Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħal Tarxien – Skola medja – lockers mhux aċċessibbli

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li minħabba fiha, il-lockers fl-Iskola Medja ta' Ħal Tarxien mhumiex aċċessibbli għall-istudenti?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Skola ta’ Sannat – pixxina terapewtika

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jibda l-proġett ta' pixxina terapewtika ġewwa l-Ispecial Unit fl-Iskola Ta' Sannat? Jista' jgħid ukoll jekk inħariġx tender u jekk iva lil min ingħata? Jista’ jgħid x'sar f'din l-aħħar sena rigward dan il-proġett u kemm intefqu flus f'din l-aħħar sena fuq dan il-proġett?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi d-domanda lill-Ministru kkonċernat.

Baġit 2022 – għajnuna lit-tfal vulnerabbli

Question

B'referenza għad-Diskors tal-Baġit 2022, speċifikament fis-sezzjoni bl-isem “Għajnuna lit-tfal vulnerabbli”, jista' l-Ministru jgħid kemm kienet effettivament in-nefqa s’issa, u kemm hu ppjanat li jkun hemm aktar infiq matul l-2022 għal dan l-iskop? Liema skejjel ibbenefikaw jew hu ppjanat li jibbenefikaw minn din l-iskema? Kemm hu l-valur li ntalab minn kull skola u għal liema affarijiet (bħal ikel jew riżorsi bażiċi) intalab?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-nefqa marbuta ma' skema 9 matul din is-sena kienet ta' €423,457, filwaqt li l-investiment għas-sena 2023 huwa ta' €800,000. Apparti dan, il-kapijiet ta' kull skola se jingħataw €10,000 fis-sena (b'total ta' €1 miljun) biex jiżguraw li t-tfal ma jkun jonqoshom affarjiet bażiċi fosthom ikel u riżorsi. L-investiment totali għal 2023 jammonta għal €1.8 miljun.

Qawra – skola primarja – applikazzjonijiet mal-Awtorità tal-Ippjanar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet mal-Awtorità tal-Ippjanar li jikkonċernaw l-iskola primarja tal-Qawra? Min kien/u l-perit/periti li ssottomettew kull applikazzjoni u taħt liema entità/dipartiment eċċ. għamlu dan? Għal kull applikazzjoni, jista’ jgħid meta ġiet sottomessa, meta ġiet approvata u meta ħareġ il-compliance certificate? X'kienet ir-raġuni għal tibdil fil-perit bejn applikazzjoni u oħra?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Statementing Moderating Panel – lista ta’ stennija għal LSA

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm tfal jew żgħażagħ li qed jistennew li jidhru quddiem l-iStatementing Moderating Panel sabiex ikun determinat jekk dawn ikollhomx bżonn Learning Support Assistant? Għal kull sena ta’ skola kemm huma dawk it-tfal li qegħdin fuq din il-waiting list? X’inhi r-raġuni li għaliha qed ikun hemm daqstant tfal jistennew li jidhru quddiem dan il-bord u x’qed isir biex dan id-dewmien jinqata’?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-sena 2021 kien hemm 722 talba għal Statementing Report u b’kollox ġew statemented 686. Filwaqt li matul l-2022, s’issa kien hemm 834 talba u li minnhom ġew statemented 602.

Special Olympics – għajnuna speċifika

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema għajnuna speċifika, inkluż dik finanzjarja, jew inċentiva tingħata lil dawk l-isportivi Għawdxin b'diżabilità (jew lill-ġenituri tagħhom) li jkunu qegħdin jippreparaw biex jieħdu sehem fl-iSpecial Olympics?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Università ta’ Malta – Fakultajiet, istitut u ċentri – letturi full-time u part-time

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm letturi full-time u part-time, kemm visiting kif ukoll b’loads T u TR f’kull dipartiment ta’ kull fakultà, istitut u ċentru ġewwa l-Università ta’ Malta?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Università ta’ Malta – studenti f’kull kors

