F'każ li dan il-ftehim proviżorju għadu effettiv, jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jispjega għalfejn l-Italja qed tiċħad id-dritt ta' Malta fuq il-Medina Bank li tinsab ġeografikament iżjed 'l isfel mil-linja proviżorja bejn Malta u l-Italja?
Response (BORG, TONIO)
L-Italja għandha pretensjonijiet fuq din iż-żona li ma ġewx aċċettati minn Malta, tant li ħarġu konċessjonijiet min-naħa tal-Gvern Malti fuq l-istess żona. Dwar għaliex saret din il-pretenzjoni, din hija kwistjoni li jafu l-awtoritajiet Taljani.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijeit Barranin jgħid x'inhi r-raġuni li s-sitt siġġu ta' Malta għadu ma ġiex mistieden bħala Membru Parlamentari Ewropew osservatur mill-Parlament Ewropew u dan minkejja li seta' jsir dan wara li l-Istati Membri iffirmaw u addotaw il-protokol 36 permezz ta' IGC fil-COREPER li saret fit-23 ta' Ġunju 2010? Peress li għaddew ħames xhur minn meta dan seta' jsir, jista' l-Ministru jgħid x'għamel il-Gvern Malti biex dan id-dritt ta' Malta ma jibqax jiġi mċaħħad lilna mill-Parlament Ewropew?
Response (BORG, TONIO)
Il-kwistjoni tal-Osservaturi tal-Parlament Ewropew hija indirizzata fir-Regoli ta' Proċedura tal-istess Parlament, speċifikament f'Paragrafu 1 u 4 ta' Artiklu 11. Paragrafu 4 jirreferi espliċitament għall-proċedura mwaqqfa f'Paragrafu1, li tapplika mutatis mutandis. Skont din ir-regola, id-deċiżjoni li jiġu mistiedna l-Osservaturi Parlamentari Ewropej hija prerogattiva tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Parlament. Huwa biss wara li jintlaħaq dan il-ftehim mill-Konferenza tal-Presidenti li l-President tal-Parlament Ewropew jista' jipproċedi bi stedina formali għall-Osservaturi.
Infakkar li dan il-gvern sa mill-bidu nett stinka biex Malta jkollha sitt Membri Parlamentari minflok ħamsa, liema ħidma tkompliet tissaħħaħ meta Malta kienet l-ewwel pajjiż li rratifikat il-Protokoll 36. Dan il-Protokoll jipprovdi sabiex pajjiżna jkollu s-sitt siġġu fil-Parlament Ewropew.
Ministeru tal-Affarijiet Barranin — xogħlijiet fid-dipartimenti u uffiċċji
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm saru xogħlijiet f'kull dipartiment/uffiċċju li jaqa' taħt id-dekasteru tiegħu f'dawn l-aħħar sentejn biex dawn il-premises ikunu aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità?
Response (BORG, TONIO)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi matul dawn l-aħħar sentejn ma sarux xogħlijiet fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin jew dipartimenti/uffiċċji li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi f'dan ir-rigward.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm hi l-area f'kilometri kwadrati tal-blata kontinentali li l-gvern Malti jqis li hija ta' Malta?
Response (BORG, TONIO)
Il-pretenzjonijiet tal-Gvern Malti huma bażati fuq Government Notice 286 tal-2002.
Blata kontinentali ta' Malta — limiti ġeografiċi - punent ta' Malta
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jagħti l-koordinati tal-limiti ġeografiċi tal-pretenzjonijiet fuq il-blata kontinentali ta' Malta tal-Gvern Tuneżin u l-Gvern Taljan fil-punent ta' Malta?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant li jagħmel l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Blata kontinentali ta' Malta — latitudni u lonġitudni
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jagħti l-koordinati bħala latitudni u lonġitudni tal-punti li jidellimitaw il-blata kontinentali ta' Malta? Jista' jindika f'liema legal notice, regolamenti jew leġislazzjoni oħra ppubblikata jinsabu dawn il-koordinati tal-blata kontinentali ta' Malta?
Response (BORG, TONIO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 21960.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm ħarġu permessi għal long term residency permits lil ċittadini minn pajjiżi terzi taħt id-direttiva 109/2003 minn mindu Malta daħlet fl-Unjoni Ewropea sal-lum?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s'issa 481 persuna għandhom status ta' Resident fit-Tul li ngħata taħt il-provvedimenti ta' l-Avviż Legali numru 278 ta' 2006, liema avviż legali qed jimplimenta dawk il-provvedimenti tad-Direttiva tal-Unjoni Ewropea numru 2003/109.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid x'se tkun il-pozizzjoni ta' persuni ta' nazzjonalità barranija li ġejjin minn pajjiżi terzi (mhux Unjoni Ewropea jew EEA) illi joqogħdu Malta, jħallsu t-taxxi u l-bolol b'mod regolari u għamlu iktar minn ħames snin miżżewġin ma' persuna Maltija qabel ma sseparaw f'xi żmien wara l-ħames snin ta' żwieġ mill-1 ta' Jannar, 2011 'il quddiem?
