Jista' l-Ministru jgħid kemm saru tentattivi għat-tħaffir għaż-żejt matul dawn l-aħħar 50 sena? Fejn sar it-tħaffir, minn liema kumpannija sar u kemm dam it-tħaffir?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onor Membru biex jirreferi għall-website tal-gvern: http://www.mri.gov.mt/oed.htm fejn isib l-informazzjoni kollha dwar l-għoti ta’ blokok għall-esplorazzjoni taż-żejt.
Jista' l-Ministru jgħid x'time scales u targets għandu f'moħħu l-Gvern Malti biex jiżgura li pajjiżna jilħaq il-miri tal-EU fejn jidħol użu ta' enerġija alternattiva fil-gżejjer Maltin u Għawdxin? Jista' jelabora dwar l-istrateġija tiegħu fid-dettall?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Il-Gvern preżentement qiegħed jirrevedi l-iStrateġija għal Enerġija Nadifa (Renewable Energy Policy) għal pajjiżna, ġaladarba nbidlu t-targets indikati lilna.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' ħaddiema fid-dipartiment/entitajiet/korporazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li huma fuq reduced hours? Jista' jgħid hux jikkonsidra li jidħol/jew jiżdied n-numru ta' ħaddiema li jaħdmu mid-dar bis-sistema teleworking? Xi trid tagħmel f'każ li persuna tkun interessata żżid is-sigħat tax-xogħol tagħha permezz ta' teleworking?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li numru ta’ mpjegati fid-dikasteru tiegħi li qed jaħdmu sigħat imnaqqas (reduced hours) hu ta 54. Hemm persuna waħda li qed taħdem bis-sistema ta’ telework.
Iva, tiġi kkunsidrata kull talba biex jiżdied in-numru ta’ dawk li jkunu jixtiequ jaħdmu bis-sistema
teleworking.
Persuna li tkun interessata li taħdem b’din is-sistema trid tagħmel talba bil-miktub, liema talba tiġi eżaminata skond kriterji stabbiliti mill-gvern permezz tat-Teleworking Policy maħruġa mill-MPO b’Ċirkulari 6/2008 tat-8 ta’ Frar 2008.
Jista' l-Ministru jgħid x'ihni l-policy tal-Gven rigward l-użu ta' safe guard clause li jista' jintuża' mill-Gvern biex jiddefendi xi prodott agrikolu mill-importazzjoni jew it-transport ta' l-istess tip ta' prodott lejn Malta minn pajjiż tal-EU?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li s-safeguard clause hija maħsuba biex f’każ ta’ bżonn jittieħdu miżuri protettivi biex jissalvagwardjaw xi settur milqut ħażin minn importazzjoni. Biex titħaddem din is-safeguard clause, irid l-ewwelnett isir monitoraġġ tas-setturi l-aktar importanti u fkaż li l-importazzjoni jkollha, jew ser ikollha, effetti negattivi li joħolqu żbilanċ qawwi fuq xi settur partikulari, il-Ministru javża lill-Kummissjoni Ewropeja, li wara ħamest ijiem hi obbligata tagħti deċiżjoni dwar liema miżura protettiva tista’ tittieħed biex tagħmel tajjeb għal xi impatt negattiv fuq xi settur.
Jista' l-Ministru jgħid x'qed iżomm lill-gvern milli jieħu azzjoni konkreta dwar it-telqa u l-abbandun totali li hemm f'Wied il-Għomor fl-inħawi tas-Swieqi minħabba l-għadd kbir ta' ilmenti mir-residenti ta' l-inħawi?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li jekk l-abbandun u t-telqa li qed jirreferi għalihom l-Onor. Membru hu skart imwaddab illegalment dan l-aħħar f’Wied Għomor, dan issa tneħħa. Ix-xogħol sar mid-dipartiment ta’ l-Indafa Pubblika minkejja li z-zona taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill Lokali.
Effettivament, għand dan il-ministeru wasal biss ilment minn persuna waħda.
Jista' l-Ministru jgħid kemm jintużaw pestiċidi (ammont totali skond il-kategorija u skond il-kimika) fis-sena ġewwa l-iskejjel primarji u sekondarji (a) governattivi (b) privati (ċ) tal-knisja)?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li din l-informazzjoni ma tinżammx minn dan il-Ministeru.
Jista' il-Ministru jgħid kif inhu mqassam il-konsum ta' pestiċidi (ammont totali skond il-kategorija u skond il-kimika) bejn industrija, agrikoltura, settur pubbliku u ċittadini, sena b'sena għal dawn l-aħħar għaxar snin?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li l-informazzjoni mitluba ma tinżammx minn dan il-Ministeru.
