channel u lanqas a rigward ħlasijiet għal tali xogħlijiet. Illum il-ġurnata x-xogħol qed isir skond in-natura tax-xogħol u skond dawk is- shipyards li huma f’pożizzjoni li joffru s-servizzi li jkunu meħtieġa. Dan skont l-offerti li l-kumpanija Gozo Channel tirċevi għax-xogħlijiet li jkunu rikjesti minnha minn żmien għal żmien.

Ħlas ta' pensjonijiet, allowances u gratuites

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22761 dwar ħlasijiet ta’ pensjonijiet, allowances u gratuities li tħallsu lil persuni residenti f’Malta u f’Għawdex separatament kull sena mill-2003 'l hawn taħt (i) l-Ordinanza dwar il-Pensjonijiet (Kap 93), (ii) taħt l-Att dwar il-Pulizija (Kap 164) u (iii) taħt l-Att dwar il-Forzi Armati ta’ Malta (Kap 220)? Jista’ jagħti n-numru ta’ benefiċjarji f’kull każ għall-aħħar sena? Peress li l-Mistoqsija msemmija saret bl-iskop xieraq li jinkiseb tagħrif dwar ħaġa ta' fatt fit-tagħrif speċjali tal-Membru li lilu tkun saret kif jitlob regolament nru 27 tal-Ordinijiet Permanenti tal-Kamra u peress li dawn il-pensjonijiet, eċċ jitħallsu mill-Voti tal-Ministeru tiegħu, jista’ l-Ministru jgħid għaliex talabni nagħmel il-mistoqsija lill-Ministri konċernati u ma tax hu l-informazzjoni mitluba? Jista’ jekk jogħġbu jagħtini l-informazzjoni mitluba? Jekk le, jista’ jgħidli min huma l-Ministri konċernati?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

funzjonijiet tal-Uffiċċju tal-Malta Enterprise

Question

Jista’ l-Ministru jekk jogħġbu jgħid x’inhuma (i) il-funzjonijiet li jitwettqu u (ii) is-servizzi li jingħataw mill-Uffiċċju tal-Malta Enterprise f’Għawdex?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-uffiċċju tal-Malta Enterprise f’Għawdex jaqdi il-funzjonijiet relatati ma' customer care, u għalhekk l-uffiċċju jservi bħala punt ta’ kuntatt għall-intrapriżi li joperaw minn Għawdex. Is-servizzi mogħtija jinkludu meetings ma klijenti dwar l-iskemi u l-programmi tal-Malta Enterprise u l-ipproċessar inizzjali ta’ applikazzjonijiet għall-għotjiet għat-trasport li tkun ħallset kumpanija bbażata f’Għawdex biex tittrasporta makkinarju, impjant, u merkanzija bejn Malta u Għawdex.

Ħaddiema fil-qasam tal-bunkering

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm nies jaħdmu fil-qasam tal-bunkering f'Malta u f'Għawdex separatament fl-aħħar tal-2008, tal-2009 u tal-2010?

Response (FENECH, TONIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi il-mistoqsija parlamentari lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja responsabbli mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ.

Enemalta — Xiri ta' petrol u diesel

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 23029 u 22560 u jgħid matul is-sena 2010, l-Korporazzjoni Enemalta kemm-il darba xtrat petrol u diesel? X'kienu l-kwantitajiet u l-prezzijiet li bihom xtrat il- petrol u d- diesel l-Korporazzjoni Enemalta fix-xirjiet li għamlet tul is-sena 2010? X'metodu użat il-Korporazzjoni Enemalta meta ddeċidiet li tixtri l-kwantitajiet ta' petrol u diesel li xtrat tul is-sena 2010? Jekk xtrat wara li ħarġet is-sejħa għall-offerti tul is-sena 2010, x'offerti oħra rċeviet l-Enemalta kull darba li xtrat il-petrol u d-diesel tul is-sena 2010? Xi prezzijiet ħallset l-Enemalta għall-ġarr bil-vapuri tal-kwantitajiet ta' petrol u diesel li xtrat l-Enemalta tul is-sena 2010? Xi qligħ għamlet l-Enemalta fuq kull litru ta' petrol u diesel li biegħet l-Enemalta tul is-sena 2010 minn dak li xtrat fl-istess sena? X'VAT intuzat fuq il-bejgħ ta' kull litru petrol u diesel tul is-sena 2010 mixtri fl-istess sena 2010 mill-Enemalta? X'inhu l-qligħ li jsir mill-pompi tal-petrol fuq kull litru ta' petrol u diesel mibjugħ tul is-sena 2010?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed tiġi kompilata u se tingħata f’seduta oħra.