Response (BORG, TONIO)
B'riferenza għall-mistoqsija numru 21805, infakkar lill-Onorevoli Interpellant li skont l-emendi li saru għal-Liġi taċ-Ċittadinanza fl-10 ta' Frar 2000 u l-għadhom fis-seħħ, l-mara jew ir-raġel ta' ċittadin ta' Malta tista' tapplika sabiex tiġi reġistrata bħala ċittadin Malti, anke jekk separata, sakemm il-koppja jkunu għexu flimkien għal ħames snin wara ż-żwieġ u għandha dritt tiġi reġistrata sakemm l-għoti taċ-ċittadinanza Maltija ma jmurx kontra l-interess pubbliku.
Inżid ngħid li ma narax relevanza tad-data msemmija mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid f'liema stadju wasal it-trattat dwar it-taxxa doppja mar-Russja?
Response (BORG, TONIO)
Din il-materja taqa' taħt il-Ministeru tal-Finanzi, Ekonomija u Investiment.
Ngħid però li f'Novembru 2009 f'laqgħa li kelli mal-Ministru Russu tal-Affarijiet Barranin Sergei Lavrov ġie diskuss dan is-suġġett. Fil-ġimgħat li ġejjin delegazzjoni Russa għandha tiġi Malta biex tiltaqa' ma' uffiċjali Maltin mill-Ministeru tal-Finanzi dwar dan it-trattat.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jara jekk hemmx proċeduri pendenti biex il-persuna, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, li preżentament tinsab fil-ħabs ta' Messina, Sqallija, u li mill-Appell illum ġew maħfura lilu għaxar snin ħabs, li jinġieb lura Malta biex ikompli jiskonta l-piena fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin u dan b'rispett lejn it-trattati li hemm viġenti bejn Malta u l-Italja?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-korrispondenza dwar talba għat-trasferiment tal-persuna indikata taħt il-Konvenzjoni Ewropea għat-Trasferiment ta' Persuni Ikkundannati, li l-Ministeru tiegħi irċieva mill-Ministeru tal-Gustizzja, Dipartiment Amministrazzjoni Penitenzjara, Direzzjoni Distrettwali, Ragusa f'Gunju 2008, intbagħatet lill-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern, Malta li taħtu taqa' din il-materja.
.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jwieġeb mistoqsija parlamentari 20935 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid x'inhi r-raġuni li ordni ta' tkeċċija li nħarġet darbtejn kontra l-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, u li kellhom jiġu esegwiti waħda fil-15 ta' Ġunju 2010 u l-oħra fl-15 ta' Ottubru 2010 ma ġewx esegwiti?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minħabba li l-persuna konċernata għandha proċeduri kriminali kontriha, hi ngħatalha permess mid-Dipartiment taċ-Ċittadinanza u ta' l-Expatriates sabiex toqgħod Malta sal-20 ta' Jannar 2011.
Barra minn hekk, dan id-dipartiment hu infurmat li din il-persuna applikat għall-protezzjoni internazzjonali u sakem il-proċess jiġi terminat, hi ma tistax titkeċċa minn Malta. Ninforma wkoll li ordinijiet ta' tkeċċija jinħarġu u jiġu esegwiti mill-Uffiċjal Prinċipali tal-Immigrazzjoni ċioe l-Kummissrju tal-Pulizija.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jagħti tagħrif dwar jekk hemmx xi scholarship partikolari pprovduti minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea għal żgħażagħ Maltin li jkunu jridu jistudjaw xi qasam partikolari li preżentament mhux offrut fl-Università ta' Malta? Jekk iva, f'liema oqsma huma offruti dawn l-ischolarships?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li boroż ta' studju jiġu offruti minn pajjiżi fl-Unjoni Ewropea f'livell post graduate f'dixxiplini mhux offruti fl-Università ta' Malta. L-applikant jindika il-qasam li jrid jispeċċjaliżża fih u wara issirlu intervista mill-ambaxxata tal-pajjiż konċernat biex issir l-għażla.
Jista' l-Viċi Prim Munistru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jagħti tagħrif dwar in-numru ta' Maltin/barranin li studjaw u gradwaw fil-MEDAC matul dawn l-aħħar ħames snin? X'tip ta' kwalifiki akkwistaw dawk li ggradwaw minn din l-istituzzjoni?
Response (BORG, TONIO)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li f'dawn l-aħħar ħames snin il-Ministeru tiegħi sponsorja erba' studenti Maltin biex jistudjaw fil-MEDAC u tlieta ggradwaw Master fid-Diplomazija (M.Dip). Ir-raba student għadu qiegħed jistudja.
