Legislature:
Category:
Reset
Active:

Enemalta — Credit Cards

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 21658 fejn il-Ministru ġie mistoqsi dettalji rigward infiq fuq credit cards tal-Korporazzjoni Enemalta, jista' l-Ministru: a) jikkonferma jekk huwiex minnu li ċ-Chief Officers tal-Korporazzjoni Enemalta ntalbu sabiex jirritornaw il- credit cards lura u wara ftit żmien dawn l-istess credit cards reġgħu ingħataw lura liċ-Chief Officers wara li dawn protestaw; b) jispjega jekk dawn iċ-Chief Officers humiex intitolati għal dawn il-credit cards u kemm huwa l-limitu li jistgħu jonfqu fuqhom; ċ) jgħid min bħalissa għandu credit card tal-kumpanija u huwa awtorizzat jagħmel użu minnha; d) fir-risposta tal-mistoqsija parlamentari 21658 il-Ministru pprezenta rapport dettaljat tal-infiq li sar b'dawn il-credit cards sal-aħħar tas-sena 2009, jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra din l-istess informazzjoni għas-sena 2010 wkoll?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l- credit cards kienu nġabru peress li dawn kienu estenzjoni tal- credit cards taċ- Chairman , u nbidlu biex ikunu taċ- Chief Officer rispettivi, b’tali mod li kull Chief ikun responsabbli għall-infiq tal- credit cards tiegħu. Sadanittant qed tiġi riveduta l- policy tal-Korporazzjoni għall-użu tal- credit cards . Il-limitu tal- credit cards attwalment huwa ta’ €5,000. Iċ- Chairman , il-Kap Eżekuttiv u ċ- Chief Financial Officer attwalment għandhom użu tal- credit card . L-informazzjoni għall-infiq mill- credit cards għas-sena 2010 qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għal kemm kienu jammontaw il-kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali li tħallsu minn residenti f’Malta u f’Għawdex b’mod separat kull sena mill-2006 sal-lum?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 23041.

Konsum tal-elettriku fit-toroq pubbliċi

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22476, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien il-konsum tal-elettriku f’Għawdex kull sena mill-2000 sal-lum? Jista’ jagħti t-tagħrif mitlub separatament għall-oqsma industrijali, kummerċjali, domestiċi u dwal fit-toroq pubbliċi?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.

valur miżjud gross — prezzijiet bażiċi

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22475, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien il-valur miżjud gross fi prezzijiet bażiċi kull sena mill-2003 sal-2009 f’Malta u f’Għawdex b’mod separat tal-attivitajiet (i) finanzjarji, (ii) ta’ proprjetà immobbli, (iii) ta’ kiri u (iv) ta’ negozju?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-footnote li tinsab fit-tabella li tpoġġit fuq il-Mejda tal-Karmra għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 22475.

Income tax

Question

Jista' l-Ministru jara li impjegati tat-taxxi interni jibagħtu ir-return tal-income tax ta' anzjana, li dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li wara li l- kummissarju bagħat return u ma kenitx korretta, talbet li tintbagħtilha formola tal-income tax li ħafna nies diġà irċevew?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li uffiċjali tad-dipartiment diġa’ kkuntattjaw lill-persuna indikata. Minbarra li kellmuha, se tintbagħtilha spjega u dettalji bil-miktub. Nigbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant biex għal mistoqsijiet bħal dawn kemm jista’ jkun jagħmel użu mill-mezzi u għajnuniet normali li joffri d-dipartiment tat-taxxi interni, bħat-Taxpayer Service tad-Dipartiment.

Ftehim bejn Palumbo u l-gvern

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-ftehim li sar bejn il-gvern u l-Palumbo (ex-dockyard) Bormla?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi dan il-ftehim diġà ġie mqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra u ġie sottomess għad-diskussjoni mill-istess Kamra tar-Rappreżentanti.

Persuni li jħallsu xi forma tat-taxxa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li għalqu 16-il sena imma ma qabżux it-18-il sena li qed iħallsu xi forma ta' taxxa?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi hemm 1,056 persuna li għalqu 16-il sena imma ma qabżux it-18-il sena li qed iħallsu xi forma ta' taxxa.

Programm ta' ristrutturar tal-Air Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien miftehem il-ħlas lill-esperti mqabbda biex jagħmlu l-programm ta' ristrutturar tal-Air Malta? Jekk kien hemm bidla fil-ħlasijiet miftehma jista' jiġġustifika u jgħid x'kienu r-raġunijiet għal dan?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni hija kummerċjalment sensitiva u għaldaqstant ma tistax tingħata.

