Legislature:
Category:
Reset
Active:

Water culvert

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 779 li saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u issa qed tiġi riferuta lilu u jara li jsir culvert quddiem ir-residenza, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li meta tinżel ix-xita minn sqaq tal-faċċata l-ilma jibqa' dieħel ġewwa fid-dar?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor. Membru, peress li r-responsabbiltà għal dak li qed jistaqsi taqa’ taħt il-Kunsill Lokali, li jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Kodiċi ta' etika — Tronbbija ta' Annimali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk jeżistix xi kodiċi ta' etika għal dawk li jrabbu l-annimali/rettili? Jekk le, be ħsiebu l-Gvern jinkoragixxi li dan jsir? Jekk iva, meta hu ppjanat li jsir?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li fil-preżent ma teżistix kodiċi ta' etika għaż-żamma ta' annimali fosthom rettili. Hu maħsub li fil-futur jiġu żviluppati korsijiet qosra dwar teknika u etika fiż-żamma ta' annimali fosthom ir-rettili.

Biċċerija — Inċineratur

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm qed jiswa fil-preżent l-inċineratur tal-biċċerija tal-Marsa? Jista' jagħti breakdown ta' dawn l-ispejjeż u tal-kwantita ta' tunellaġġ li qed jiġi inċinerat?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma l-Onor. Membru li r-risposta tingħata f’seduta oħra.

Importazzjoni ta' Annimali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk tittieħidx in konsiderazzjoni li qabel jingħata permess għall-importazzjoni ta' annimal eżotiku jew le fi xtutna, jaraw jekk dan ikunx ta' ħsara għall-pubbliku Matli u Għawdxi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onor. Membru illi l-annimali eżotiċi mpurtati minn terzi pajjiżi għandhom bżonn liċenzja ta' importazzjoni. Il-kontrolli skond regolamenti eżistenti fuq iż-żamma ta' dan it-tip ta' animali, jsiru fuq min qiegħed iżommhom u fuq il-kapaċità tiegħu li jieħu ħsiebhom kif ukoll fuq il-post fejn qed jinżammu.

Annimali li ma jistgħux jiġu impurtati

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk teżistix xi lista ta' annimali li ma jistgħux jiġu mpurtati? Jekk iva, liema huma? Jekk ma jistgħux jiġu impurtati, għaliex?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma l-Onor Membru li ma teżisti l-ebda lista ta’ Annimali li ma jistgħux jiġu mpurtati, iżda l-animali kollha meħudin mill-ambjent naturali ma jistgħux jiġu mpurtati minnħabba protezzjoni li jgawdu taħt numru ta' trattati internazzjonali. L-animali kollha l-oħra mwielda in captivity' potenzjalment kollha jistgħu jigu mpurtati, naturalment dejjem wara li tinħareġ il-liċenzja ta’ l-importanzjoni neċessarja.

Trobbija ta' rettili/annimali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk min jimporta annimali/rettili huwiex marbut ma' xi regolamenti ta' trobbija ta' l-istess rettili/annimali? Jinżamm xi moniteraġġ ta' fejn ikunu qed jitrabbew dawn ir-rettili/annimali u fejn jispiċċaw jekk is-sid jiddejjaq jieħu ħsiebhom?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-impurtatur mhux neċessarjament li jkun is-sid li jieħu ħsieb l-animali mpurtati. Ir-responsabbilità tat-trobbija taqa’ fuq is-sid tal-annimal li jkollu post adegwat fejn iżommu u li jkollu l-esperjenza u l-kapaċità neċessarja biex jieħu ħsiebu.

