Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kunsum ta' l-elettriku

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 791 u 574 li oriġinarjament kienu saru lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġew riferuti lilu u jiddikjara jekk il-Gvern ikkonsidrax l-idea li bl-istess mod li prattikament kull household għandha meter tad-dawl, kull household ikollha sistema ta' produzzjoni ta' enerġija alternattiva, partikolarment sistemi fotovoltaiċi?Wettaq xi studju l-Gvern tal-vijabbilita' ta' l-introduzzjoni ta' dawn is-sistemi f'kull dar komparati mal-flus extra li jkollu joħroġ l-istess Gvern biex jagħmel tajjeb għan-nofs iż-żidiet fil-prezzijiet taż-żejt u li se jkomplu jħallsu ċ-ċittadini fi ħlas ta' soprataxxa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-gvern jimbotta u jippromwovi kemm jista’ jkun il-produzzjoni ta’ enerġija alternattiva. Tant hu hekk li l-gvern diġà jagħti sussidju fuq sistemi ta’ PV (flimkien ma sistemi oħra) ta’ €1,164.69 kull kWp (kiloWatt peak) installat f'dar, permezz ta' skema li titħaddem mill-Awtorità Maltija dwar ir-Riżorsi. Dan l-ammont għandu jiżdied permess ta' fondi mill-Unjoni Ewropea. Saru numru ta' studji dwar il-potenzjal tas-sistemi fotovoltaiċi (PV), fosthom dak mill-kumpanija Mott MacDonald. Ir-rapport ta' dan l-istudju ‘ Renewable Electricity Exploitation in Malta’ tpoġġa fuq-il-Mejda tal-Kamra fl-20 ta' Marzu 2007. Barra minhekk il-gvern għadu kif waqqaf grupp ta' esperti li għandhom l-inkarigu li joħorġu bi proposti kif għandha tiġi ġġenerata madwar 10% tal-enerġjia f'Malta minn riżorsi li jiġġeddu (inkluż PV).

Wied ta' Burmarrad

Question

Jista' l-Ministru jara li x-xogħol mrabut mal-Wied ta' Burmarrad li jrid iwassal biex l-ilma tax-xita fil-fatt ma jagħmilx ħsara fir-raba' ta' l-inħawi, fil-fatt jitkompla b'rata aktar mgħaġġla? Fl-istess ħin, jista' l-Ministru jara li fejn hu possibli l-wisa' ta' l-istess kanal ma jibqax dak li hemm fl-inħawi tas-Salina għaliex dan il-wisa' qed jaħli ħafna raba'?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li l-ewwel fażi ta’ dan il-proġett jiġifieri l-iżbokk tal-kanal ħdejn is-salini għandu jitlesta fil-ġranet li ġejjin. Minn hawn lejn Burmarrad, il-wisa’ tal-kanal jidjieq b’mod gradwali skond l-ammont ta’ ilma li ser jgħaddi minnu. Ix-xogħol fuq din il-parti tal-kanal ta’ l-ilma ser jitkompla dalwaqt hekk kif jinħarġu l-permessi meħtieġa.

Mdina — Swar

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta sar l-aħħar survey tas-swar ta' l-Imdina? X'irriżulta minn dan is-survey? Meta hu mistenni li jinbeda x-xogħol li kien rakkmandat jekk kien rakkmandat xi xogħol fuq dawn is-swar?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li l-aħħar studju fuq is-swar tal-Imdina sar bejn l-2001 u l-2003 fiz-zona tal-Palazz ta’ Vilhena. Kien ġie stabilit fejn kellhom ikunu l-interventi prijoritarji ta’ konsolidament tas-swar f’din iz-zona. Wara ingħata t-tender għax xogħol ta’ l-ewwel fażi li qed ikun ko-finanzjat mill-EEA. Dan ix-xogħol inbeda u bħalissa għaddej xogħol biex isir il-konsolidament tas-sur ta’ taħt il-Pjazza tal-Kunsill Bejn l-2009 u l-2013 ser jitkomplew l-istudji u x-xogħol f’zoni oħra tal-Imdina. Għal dawn il-proġetti intalab ko-finanzjament mill-Fondi Strutturali tal-UE.

Sejbiet taż-Żejt

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li l-gvern jagħti l-go ahead lill-kumpanija Awstraljana biex tkompli bix-xogħol tagħha fl-ibħra tagħna fejn qalet li hemm proġetti tajbin għas-sejbiet taż-żejt?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li l-pjanijiet approvati bejn il-gvern u l-kumpaniji privati għat tħaffir taż-żejt, mexjin skond il-kundizzjonijiet kuntrattwali stabbiliti.

