Legislature:
Category:
Reset
Active:

informazzjoni dwar self mill-banek

Question

Jista' l-Ministru jagħti breakdown tas-self mill-banek lokali kollha: a household mortgages jiġifieri dawk li jissellfu biex jixtru darhom; b self lill-kumpaniji tal-kostruzzjoni; c self lill-oqsma tal-manifattura; d self lis-settur tat-turiżmu; e self lis-settur tar-retailing; f self lis-settur ta' servizzi personali u g self ieħor?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

self totali  tal-ekonomija Maltija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa s-self totali tal-ekonomija Maltija (eskluż self pubbliku tal-fond Konsolidat) bħala perċentwali tal-GDP?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lilll-Onor. Interpellant illi din il-figura għadha qed tiġi ikkumpilata mill-NSO permezz ta’ eżerċizzju li qed isir mal-Bank Ċentrali ta’ Malta fuq l-Annual Financial Accounts.

Ħal Farruġ — Triq Ħal Farruġ - stallazzjoni ta' dawl

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta fi Triq Ħal Farruġ se jigi stallat id-dawl u dan minħabba l-periklu li jeżisti f'din it-triq minħabba l-ammont kontinwu ta' vetturi u inġenji kbar li jgħaddu kontinwament minn din it-triq li hija ukoll mingħajr ebda ilqugħ għal dawk li bilfors ikollhom jgħaddu minnha bil-mixi u dan għaliex minkejja d-diversi talbiet li saru lanqas trasport pubbliku m'għandhom il-familji li jgħixu fl-area ta' Ħal Farruġ? Jista' l-Ministru jgħid x'sar mid-diversi talbiet li saru permezz ta' mistoqsijiet parlamentari matul dawn l-aħħar għaxar snin, li saru minni stess u mit-talba li għamel il-kunsill lokali permezz ta' ittra mibgħuta liċ-Chairman tal-Korporazzjoni Enemalta bid-data tat-12 ta' Mejju 2010?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi Enemalta mhux qed tagħmel xogħol ta’ street lighting ġdid għax dawn huma r-responsabbilta tal-Kunsilli Lokali iżda t-talbiet li jagħmlu l-Kunsilli Lokali iridu jkunu approvati minn Enemalta. It-talba għal street lighting ġdid mill-Kunsill Lokali ġiet investigata u nstab illi hija ġustifikata. Il-Kunsill Lokali għandu jiġi nfurmat b’din id-deċiżjoni.

Kummissjoni tal-VAT — każ ta' ittri mhux imwieġba

Question

Jista’ l-Mnistru jispjega għaliex il-Kummissarju tal-VAT ma weġibx għall-ittri tal-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, datati 24 ta’ Novembru 2010 u tal-21 ta’ Jannar 2011?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma nstabitx korrispondenza mingħand il-persuna riferuta. Id-Dipartiment ħa azzjoni u għamel kuntatt ma’ din il-persuna, biex tibgħat kopja ta’ din il-korrispondenza.

power station tal-Marsa — informazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se tieqaf taħdem il-power station tal-Marsa u x'se jsir mis-sit? Jekk se jsir xi ħaġa, meta se jibda?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-power station tal-Marsa għandha tieqaf mat-tlestija tal-interconnector ta’ bejn Malta u Sqallija u l-estensjoni tal-power station f’Delimara. Dan mistenni li jseħħ fis-sena 2013. Is-sit se jkun integrat mal-planijiet għar-riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir.

ġenituri li bagħtu lit-tfal f'childcare centers — refund tat-taxxa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' refunds tat-taxxa tad-dħul ta' €1000 minħabba li ġenituri bagħtu t-tfal tagħhom f'childcare centre li għandu ċ-ċertifikat tad-Dipartiment tal-Istandards Nazzjonali?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi n-numru ta’ taxpayers li bbenefikaw mid-deduzzjoni ta’ €1,000 rigward spejjez minfuqa minħabba li bagħtu t-tfal tagħhom f'childcare centre kien 913 fis-sena bażi 2008 u 1,218 fis-sena bażi 2009.