Impurtar ta' annimali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk isirx moniteraġġ ta' x'tip ta' annimali u bhejjem jidħlu minn barra l-pajjiż, f'Malta? Jista' jagħti lista ta' x'tip ta' annimali daħlu f'Malta u Għawdex bejn Jannar u Diċembru 2007?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Risposta tingħata f’seduta oħra

Użu ta' karta riċiklata

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-pjan tiegħu għall-implimentazzjoni ħalli kull dipartiment u entita' governattiva tibda tuża l-karta riċiklata? Meta fil-fatt se jibda dan? Kemm hija ppjanata li ġejja tiswa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-abbozz ta’ pjan imsejjaħ Green Public Procurement National Action Plan tlesta u issa dan irid jitressaq għall-approvazzjoni tal-gvern. L-għan ta’ dan id-dokument hu, li juri kif id-dipartimenti u entitajiet pubbliċi huma obbligati jżommu quddiem għajnejhom il-ħarsien ta’ l-ambjent, meta jkunu qed jordnaw jew jixtru l-bżonnijiet tagħhom fosthom il-karta, kompjuters, traspsort, bini servizzi ta’ tindif etc..

Bdiewa — Għajnuna Finanzjarja

Question

Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar in-numru ta' bdiewa li għandhom talbiet pendenti għal għajnuniet finanzjarja? Minn liema lokalitajiet (raħal, raħal) huma dawn il-bdiewa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor Membru jkun aktar speċifiku u jindika għal liema inizjattivi qed jirreferi.

Prodotti Agrikoli — Spot Check

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk isiux xi spot checks fuq il-prodotti agrikoli mpurtati f'pajjiżna? Jekk iva, kemm saru minn dawn l-i spot checks matul l-aħħar 16-il xahar, xahar b'xahar?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li d- Dipartiment għas-Saħħa tal-Pjanti fi ħdan il-Ministeru jispezzjona dawk il-prodotti kollha impurtati f’pajjiżna li huma suġġetti ta’ ispezzjoni skond id-Direttiva 2000/29 EC u l-Avviż Legali 97 ta’ 2004 u l-emendi tagħhom. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-tabella li turi n-numru ta’ spezzjonijiet li saru matul dawn l-aħħar sittax -il xahar.

Prodotti Agrikoli — Impurtati minn Barra

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'miżuri ħa jew qed jieħu l-ministeru biex jiġi garantit li l-ebda frott jew prodotti agrikoli oħra impurtati minn barra (inkluż dawk mis-suq intern mill-pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea) ma jsibux ruħhom fil-pitkalija f'Ta' Qali?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onor Membru li kull meta jkun hemm suspett ta’ prodotti agrikoli mpurtati, jsiru investigazzjonijiet mill-Control Unit tad-Dipartiment sew fil-pitkalija kif ukoll fl-għelieqi. Fejn ikun il-bżonn jittieħdu l-passi neċessarji. Ninfurmaħ ukoll li fil-Pitkalija bħalissa għaddej proġett ta’ modernizzar tas-sistema ta’ l-IT li ser tippermetti li l-oriġini ta’ kull prodott tkun verifikata. Fil-frattemp, qed isiru wkoll laqgħat mal-Pitkala u ma’ l-Għaqdiet tal-Bdiewa waqt it-tfassil ta’ pjan strateġiku għal-pitkalija kollha.

Public Private Partnership — Proġetti

Question

Jista' l-Ministru jgħarrafni bil-pagamenti li għadda lill-PPP tal-landscaping matul dawn l-aħħar 3 snin, sena b'sena? Liema kienu l-proġetti li saru abbażi ta' dawn il-fondi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor. Membru jagħmel il-Mistoqsija lill-ministru kkonċernat

Sajjieda lokali — Għajnuna

Question

Jista' l-Ministru jgħid b'liema mod konkret qed jaħseb il-Gvern li jgħin lis-sajjieda lokali li ġew milquta ħażin ħafna miż-żieda qawwija fil-prezz tal-fuel?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma l-Onor Membru li risposta tingħata f’seduta oħra

Sajjieda — Għajnuna Finanzjarja

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' sajjieda li għandhom talbiet pendenti għall-għajnuna finanzjarja? Minn liema lokalitajiet (raħal,b'raħal) huma dawn is-sajjieda?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onor. Membru li n-numru ta’ talbiet pendenti għal-għajnuna finanzjarja hu ta’ 688. Nitlob lill-Onor.Membru jinnota li fis-settur tas-sajd l-għajnuna mhijiex marbuta mas-sajjied imma mal-bastiment.