Tħaffir taż-żejt

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn waslu l-isforzi tal-gvern biex jasal fi ftehim mat-Tuneżija li jsir tħaffir taż-żejt fi proġetti komuni fl-ibħra taż-żewġ pajjiżi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għall-Mistoqsija Nru 441.

Riżorsi u Affarijiet Rurali — Impjegati ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu mpjegati ġodda ma' l-entitajiet u korporazzjonijiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu minn Awissu sa Diċembru 2007, xahar b'xahar u skond il-grad?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li minn Awissu 2007 sa Diċembru 2007 ma’ l-entitajiet u korporazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dikasteru tiegħi, daħlu jaħdmu mpjegati ġodda skond kif ġej: Awissu 1 Executive Science & Technology Officer 1 Commuciations Officer 1 Research Analyst 1 Gas Engineer 2 Inspectors Settembru 1 Head of Shift Ottubru 1 Computer Hardware Technician 1 Laboratory Technician 1 Laboratory Technologist 1 Analyst I (Resource Efficiency 1 Project Officer (Economics) Diċembru 2 IT Apprentice TOTAL 14

Riżorsi u Affarijiet Rurali — Vetturi ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' karozzi/vetturi ġodda li nxtraw mill-ministeru, dipartimenti u dekasteri oħra li jaqgħu taħt il-ministeru tiegħu matul l-ewwel 5 xhur ta' din is-sena? Kemm kienet iċ-ċifra ta' flus globali li swew dawn il-karozzi/vetturi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li nxtrat vettura kummerċjali waħda (Skid Steer Loader) għas-somma ta’ €45,248.75.

Trobbija tal-majjal

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hawn irziezet għat-trobbija tal-majjal f'Malta u f'Għawdex separatament xahar b'xahar minn Jannar 2007 sa Mejju 2008?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li n-numru ta’ rziezet illiċenzjati għat-trobbija tal-majjal, mhux normali li jinbidel b’mod sostanzjali u regolari minn xaħar għall-ieħor. Skond ir-rekords in-numru tagħhom f’Diċembru ta’ l-2007 kien ta’ 157 f’Malta u 15 f’Għawdex.. Minn Jannar 2008 s’issa, f’Malta dawn baqgħu l-istess waqt li f’Għawdex, wieħed mill-irziezet inqasam fi tnejn u allura issa hemm 16 illiċenzjati.

Floriana

Question

Peress li fuq il-paviment tal-mall fil-Floriana żelqu diversi persuni fuqu, jista' l-Ministru jara li jsir ix-xogħol meħtieġ sabiex titranġa s-sitwazzjoni? Jista' jitneħħa l- wire tad-dawl fil-passaġġ tal-ġonna ta' l-Argotti fil-Floriana, b'mod partikolari jekk dan jirriżulta li hu perikoluż?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Id-Diviżjoni tax-Xogħlijiet qed tara x’inhi s-sitwazzjoni u ser tagħmel dak li hu meħtieġ biex jekk hemm xi problemi jiġu rranġati. Rigward it-tieni parti tad-Domanda, ninforma l-Onor. Membru li l- wire li kien qiegħed hemm b’mod temporanju issa tneħħa.

Villa Fransija — Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid fhiex wasal ix-xogħol fuq Villa Fransija, Ħal-Lija? Meta hu ppjanat li tkun lesta? Kemm ġie jiswa dan il-proġett?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li, x-xogħol fuq Villa Fransija li sar mit-Taqsima tax-Xogħlijiet, kważi tlesta kollu għajr għal sala fl-ewwel sular li xogħol fuqha ser jibda f’dawn il-ġranet minħabba li jrid jinbidel is-saqaf u wara jsir ix-xogħol ta’ restawr. Dan il-proġett hu stmat li ser iqum madwar € 920,000. Fuq din il-villa ma sarx xogħol biss ta’ restawr fuq il-ġebla u l-aperturi, imma ġew installati sistema ta’ l-elettriku u sistema mekkanika ġodda kif ukoll lifts b’aċċess għall-persuni bi bżonnijiet speċjali u sistema ta’ komunikazzjoni. Sar ukoll xogħol ta’ landscaping fil-ġonna tal-madwar kif ukoll xogħol fuq bibien u aperturi nterni. Dan barra xogħol kbir ta’ restawr ta’ affreski li sar mill-ħaddiema tat-Taqsima tar-Restawr.