Xiri ta' fuel mill-Korporazzjoni Enemalta

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 23030 u 22561 u jgħid x'kienu l-prezzijiet li bihom il-konsumaturi xtraw kull litru ta' petrol u diesel tul is-sena 2010? Matul is-sena 2010 l-Korporazzjoni Enemalta użat l-għodda tal- hedging fix-xiri tal- petrol u diesel biex iżżomm stabbli ċ-ċaqliqiet fil-prezzijiet għall-konsumatur? Jekk iva, kif sar u meta sar il- hedging ? Matul is-sena 2010 l-Enemalta għamlet arranġamenti ta' hedging tal-prezz tad-Dollaru Amerikan mal-Euro biex b'hekk iżżomm stabbli għall-konsumatur iċ-ċaqliqiet li kien hemm bejn iż-żewġ muniti? Jekk iva, kif sar dan il-hedging? L-Enemalta għandha kumitat biex jixtri l-fuel? Jekk iva, min huma l-membri tal-kumitat? X'inhu s-sehem tagħhom fix-xiri tal-fuel tal-Enemalta? Jekk qed isir hedging, min jagħmlu, fuq liema bażi u min qed jieħu d-deċiżjonijiet dwar kif isir? Jekk m'hemmx kumitat apposta biex jixtri l-fuel għall-Enemalta, kemm għall-ġenerazzjoni tad-dawl kif ukoll biex imur għand il-konsumaturi, min kienu l-persuni awtorizzati biex jixtru dan il-fuel għall-Enemalta tul is-sena 2010?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed tiġi kompilata u se tingħata f’seduta oħra.

Diviżjoni tal-Proprjetà — kuntratti u ftehim

Question

Jista' l-Ministru jgħid (apparti dawk ir-residenti li l-Gvern kien daħal fi ftehim magħhom fl-1999 u li s'issa dan il-ftehim għadu ma ġiex konkluż min-naħa tal-gvern) min huma dawk l-entitajiet, sew jekk huma governattivi kif ukoll mhux governattivi, li d-Diviżjoni tal-Proprjetà tal-Gvern daħlet jew se tidħol f'kuntratt magħhom dwar kiri ta' postijiet pubbliċi tal-gvern li hemm f'Tignè Point, Sliema? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamta kopja dettaljata tal-kuntratti li saur s'issa mal-entitajiet rispettivi?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-uniċi żewġ konvenji li kien hemm, barra dawk residenzjali, kienu mal-Assoċjazzjoni Sportiva Tigne (AST) u s-Sliema Wanderers Football Club. Il-faċilitajiet sportivi mibnija apposta għas-Sliema Wanderers FC qegħdin fil-fażi li jiġu mgħoddija lill-Kunsill Malti Sport permezz ta’Avviż Legali li ser ikun ippublikat fil-ġranet li ġejjien, dan sabiex il-KMS ikun jista’ jagħmel il-ftehim mal-klabb tal-futbol, skond id-disposizjonijiet tal-Att dwar l-Isport (Kap 455). Dwar l-AST, peress li din l-assoċjazzjoni ma baqalha l-ebda klabb affiljat magħha u peress li l-Gvern kellu bżonn il-postijiet (clubhouses) għal skop pubbliku, din l-allokazzjoni ma saritx. Dik il-parti li kellha tiġi mgħotija lill-AST qegħdha tiġi użata għal skop pubbliku, peress li ngħatat bħala uffiċini lill-MIMCOL li ngħataw l-allokazzjoni ta’ din il-proprjeta’ bħala alternattiva għall-fabbrika li kellhom fil-Qasam Industrijali ta’ San Gwann. Kien hemm spazju wkoll, li ma kienx jifforma parti minn din il-proprjeta’, li ngħata lill-Association of Maltese Arms, Collectors and Shooters, bħala alternattiva għall-ispazju li kienu jikru f’dan il-blokk qabel ma sar il-proġett tal-Midi. Il-Gvern qiegħed jikkonsidra li parti oħra żgħira li kienet ser tingħata lill-AST, tingħata biex tiġi immaniġjata mill-Young Enterprise u NGO’s oħra. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti tal-proprjeta’ li ġiet allokata lill-MIMCOL u lill-Association of Maltese Arms, Collectors and Shooters.