San Pawl il-Baħar — Għajn Rażul - bozoz

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'qed iwassal biex numru ta' bozoz fi Triq Għajn Rażul, San Pawl il-Baħar, ikunu maqtugħa? Meta kien hemm l-aħħar rapport ta' bozoz hekk maqtugħa u x'passi ttieħdu biex jiġu rranġati?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-istreet lighting li saret referenza għalih ġie rrapurtat fis-27 ta’ Jannar 2011. Minn investigazzjoni li saret irriżulta li kien hemm linja maqtugħa. Il-manutenzjoni meħtieġa saret fil-31 ta’ Jannar 2011.

Delimara Powerstation — avukat

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm assistenza ta' avukat fil-kuntest tal-kuntratt għall-estensjoni tal-powerstation f'Delimara? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid min kien l-avukat u kemm tħallas?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Enemalta għamlet użu mill-avukat tagħha stess.

persuni li vjaġġaw bejn Malta u Għawdex u ma ħallsux

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' persuni li għamlu l-vjagg bejn Malta u Għawdex u ma ħallsu xejn meta ppreżentaw il-Kartanzjan fis-snin 2007, 2008, 2009, 2010, sena, sena?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi din d-domanda hija ta’ natura strettament kummerċjali. Il-kumpanija Gozo Channel qegħda fil-proċess li tipprepara għat-tender dwar PSO u ma tħossx li huwa opportun li tinħareġ tali informazzjoni f’dan l-istadju.

San Pawl il-Baħar -Triq il-Villeġġjaturi, u fi Triq il-Konverzjoni — ilma ħiereġ fit-toroq

Question

Jista' l-Ministru, permezz tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, jinvestiga x'inhi r-raġuni li għaliha qed ikun hemm ammont kostanti ta' ilma li joħroġ fi Triq il-Villeġġjaturi u fi Triq il-Konverzjoni, San Pawl il-Baħar? Jista' jiġi stabilit jekk dan l-ilma hux ilma tal-vit, tax-xita jew tad-drenaġġ?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-ilma ħiereġ mill-imsemijin toroq mhuwiex ilma tax-xorb minn Network tal-Water Services Corporation. Dan l-ilma kien qed jiġi ppumpjat minn kumpless privat.

San Pawl il-Baħar — tkomplija ta' proġett ħdejn il-Knisja ta' San Pawl Nawfragu

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex il-parti tal-proġett li sar bejn iż-żewġ toroq ta' ħdejn il-Knisja ta' San Pawl Nawfragu, San Pawl il-Baħar, jitkompla billi dik il-parti tal-proġett li taqbad minn ħdejn il-breakwater ta' Bugibba, in-naħa ta' fuq tat-triq, tiġi provduta bid-dwal li kienu maħsuba li jitwaħħlu, iżda għadhom ma ġewx stallati?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi x-xogħlijiet imsemmija m’humiex responsabbiltà tal-Enemalta.

Enemalta — self mil-Bank Irlandiż

Question

Peress li l-Korporazzjoni Enemalta ġabet self ta' €185 miljun mill-Bank Irlandiz Defta liema self ġie kollu meħud illum il-ġurnata min-NAMA fl-Irlanda li hi n-National Asset Management Agency, jiġifieri l-Gvern Irlandiż qed jagħmel tajjeb għal kull self li għamlu l-banek hemmhekk, fiċ-ċirkostanzi li tinsab fihom l-Irlanda u peress li s-self kien għal Korporazzjoni Pubblika ta' Stat Membru li għamel tajjeb għall-Bail Out li offriet l-Unjoni Ewropea lill-istess Irlanda, huwa minnu li l-Korporazzjoni Enemalta qiegħda tikkunsidra li tagħmel talba lin-NAMA biex ir-repayment jiġi discounted, jiġifieri li l-Korporazzjoni Enemalta tingħata discount, per eżempju li flok titħallas lura s-somma ta' €185 miljun barra l-imgħaxijiet kollha jkollna discount u l-imgħaxijiet jitħallsu parti minnhom biss bħala kumpens għall-Bail Out magħmul?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Korporazzjoni Enemalta m’għandiex dejn ma Bank Irlandiz b’isem Defta. Jekk l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għal Depfa Bank m’ghandna l-ebda kommunikazzjoni illi National Asset Management Agency qed tagħmel tajjeb għal dan is-self u għaldaqstant m’hemm l-ebda negozjati għaddejjin fir-rigward tan-National Asset Management Agency.