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm studenti għal kull sena ta’ kull kors eżistenti ġewwa l-Università ta’ Malta?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Klabb tal-futbol — ground

Question

Peress li fl-2013 SportMalta kienet tat lill-klabb Swieqi United FC l-użu tal-grawnd tal-futbol f’Santa Clara School għal 17-il sena u peress li l-klabb tal-futbol kiber bil-kbir matul l-aħħar snin u dak il-grawnd tal-futbol m'għadux kbir biżżejjed u għalhekk qed ikollhom jitħarrġu fil-grawnds tal-futbol li ġejjin: Ħamrun Spartans FC, Junior College, Pembroke Athleta, Sirens FC, San Ġużepp f’Santa Venera, u oħrajn, jista’ l-Ministru jispjega jekk: a. hemmx xi pjanijiet fis-seħħ biex il-grawnd tal-futbol attwali f'Santa Klara jiġi estiż, biex ikun jista' jakkomoda l-bżonnijiet ta' dan il-Futbol Klabb li qed jikber; b. jekk hemmx xi pjanijiet fis-seħħ biex tiġi lokalizzata żona oħra fil-viċinanzi tal-lokalità tal-klabb, li se tipprovdi lil dan il-Futbol Klabb b'faċilitajiet ta' taħriġ permanenti; ċ. jekk il-klabb tal-futbol inżammx/qed jinżamm infurmat b’xi diskussjonijiet relatati ma’ dan ta’ hawn fuq?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Komunità tas-Sajd bil-qasba u l-Isport – post xieraq

Question

Peress li l-Komunità tas-Sajd bil-Qasba u l-isport qed tiffaċċja kontinwament diffikultajiet biex isibu postijiet xierqa fejn jipprattikaw id-delizzju tagħhom u jorganizzaw kompetizzjonijiet tas-sajd sportivi u peress li dawn l-avvenimenti u dan l-isport għandhom ukoll il-potenzjal li jattiraw barranin lejn gżiritna, jista’ l-Ministru jispjega jekk: a. hemmx xi pjanijiet biex tinstab żona permanenti fejn din il-komunità tista' tipprattika l-passatemp tagħha u torganizza l-kompetizzjonijiet tagħhom? Jekk iva, għal kemm aktar iridu jistennew? b. jekk m'hemmx pjanijiet biex tinstab żona permanenti, hemm pjanijiet biex jinstabu żoni magħżula, fejn din il-komunità titħalla tipprattika l-passatemp tagħha u torganizza l-avvenimenti tagħha, mingħajr ma jkollha tiffaċċja diffikultajiet kontinwi biex jinkisbu l-permessi meħtieġa? Jekk iva, għal kemm aktar iridu jistennew? Jekk bħalissa m'hemmx pjanijiet biex din il-komunità sportiva tiġi megħjuna, jista' jispjega r-raġuni għaliex il-Ministru ma pprovax isib soluzzjoni għall-problema tagħhom?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fejn għandhom x’jaqsmu faċilitajiet u spazji sportivi, Sport Malta jiddiskutu ma’ assoċjazzjonijiet sportivi li jkunu qed jirrapreżentaw xi sport partikulari. Jekk issir talba dwar spazzju pubbliku biex dan jintuża għal skopijiet sportivi, jiskatta l-proċess mal-awtoritajiet konċernati sabiex eventwalment il-ftehim li jkun qed jiġi propost jitressaq quddiem il-Parlament għal approvazzjoni.

American University of Malta – Audit Report

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3098, jista’ l-Ministru jispjega fejn wieħed jista' jsib l-audit report dwar l-evalwazzjoni li saret lill-American University of Malta (AUM) fil-website tal-MFHEA? Jidher li l-unika rapport li hemm ippubblikat huwa dak tal-2021 u mhux dak l-aktar riċenti.

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-aħħar audit ġie konkluż f’Ottubru tas-sena 2021 hekk kif titlob il-leġiżlazzjoni sussidjajra b’hekk ir-rapport pubblikat hu l-aktar wieħed riċenti.