Siġġiewi — Area ta Kirċeppu - binjiet

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 13921 tas-6 ta' Settembru 2005 li kienet tgħid hekk: "Jista' l-Vici Prim Ministru jgħid x'titolu legali għandhom ir-residenti fuq l-art li ngħatat lilhom mill-gvern bejn l-1981 - 1982, fl-area ta' Kirċeppu fis-Siġġiewi, u li bnew darhom fuqha? Jista' jinnota li wħud minn dawn ir-residenti f'din l-area għadhom b'konvenju mal-gvern u mhux b'kuntratt mal-gvern wara dawn is-snin kollha? X'qed jagħmel il-gvern biex jirregolarizza din is-sitwazzjoni?" B'referenza għat-tweġiba parlamentari tas-26 ta' Settembru 2005, liema tweġiba tgħid: "Il-parti l-kbira tal-area magħrufa ta' Kerċeppu fis-Siġġiewi minn dejjem kienet proprjetà tal-Gvern u qatt ma kien hemm diffikultà li jsir kuntratt mar-residenti li għandhom ir-residenza tagħhom fuq din il-parti. Ir-residenti li għandhom ir-residenza tagħhom fuq il-partijiet li ġew esproprijati imma għadu ma sarx il-kuntratt mas-sidien tal-art, għadhom b'konvenju. Dawn ir-residenti ikunu jistgħu jiffirmaw il-kuntratt tar-residenza tagħhom malli d-Dipartiment tal-Artijiet, ikollu l-fondi sabiex ikun jista' jħallas il-kumpens dovut lis-sidien tal-art" Għaldaqstant, issa li għaddew aktar minn ħames snin minn din il-premessa, jista' l-Ministru jgħid jekk fil-fatt il-Gvern allokax fondi għall-kumpens tal-art in kwistjoni f'din l-area margħufa bħala ta' Kirċeppu fis-Siġġiewi? Jekk iva, meta l-persuni involuti, li huma dawk li bnew darhom fuq din it-tip ta' art, se jiġu msejħa mill-Gvern biex jiffirmaw il-kuntratt li jagħtihom it-titolu għall-art li fuqhom bnew darhom? Jekk le, meta huwa ppjanat li jingħata l-kumpens biex tiġi ratifikata u rimedjata s-sitwazzjoni ta' dawn il-familji?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Gvern qiegħed jagħti priorità biex l-artijiet kollha madwar Malta li fuqhom hemm mibnija Housing Estates, jiġu mixtrija. Din is-sena fl-Estimi, ġew allokati l-ammont ta’ tliet miljun euro għal dan il-għan, waqt li fis-sena 2010 ġiet akkwistata art fir-Rabat u f’Santa Lucija. Huwa intenzjonat li ammont ta’ fondi jiġu allokati kull sena biex wara numru ta’ snin jiġu akkwistati l-artijiet kollha. Dawn l-artijiet jiġu trasferiti lil Awtorità tad-Djar li min-naħa tagħha tkun tista’ tikkonkludi l-kuntratt mar-residenti li qegħdin fuq konvenju, inklużi dawk ta’ Kirċeppu fis-Siġġiewi. B’hekk it-titolu tar-residenti jkun wieħed legali. L-Onorevoli Interpellanta tapprezza li din il-problema u inkonvenjent għal dawn in-nies ma kienx jeżisti kieku meta l-Gvern fl-1981 u 1982 esproprja l-art lis-sidien oriġinali, ħallas għaliha dakinhar. Issa peress li l-Gvern qatt ma kien ħallas għalija, rridu nħalsu sija l-ammont oriġinali u sija l-imgħax legali minn dakinhar, a skapitu tal-finanzi tal-pajjiż.

Dipartiment tal-Artijiet — Ħal Qormi - Art tal-gvern li qed tintuża bħala miżbla

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-art li hija proprjetà tal-gvern, li għal finijiet ta' referenza tad-Dipartiment għandha fileNru. 326/2006 u li tinsab fi Triq is-Sienja, Ħal Qormi, qed tinżamm fi stat ta' abbandun u b'konsegwenza qed tispiċċa bħal mizbla fejn qed jintrema kull xorta ta' skart? Jista' jgħid x'se jagħmel il-gvern b'din l-art u kif se jirrimedja immedjatament biex il-ħmieġ u l-ħaxix ħażin li hemm jitnaddaf?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-art li qed tagħmel referenza għaliha hija mikrija biex tintuża bħala ġnien. Il-kerrej ta’ din l-art diġa’ ġie mwissi sabiex iżomm dan is-sit nadif u f’kundizzjoni tajba skont kif stipulat fil-kundizzjonijiet tal-kirja. Kemm il-darba il-kerrej ma jżommx ma’ dawn l-obbligi, id-Dipartiment ikun lest li jieħu passi legali jew li jittermina din il-kirja.

Ilma tax-xita

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa kkalkulat li jinżlu litri ta' xita fuq il-gżejjer Maltin u Għawdxin f'perjodu ta' sena?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li x-xita li tinżel fil-Gżejjer Maltin normalment titkejjel fuq medja ta’ perjodu ta’ snin. Il-medja ta’ xita li niżlet f’dawn l-aħħar tletin sena kienet ta’ 579 millimetri (mm) għal kull sena. Is-sors ta’ din l-informazzjoni huwa l-Uffiċċju Meterjoloġiku fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.

Delimara — Powerstation - trasportazzjoni tal-iskart tossiku

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern jinsabx f'qagħda li jistabbilixxi kif se jiġi trasportat l-iskart tossiku mill-estensjoni tal-power station ta' Delimara? Kemm se jiġi jiswa dan it-trasport fis-sena?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-power station mhux se tiġġenera skart tossiku.