Jista' il-Ministru jgħid jekk qattx sar studju mid-Dipartiment tas-Saħħa jew mill-Universita' ta' Malta biex jitkejjel a) l-ammont ta' pestiċidi fl-ambjent intern ta' l-iskejjel b) l-ammont ta' pestiċidi fl-ambjent tad-djar taċ-ċittadini? U jekk iva, x'inhuma r-riżultati?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hu l-livell ta' nitrati fl-ilma tax-xorb li jittella' mill-acquifers ta' taħt l-art?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li n-nitrati fl-ilma ta’ taħt l-art ivarjaw minn post għal ieħor skond l-użu tal-art. Għal dan il-għan, l-ilma tax-xorb li jittella’ minn taħt l-art jiġi mħallat ma' l-ilma prodott mir-Reverse Osmosis sabiex ikun konformi mal-istandards tal-Unjoni Ewropea.
Jista' l-Ministru jispjega jekk jeżistix pjan sabiex jinżergħu iktar siġar f'Malta u Għawdex? Kemm inżergħu siġar f'Malta u Għawdex fis-sena, u ta' liema tip?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Iva, jeżisti pjan, tant li fl-aħħar budget ġew indikati 5 zoni oħra fejn hemm il-ħsieb li jitħawlu iktar siġar fis-snin li ġejjin.
Fis-sena 2007 jien infurmat li tħawwlu l-fuq minn 24,000 siġra tat-tip taż-żebbug, ħarrub, ballut, għargħar, tamarisk, ċipress, deru u riħan.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw promozzjonijiet bejn Jannar u Marzu 2008 fid-dipartimenti, kumpaniji u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għad-dipartimenti, kumpaniji, u entitajiet li numru minnhom qed jidhru taħt dan id-dikasteru minn Marzu l’hawn, hu kif ġej:
Jannar, Frar u Marzu – 106.
Il-proċess tagħhom ikun ilu xhur li nbeda
Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju wasal il-proġett għat-twaqqif ta' fish farms barra mill-kosta ta' Marsaskala, liema proġett diġa' ġie approvat mill-MEPA?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jimporta l-Onor. Membru jispjega x’qed jifhem bi “għat-twaqqif”?
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 128 li saret lill-Ministru tal-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u issa ġiet riferuta lilu, u jindika xi pjanijiet konkreti għandu l-gvern biex tiġi solvuta l-problema ta' għargħar fit-triq l-antika bejn Ħaż-Żabbar u Marsaskala?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru qiegħed jevalwa l-proposti li saru fl-Istorm Water Masterplan biex tiġi solvuta l-problema ta’ l-għargħar fit-triq imsemmija.
Jista' l-Ministru jara li jekk hemm bżonn, bl-għajnuna ta' ministeri oħra, jittieħdu l-passi neċessarji biex il-ħsara li saret fil-Menqa (ħdejn il-Gillieru) f'San Pawl il-Baħar b'riżultat ta' l-aħħar maltempata kbira li seħħet numru ta' ġimgħat ilu, tissewwa?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li xogħol ta’ tiswija tal-ħitan tal-Menqa se jsir fix-xhur li ġejjin.
Jista' l-Ministru jgħid liema lokalitajiet/kunsilli lokali qed jużaw il-faċilitajiet ta' bring in sites u liema lokalitajiet/kunsilli lokali m'humiex qed jagħmlu użu minn din il-faċilita'?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li l-lokalitajiet/kunsilli lokali ta’ Malta u Għawdex kollha qed jużaw il-faċilitajiet ta’ bring in sites minbarra, Ħamrun, Mdina u Ħaż-Żebbuġ Malta.
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex magħruf x'pestiċidi jintużaw fil-frott u ħxejjex importat? Minn fejn jiġu bħala pajjiż il-frott u l-ħxejjex importati? Kemm-il pestiċidi differenti jintuża għal kull prodott partikolari qabel ma jasal f'pajjiżna?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jindika liema kategorija ta' pestiċidi jiġu mpurtati f'pajjiżna? Għal kull kategorija ta' pestiċidi liema kimiċi jiġu l-iktar importati? Minn fejn jiġu mportati? Kemm kienet l-importazzjoni ta' pestiċidi sena b'sena fl-aħħar 10 snin skond il-kategorija u l-kimika tagħhom?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.