Kummissjoni Ewropea – country report dwar l-andament soċjo-ekonomiku ta’ Malta

Question

Peress li f'Ġunju li għadda l-Kummissjoni Ewropea ħarġet il-country report dwar l-andament soċjoekonomiku ta' Malta, fejn fih qalet li jinħass nuqqas kbir ta’ ħaddiema f' Malta u l-ispariġġ fil-ħiliet huma sinifikanti fis-setturi kollha, għaldaqstant jista’ l-Ministru jindika x’miżuri ser jittieħdu sabiex dan jiġi indirizzat ?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi d-domanda lill-Ministru kkonċernat.

Siġġiewi – sala tal-Iskola Primarja

Question

Peress li kien hemm bosta lmenti mingħand ġenituri ta’ studenti u edukaturi fi ħdan l-Iskola Primarja tas-Siġġiewi għall-fatt li s-sala prinċipali qed tintuża bħala store għal tagħmir mediku, jista' l-Ministru jgħid meta s-sala tal-Iskola Primarja tas-Siġġiewi se tkun tista’ terġa’ tibda tintuża b’mod regolari għall-attivitajiet edukattivi u soċjali kemm mill-Edukaturi kif ukoll mill-istudenti?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa għaddejja ħidma intensiva biex is-swali tal-iskejjel, inkluż dik msemmija, jitbattlu kollha.

Skejjel Primarji ta’ Wied il-Għajn – studenti reġistrati f’din is-sena akkademika

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm studenti reġistrati f’din is-sena akkademika fl-iskejjel primarji ta’ Wied il-Għajn u dan komplessivament u sena b’sena?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab hawn taħt; St Thomas More CollegeK1K2Y1Y2Y3Y4Y5Y6Total · Marsaskala Primary (St Anne) 4788746669655658523 · Marsaskala Primary (St Joachim) 7454575859373852429 Total ta’ studenti12114213112412810294110952

Skejjel Primarji taż-Żejtun – studenti reġistrati f’din is-sena akkademika

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm studenti reġistrati f’din is-sena akkademika fl-iskejjel primarji taż-Żejtun u dan komplessivament u sena b’sena?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab hawn taħt; St Thomas More College K1 K2 Y1 Y2 Y3 Y4 Y5 Y6 Total ·Żejtun Primary A 109 103 100 63 85 460 ·Zejtun Primary B 92 81 73 246 Total ta’ studenti 109 103 100 63 85 92 81 73 706

Skejjel Primarji ta’ Ħal Għaxaq – studenti reġistrati f’din is-sena akkademika

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm studenti reġistrati f’din is-sena akkademika fl-iskejjel primarji ta’ Ħal Għaxaq u dan komplessivament u sena b’sena?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab hawn taħt; St Benedict College K1 K2 Y1 Y2 Y3 Y4 Y5 Y6 Grand Total ·Għaxaq Primary 50 54 46 54 46 33 46 34 363

Skejjel Primarji ta’ Marsaxlokk – student reġistrati f’din is-sena akkademika

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm studenti reġistrati f’din is-sena akkademika fl-iskejjel primarji ta’ Marsaxlokk u dan komplessivament u sena b’sena?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab hawn taħt; St Thomas More CollegeK1K2Y1Y2Y3Y4Y5Y6Grand Total Marsaxlokk Primary3630181615352420194

Miżura ta’ €300 lill-ġenituri li jibagħtu lil uliedhom għall-attivitajiet sportivi, artistiċi jew kulturali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-miżura ta’ €300 fis-sena għall-ġenituri li jibagħtu lil uliedhom għal attivitajiet sportivi, artistiċi jew kulturali hix se tkun għal kull wild?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Ħal Far – Ċentru Nazzjonali tal-Motorsport – target completion date

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi t-target completion date tal-proġett għall-bini ta’ Ċentru Nazzjonali tal-Motorsport f’Ħal Far?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-proġett mistenni jkun lest f’din il-leġiżlatura.