Promozzjonijiet

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 279, jista' l-Ministru jinfurmani min kienu l-membri tal-bord ta' l-għażla ta' dawn il-promozzjonijiet kif ukoll il-kariga u kwalifiki tagħhom?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma l-Onor. Membru li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ Bordijiet ta’ l-Għażla u l-membri li kienu appuntati fuqhom.

Restoation Unit

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-periti fi ħdan ir-Restoration Unit u x'inhu l-grad ta' kull wieħed/waħda minnhom?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li l-gradi tad-9 periti li hemm jaħdmu fir-restoration unit huma żewġ (2) Chief Architects, erba(4) Senior Architects u tlett(3) Architects. Jekk l-Onor, Membru jixtieq iktar informazzjoni din tista’ tingħatalu privatament.

Bring-In Sites

Question

Jista' l-Ministru jara li s-siti li jiġu magħżula biex fihom jitqiegħdu l-containers tal-bring-in sites fil-fatt ikunu tali li fihom l-istess containers ma tantx ikunu viżibbli? Jista' jiġi stabilit xi forma ta' disinn li jservi biex kemm jista' jkun dawn is-siti jkunu moħbija?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onor. Membru li għalissa sakemm jindraw iżjed mill-pubbliku u jiġi mħeġġeġ kemm jista’ jkun l-użu tagħhom, tajjeb li dawn jitpoġġew f’post fejn jidhru. Il-proċess kollu ta’ ftuħ ta’ bring-in site isir b’konsultazzjoni sħiħa mal-kunsill li saħansitra jagħżel is-sit fejn jitpoġġew il-containers.

Marsaskala — Fish Farms

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 457, b' "għat-twaqqif" l-interpellant jifhem l-attwazzjoni ta' dak sanċit bil-permess tal-MEPA?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li z-zona ta’ l-akkwakultura barra l-Ponta ta’ Żonqor, bdiet topera sentejn ilu u minn nhar is-Sibt 7 ta’ Ġunju reġa’ beda jkollha l-ħut fiha għal dan l-istaġun.

Tindif tal-widien

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk teżistix policy dwar meta u kif isir tindif tad-diversi widien li hawn Malta u Għaqdex? Jekk teżisti din il-policy jista' jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra kopja tagħha?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Sa llum ma teżistix policy bħal din. Jien infurmat li wara li jiġu spezzjonati diversi widien isir program qabel il-bidu tas-sajf biex isir dan ix-xogħol skond l-esiġenzi li jkun hemm u r-riżorsi disponibbli. Minbarra dan isir tindif fil-widien kull meta jkun hemm rapporti ta’ rimi llegali ta’ skart jew meta waqt spezzjonijiet li jsiru minn żmien għall-ieħor jinstab li jkun sar rimi ta’ materjal. Sadanittant se nikkonsidra s-suġġeriment ta’ l-Onor. Interpellant

Paceville — Xogħol ta' pavimentar

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għala x-xogħol ta' pavimentar fil-pjazza ta' Paceville li tlesta ftit snin ilu issa qiegħed jinqala' u jerġa' isir? Kemm hu stmat li se jiġi jiswa dan ix-xogħol?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li x-xogħol ta' pavimentar fil-pjazza, qiegħed jinqala għax f'partijet minnu l-iktar fejn jintuża minn vetturi tqal, kien hemm "settlement" tal-pavimentar u dan straħ. Jidher li l-axial loading ta’ dawn il-vetturi u l-immanuvrar tagħhom ma kienx ittieħed in-konsiderazzjoni fil-kalkoli li kienu saru. Ix-xogħol ser jiswa' €74,547.

Marsaxlokk — Xatt tas-sajjieda

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jibda x-xogħol fuq ix-xatt tas-sajjieda ta' Marsaxlokk biex dan ikun embellished?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Kif diġà għidt pubblikament, ix-xogħol ta' tisbiħ f'Xatt is-Sajjieda Marsaxlokk hu pjanat li jibda f'Ottubru li ġej.

Riżorsi u Affarijiet Rurali — Assigurazzjoni Privata

Question

Jista' l-Ministru jgħid fil-mument liema huma d-dekasteri, dipartimenti u entitajiet li għandhom xi forma ta' Assigurazzjoni Privata (Private Insurance) għall-vetturi, bini, apparat, pitturi, eċċ? Kemm huwa l-ħlas globali f'ċifra ta' flus li qed titħallas għal dawn l-assigurazzjonijiet?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jindika għal liema perjodu qiegħed jirreferi.

Remissi taż-żwiemel

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi liġi li tirregola l-ftuħ ta' remissi għaż-żwiemel, cioe' jekk dawn jistgħux jinfetħu fl-abitat u fl-ibliet tal-Kottonera?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.