Enemalta — Special Purpose Vehicle

Question

Peress li l-Gvern għandu l-ħsieb li jikkostitwixxi Special Purpose Vehicle biex jirristruttura d-dejn tal-Korporazzjoni Enemalta, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-att ta' kostituzzjoni ta' din l-entità, kif ukoll jindika x'tip ta' securitisation jew garanziji oħra din l-entità pubblika se tagħti għal dan il-għan?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba se tingħata f’seduta oħra.

Ex-impjegati tal-Air Malta — użu tal-karozza tal-kumpanija

Question

Jista' Ministru jgħid min minn dawk l-impjegati tal-Air Malta li spiċċaw mill-impjieg tagħhom, jew permezz ta' early retirement scheme jew xi skema oħra, jew irtiraw mod ieħor, għadhom jużaw il-karozzi jew mikrija mill-kumpanija jew tal-kumpanija? Kemm qed jiswew dawn il-vetturi lill-kumpanija fix-xahar? Kemm ilhom jintużaw b'dan il-mod?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-ebda impjegat tal-Air Malta li spiċċa mill impjieġ permezz ta’ early retirement scheme, xi skema ohra, jew irtirar b’mod ieħor, qed juża xi karozza mikrija mill-kumpaija jew tal-kumpanija.

Enemalta — Xiri ta' petrol u diesel

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 23166, 23029 u 22560 u jgħid matul is-sena 2010, l-Korporazzjoni Enemalta kemm-il darba xtrat petrol u diesel? X'kienu l-kwantitajiet u l-prezzijiet li bihom xtrat il- petrol u d- diesel l-Korporazzjoni Enemalta fix-xirjiet li għamlet tul is-sena 2010? X'metodu użat il-Korporazzjoni Enemalta meta ddeċidiet li tixtri l-kwantitajiet ta' petrol u diesel li xtrat tul is-sena 2010? Jekk xtrat wara li ħarġet is-sejħa għall-offerti tul is-sena 2010, x'offerti oħra rċeviet l-Enemalta kull darba li xtrat il-petrol u d-diesel tul is-sena 2010? Xi prezzijiet ħallset l-Enemalta għall-ġarr bil-vapuri tal-kwantitajiet ta' petrol u diesel li xtrat l-Enemalta tul is-sena 2010? Xi qligħ għamlet l-Enemalta fuq kull litru ta' petrol u diesel li biegħet l-Enemalta tul is-sena 2010 minn dak li xtrat fl-istess sena? X'VAT intuzat fuq il-bejgħ ta' kull litru petrol u diesel tul is-sena 2010 mixtri fl-istess sena 2010 mill-Enemalta? X'inhu l-qligħ li jsir mill-pompi tal-petrol fuq kull litru ta' petrol u diesel mibjugħ tul is-sena 2010?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f'seduta oħra.

Xiri ta' fuel mill-Korporazzjoni Enemalta

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 23167, 23030 u 22561 u jgħid x'kienu l-prezzijiet li bihom il-konsumaturi xtraw kull litru ta' petrol u diesel tul is-sena 2010? Matul is-sena 2010 l-Korporazzjoni Enemalta użat l-għodda tal- hedging fix-xiri tal- petrol u diesel biex iżżomm stabbli ċ-ċaqliqiet fil-prezzijiet għall-konsumatur? Jekk iva, kif sar u meta sar il- hedging ? Matul is-sena 2010 l-Enemalta għamlet arranġamenti ta' hedging tal-prezz tad-Dollaru Amerikan mal-Euro biex b'hekk iżżomm stabbli għall-konsumatur iċ-ċaqliqiet li kien hemm bejn iż-żewġ muniti? Jekk iva, kif sar dan il-hedging? L-Enemalta għandha kumitat biex jixtri l-fuel? Jekk iva, min huma l-membri tal-kumitat? X'inhu s-sehem tagħhom fix-xiri tal-fuel tal-Enemalta? Jekk qed isir hedging, min jagħmlu, fuq liema bażi u min qed jieħu d-deċiżjonijiet dwar kif isir? Jekk m'hemmx kumitat apposta biex jixtri l-fuel għall-Enemalta, kemm għall-ġenerazzjoni tad-dawl kif ukoll biex imur għand il-konsumaturi, min kienu l-persuni awtorizzati biex jixtru dan il-fuel għall-Enemalta tul is-sena 2010?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f'seduta oħra.

Diviżjoni tal-Proprjetà — kuntratti u ftehim

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 23169 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Famlija u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid (apparti dawk ir-residenti li l-Gvern kien daħal fi ftehim magħhom fl-1999 u li s'issa dan il-ftehim għadu ma ġiex konkluż min-naħa tal-gvern) min huma dawk l-entitajiet, sew jekk huma governattivi kif ukoll mhux governattivi, li d-Diviżjoni tal-Proprjetà tal-Gvern daħlet jew se tidħol f'kuntratt magħhom dwar kiri ta' postijiet pubbliċi tal-gvern li hemm f'Tignè Point, Sliema? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamta kopja dettaljata tal-kuntratti li saru s'issa mal-entitajiet rispettivi?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 23168.