Raħħala — Għajnuna Finanzjarja

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' raħħala li għandhom talbiet pendenti għal għajnuna finanzjarja? Minn liema lokalitajiet (raħal b'raħal) huma dawn ir-raħħala?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li n-numru ta’ raħħala li għandhom talbiet pendenti għal għajnuna finanzjarja hu ta’ 352. Dawn ġejjin mill-lokalitajiet skond kif jidher fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Il-proċess fuq dawn it-talbiet miexi u huwa ppjanat illi parti sostanzjali minnhom jitħallsu fi żmien qasir.

Wasteserv — Sejħa għall-offerti

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-iskop tas-sejħa għall-offerti mill-Wasteserv fil-Gazzetta tal-Gvern Nru. WSM 029/2008?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li l-iskop tas-sejħa hu biex jinxtara s-servizz ta’ assistenza lill-impjegati sakemm jiġu ngaġġati l-ħaddiema meħtieġa b’mod permanenti.

Wasteserv — Sejħa għall-offerti

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-iskop tas-sejħa għall-offerti mill-Wasteserv fil-Gazzetta tal-Gvern Nru. WSM 028/2008?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li l-iskop tas-sejħa hu biex jinxtara s-servizz ta’ assistenza lill-impjegati sakemm jiġu ngaġġati l-ħaddiema meħtieġa b’mod permanenti.

Saqaf ta' garaxx

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 965 li saret lill-Ministru għall-Politika Soċjali u issa qed tiġi riferuta lilu u jgħid fiex waslet it-talba tas-sinjura, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament , dwar is-saqaf tal-garaxx tagħha tal-Gvern nru.9 li qed iċedi, fit-triq ta' wara r-residenza tagħha, li kien ġie spezzjonat mill-awtoritajiet ikkonċernati s-sena li għaddiet?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li wara l-ispezzjoni imsemmija, jonqos l-approvazzjoni neċessarja ta’ l-entitajiet konċernati u wara ssir t-tiswija meħtieġa.

Tiżjin mas-siġar

Question

Ladarba t-tiżjin permezz ta' sistema tad-dawl li hemm mas-siġar li qegħdin max-xatt ta' Tas-Sliema sa San Ġiljan jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tal-Ministru, kif qed ikun suġġerit permezz tar-risposta għal mistoqsija parlamentari 782, jista' l-Ministru jara li jsir l-istess tiżjin f'xatt San Pawl il-Baħar sa Buġibba sabiex f'dawn iż-żewġ lokalitajiet turistiċi jkun hemm l-istess tiżjin?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma l-Onor. Membru li hemm il-ħsieb li d-dwal mas-siġar ikompli jinfirex ftit ftit, anke jekk mhux neċessarjament bl-istess mod, f’lokalitajiet oħra inklużi x-xatt ta’ San Pawl il-Baħar u Buġibba.

Riżorsi u Affarijiet Rurali — Vetturi Mikrija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' karozzi/vetturi mikrija fil-mument għall-użu tal-ħteġijiet tal-ministeri, dipartimenti, entitajiet u korporazzjonijiet li jaqgħu taħtu? Kemm hija ċ-ċifra ta' flus globali li titħallas kull xahar għal dawn il-karozzi/vetturi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li n-numru ta’ karozzi/vetturi inklużi dawk kummerċjali, mikrija mill-ministeru, dipartimenti, entitajiet u korporazzjonijiet hu ta’ 73 filwaqt li l-ispiża fix-xahar hi ta’ €62,029.38.