benefiċċji tal-biljetti tal-ajru

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 23146, il-Ministru qal li ma setax jagħti l-informazzjoni mitluba għax hija kummerċjalment sensittiva, nirreferi l-Ministru għal artiklu ppubblika fuq it-timesofmalta.com fis-1 ta’ Jannar 2011, li fih jissemmew dawn id-dettalji ta’ natura kummerċjalment sensittiva, għalhekk jista’ l-Ministru jikkonferma d-dettalji ta’ dan l-artiklu fosthom li fost dawk li kellhom il-benefiċċju ta’ biljetti tal-ajru b’xejn, fuq ordni tal-gvern, hemm dawk li ġew appuntati b’mod politiku biex jokkupaw il-postijiet ta’ chairmen u diretturi f’diversi bordijiet?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba ma tistax tingħata minħabba li hija kummerċjalment sensittiva. L-informazzjoni riferuta kienet pubblikata fuq gazzetta privata u kwotata minn sorsi mhux uffiċċjali.

Dipartiment tat-Taxxi Interni — kontijiet pendenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid għandux informazzjoni dwar persuni li ressqu claim mad-Dipartiment tat-Taxxi Interni jikkontestaw kontijiet pendenti u multi li qed jingħad lilhom li huma pendenti u jridu jitħallsu minnhom, minkejja li dawn huma dovuti għal żball li seta' sar min-naħa tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru fil-konfront tagħhom? Biex inkun aktar speċifiku, nindika li dawn il-persuni kien ġew ingaġġjati fuq bażi temporanja biex jagħmlu xi xogħol relatat ma ġbir ta’ data għar-rapport Ornis fis-snin 2008-2009.

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi lejn l-aħħar ta’ Diċembru 2009, id-Dipartiment tat-Taxxi Interni rċieva l-informazzjoni dwar il-qligħ ta’ dawk li kienu involuti fil-proġett Ornis. Peress li meta d-Dipartiment kien infurmat b’dawn il-persuni l-ipproċessar tal-formoli tas-sena bażi 2008 kien diġa’ għalaq, id-Dipartiment ħa l-azzjoni segwenti: Għar-rigward tad-dħul fl-2008 id-dipartiment għamel aggustament fit- tax statements ta’ kull wieħed mill-persuni involuti - biex b’hekk żied dan id-dħul mill- bird watching mal-bqija tad-dħul li diġa’ kien rappurtat mit- taxpayer . Id-differenza fit-taxxa ddaħħlet fis-sena 2009 biex dawn il-persuni ma jeħlux la multi u lanqas interessi. Rigward id-dħul fl-2009, dawk il-persuni li bagħtu l-formola tat-taxxa ġie ċċekkjat jekk kinux iddikjaraw dan id-dħul. Jekk fl-affermattiv ma sar xejn iktar; jekk ma kinux iddikjaraw dan id-dħul, dan żdidilhom mill-ewwel taħt ‘Dħul Ieħor’. F’każ li xi persuna jew persuni msemmija hawn fuq jixtiequ xi għajnuna jew kjarifa dwar il-kont tagħhom mad-Dipartiment, nistedinhom jagħmlu kuntatt mat- Taxpayer Service Centre tad-dipartiment biex jiġi spjegat lilhom il-każ partikolari tagħhom b’mod iktar dettaljat, anki minħabba l-fatt li ċ-ċirkustanzi mhux bilfors ta’ kulħadd ikunu l-istess.

bejjiegħa tal-ħaxix

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 23196 li oriġinarjament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u li issa ġiet riferuta lilek u jgħid kemm hemm permessi għall-bejjiegħa tal-ħaxix? Jikkonferma li dawn jinqasmu f'dawn il-kategoriji, hawker, open market u green grocer? Jekk fl-affertmattiv, jista' jgħid kemm hemm f'kull każ? Jekk din mhux il-klassifikazzjoni tagħhom, jista' jgħid kif jiġu maqsuma dawn il-permessi?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi liċenzji reġistrati mat-Trading Licencing Unit mill-2002 sal-lum fil-kategoriji imsemmija huma kif ġej: Green Grocers 350 Street Hawkers 170 Market Hawkers 80 Jeżistu ukoll 773 liċenzja magħrufa bħala old Trading Licences li kienu oriġinament maħruġa mill-pulizija. Dawn inħarġu taħt it-titlu Grocers and Green Grocers. Ma teżistix data separata għal hawkers li nħarġu fi żmien il-pulizija.