Marsa — esproprjazzjoni ta' art

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għall-esproprjazzjoni ta' art fil-Marsa li ġiet meħuda mill-gvern fit-2 ta' Diċembru 2010 skont avviz numru 1203 tal-Gazzetta tal-Gvern?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-espropriju ta’ l-art fil-Marsa li deher fil-Gazzetta tal-Gvern permezz ta’ Avviż Nru. 1203 tat-2 ta’ Diċembru 2010, sar biex ikun jista’ jinbena underpass għall-vetturi minn Triq Diċembru 13 għall-Menqa, il-Marsa, fuq talba li saret minn “Network Infrastructure Directorate” fi ħdan l-Awtorità dwar it-Trasport, issa Transport Malta, fit-3 ta’ Novembru 2009.

kuntratti ta' Public Private Partnerships

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 21100 u jagħti lista ta' kuntratti ta' Public Private Partnerships li qegħdin fis-seħħ partikolarment f'għoti ta' servizzi? Jista' jgħid kemm hu twil it-terminu ta' dawn il-kuntratti, id-data tal-iskadenza u l-metodi użati sabiex ikunu reklamati t-tiġdid jew l-għoti mill-ġdid ta' dawn il-kuntratti? Jista' jgħid min huma l-kuntratturi li jħaddmu dawn il-kuntratti u l-valur tagħhom?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment iffirmat kuntratt ta' public private partnership mal-Environmental Landscapes Consortium fil-31 ta' Ottubru 2002. Dan il-kuntratt kien twil ħames snin u ġie mġedded fl-2007. Dan il-Konsorzju għandu l-obbligu li jsebbaħ ġonna pubblici u roundabouts fit-toroq. Fir-rigward ta' public private partnership agreements oħra, nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi d-domanda tiegħu lill-Ministru responsabbli mis-Saħħa u l-Kura ta' l-Anzjani.

Selmun Palace Hotel — lukanda

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju ta' proċess wasal il-bejgħ tas-Selmun Palace Hotel u għal liema prezz se tinbiegħ din il-lukanda? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk il-fondi li jistgħu jidħlu minn dan il-bejgħ hux se jmur għall-gvern jew inkella għall-Air Malta?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f'seduta oħra.

Valur tal-esportazzoni ta' affarijiet ta' merċa

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 23156 u jgħid kemm kien il-valur tal-esportazzjoni minn Għawdex u minn Malta separatament ta’ affarijiet ta’ merċa (goods) xahar b'xahar mill-ewwel ta’ Settembru 2010 sal-aħħar ta’ Diċembru 2010 maqsumin skont l-areas ġeografiċi ewlenin u skont il-prodotti esportati?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.

benefiċċji tal-biljetti tal-ajru

Question

B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 23342, u peress li l-Ministru ma jridx jagħti informazzjoni lil din il-Kamra bl-iskuża tal-informazzjoni kummerċjalment sensittiva, jista’ l-Ministru jiċħad jew jikkonferma dak li deher fl-artiklu msemmi?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi huwa minnu li sa mill-bidu tal-eżistenza tal-kumpanija, il-linja tal-ajru kellha politika ta' biljetti b'xejn jew bl-irħis skont il-każ. Bħala parti mill-proċess ta' ristrutturazzjoni, il-Pjan ta' Ristrutturar se jħares lejn il-lista ta' persuni li huma eliġibbli għal-biljetti b'xejn jew bl-irħis u jieħu d-deċizjonijiet meħtieġa skont il-bżonn.

żieda tas-service charge fuq il-fabbriki

Question

Jista' l-Ministru, b'referenza għar-rapporti li ġew diskussi fil-media lokali, jikkonferma jekk is-service charge imposta fuq il-fabbriki hijiex se togħla minn 42c kull metru kwadru għal €7? Jista' jispjega x'wassal għal din iż-żieda u jgħid jekk iħossx li tali żieda hija waħda esaġerata? Jista' jgħid jekk jafx li tali żieda se xxekkel il-kompetittività tal-industrija lokali?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni qed tinġabar u se tingħata f'seduta oħra.

Xiri ta' żejt

Question

Jista' l-Ministru jgħid fis-snin 2009 - 2010 minn fejn inxtara iż-żejt apparti mill-kumpanija Totsa tat-Total, u b'kemm-il MT u valur f'US $?

Response (FENECH, TONIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jikklarifika għal liema tip ta’ żejt qed jirreferi.