Taxxa tad-dħul — foreign natural persons

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huma l-ammont ta' nies barranin (foreign natural persons) li jgawdu minn skemi vantaġġjużi tat-taxxa tad-dħul in vista tal-mezzi vasti tagħhom skont kif irid l-Att dwar it-Taxxa tad-Dħul? Minn liema pajjiżi ġejjin? Kemm ħallsu taxxa b'kollox is-sena li għadha kemm spiċċat? Kemm minnhom huma nies ta' fama li ġejjin mid-dinja sportiva jew mid-dinja tal-ispettaklu?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi nifhem li l-kategorija ta’ nies li qed jirreferi għaliha, hija dik li tirreferi għal dawk l-individwi barranin taħt il-Permanent Residents Scheme. In-numru tagħhom illum huwa 833. Il-pajjiż li ġejjin minnu hu indikat fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. L-ammont ta’ taxxa li dawn il-persuni ħallsu fis-sena bażi 2010 hu ta’ €5,307,691 imma din is-somma mhijiex finali għax il-formola tagħhom għad trid tiġi sottomessa f’Ġunju li ġej. Rigward l-aħħar parti tal-mistoqsija parlamentari dwar kemm minnhom ġejjin mid-dinja sportiva jew tal-ispettaklu, id-Dipartiment tat-Taxxi Interni m’għandux din it-tip ta’ informazzjoni.

Talba għal refund tal-income tax

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, se titħalls ir-refund ta' income tax li kien dovut lilha f 'Awwissu 2010?

Response (FENECH, TONIO)

Niġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant li r-refund li hu qed jirreferi għalih ma kienx dovut f’Awwissu 2010 imma f’Diċembru li għadda. Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet mogħtija għall-Mistoqsijiet Parlamentari numru 22948 u 23104.

Proġett ta' Smart Meters — nfiq fuq konsulenza

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 21365 u ċioe: B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 21110, jista' l-Ministru jgħid minn kemm ilu li beda l-proġett ta' smart meters x'inhu l-ammont ta' flus li s'issa ntnefqu jew se jintnefqu fuq xogħol ta' konsulenza? Fiex kien jikkonsisti dan ix-xogħol ta' konsulenza f'dak li għandu x'jaqsam xogħol ta' kumpaniji bħall-KPMG u PWC?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 21365.

KSI — nefqa għall-produzzjoni tal-ilma tax-xorb

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hija n-nefqa tal-gvern biex jipproduċi l-ilma tax-xorb għall-poplu Malti u Għawdxi kollu? Jista' jgħid kemm huwa kkalkulat li jinħela ilma li jiġi provdut mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma minħabba ħsarat li jkun hemm fil-pajpijiet fit-toroq? Jista' jikkwantifika fi flus kemm jiġi jiswa lill-kaxxa ta' Malta l-ilma li jinħela minħabba ħsarat?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi matul is-sena ta’ stima 2010, kull metru kubu fi produzzjoni ta’ l-ilma huwa stmat li sewa €2.34 lill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma. Dan il-kalkolu jeskludi d-diprezzament u l-ispejjeż tal-Wastewater. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi il-produzzjoni totali tal-ilma fis-sena 2009 kienet dik ta 29.2 miljun m3 filwaqt li l-ilma li nħela minħabba ħsarat fil-kanen kien ikkalkulat li jammonta għall-4.2 miljun m³. Ta’ min isemmi li 1.9 miljun m³ minn din il-ħela huma “ unavoidable losses ” jiġifieri telf li ma jistax jiġi evitat.

Kampanja dwar l-ilma tax-xorb

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk għandux f'moħħu li ssir kampanja biex ma jinħeliex ilma tax-xorb? Jista' jgħid meta din il-kampanja se tibda? Għal liema settur tal-poplu se tkun immirata?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-ilma tagħmel diversi inizjattivi rigward kampanji dwar l-ilma tax-xorb. L-ewwel hemm il-preżenza kontinwa ta’ pariri dwar kif il-konsumaturi jistgħu jagħmlu użu għaqli ta’ l-ilma fuq is-sit elettroniku tal-korporazzjoni. Barra minn hekk għal numru ta’ snin il-korporazzjoni għamlet riklami f’revisti turistiċi biex ma jinħeliex ilma, kif ukoll kampanja ta’ għarfien fuq stazzjon tar-radju matul is-sajf. Għas-Sajf ta’ l-2011 il-korporazzjoni bi ħsiebha tkompli dawn l-inizjattivi.