In-numru ta' studenti Maltin u barranin li ggradwaw f'dawn l-aħħar ħames snin hu ta' 162 fil-Masters u 56 Diploma.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jagħti tagħrif dwar jekk bħalissa hemmx ċittadini Maltin (li bihom jaf il-Ministeru) li qegħdin jiskontaw sentenza ta' ħabs barra minn Malta? Fil-każ affermattiv, jista' jagħti tagħrif dwar f'liema pajjiżi jinsabu l-Maltin li qegħdin f'dawn iċ-ċirkostanzi? Jista' jgħid jekk il-Ministeru jikkunsidrax (jew ġiex ikkunsidrat diġà) il-possibilità li dawn il-Maltin jinġiebu Malta biex jiskuntaw is-sentenza tagħhom, fejn dan hu possibli (ukoll bil-liġijiet ta' fejn dawn il-Maltin jinsabu bħalissa)?
Response (BORG, TONIO)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hemm sitta u erbgħin persuna ta' nazzjonalita' Maltija li jinsabu jiskontaw sentenza ta' ħabs, jew jistennew proċeduri kriminali kontra tagħhom barra minn Malta.
Dawn jinsabu f'dawn il-pajjiżi li ġejjin:
Awstralja 21*
Emirati Għarab Maqgħuda 1
Italja 8
Kanada 1
Olanda 1
Renju Unit 3
Spanja 3
Stati Uniti 1
Tajlandja 1
Tuneżija 4
Brażil 2
*Il-Maltin li jinsabu jiskontaw il-piena jew qegħdin taħt arrest huma kollha residenti l-Awstralja.
Ma saru l-ebda talbiet jew ġew ikkunsidrati possibilitajiet li dawn il-Maltin jinġiebu Malta biex jiskuntaw is-sentenza tagħhom.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jagħti lista ta' kuntratti mogħtija bejn is-sena 2000 u llum, sena b'sena, lill-kumpaniji Where's Everybody?, WE Events u WE Marketing & PR Services? Jista' jgħid fiex kien jikkonsisti kull kuntratt, minn min ingħata u jekk ingħatax wara sejħa għall-offerti jew b'direct order? Jista' jgħid x'kien il-ħlas mogħti għal kull kuntratt?
Response (BORG, TONIO)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
B'rispett għad-deċiżjoni tal-Istati Uniti fir-rapport Implementing recommendations of the 9/11 Commission Act of 2007 (http://
intelligence.senate.gov/laws/pl 11053.pdf), fejn kien deċiż li jinbdew negozjati mal-Istati Uniti individwalment jew mal-Unjoni Ewropea fuq memorandums of understanding (MoUs) mal-Istati Uniti; in vista tat-transfer tal-informazzjoni fuq passiġġieri (PNR) lill-Istati Uniti, jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jiċċara jekk:
a) jistax jippubblika l-memorandums of understadings li għamel il-Gvern Malti mal-Istati Uniti;
b) jistax jgħid jekk dan l-memorandum jinkludix trasferimenti ta' PNR data; u
ċ) hemm kategoriji ta' data mid-databases tal-Unjoni Ewropea (bħall-Prüm) li Malta tgħaddi lill-Istati Uniti skont dan l-memorandumof understanding?
Response (BORG, TONIO)
Filwaqt li nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern, ninfurmah li nhar il-21 ta' Settembru 2010, il-Kummissjoni Ewropea addottat pakkett ta' proposti dwar l-iskambju ta' data fuq il-PNR ma' pajjiżi terzi, li jinkludi strateġija u rakomandazzjonijiet għal negozzjati għal ftehim ġdid mal-Istati Uniti tal-Amerika, Awstralja u l-Kanada.
Il-kwistjoni tal-bidu ta' negozjati ma' dawn it-tlett pajjiżi kien fuq l-aġenda tal-Coreper tat-3 ta' Novembru 2010.
Ġnus Magħquda — MD Goals - rappreżentant għal Malta
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid min kien ir-rappreżentant tal-Gvern Malti li attenda għas-summit tal-kapijiet tal-istati tal-MD Goals li sar mill-Ġnus Magħquda matul l-20, 21 u 22 ta' Settembru 2010?
Response (BORG, TONIO)
Fis-Summit tal-kapijiet tal-Istati tal-Ġnus Magħquda li sar ġewwa New York bejn l-20 u t-22 ta' Settembru 2010, il-Gvern Malti kien rappreżentat mill-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin. Id-delegazzjoni Maltija għal dan is-Summit kienet tinkludi wkoll lir-Rappreżentant ta' Malta għall-Ġnus Magħquda fi New York.
Joints Expert Group — tħaffir ta' żejt bejn żewġ stati
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm drabi minn Marzu 2006 sal-lum iltaqa' l-Joints Expert Group maħtur minn Malta u t-Tuneżija biex jidentifika żoni fuq il-blata kontinentali bejn iż-żewġ stati biex ikun hemm tiftix u tħaffir għaż-żejt flimkien? Jista' jgħid jekk dan il-grupp ressaqx ir-rapporti li kellu jressaq dwar dawn iż-żoni? Jista' jgħid abbażi tax-xogħol ta' dan il-grupp ta' esperti x'tiftix u tħaffir komuni se jsir bejn iż-żewġ stati fil-blata kontinentali ta' bejniethom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li, l-Joint Experts Group, li jipparteċipa fih il-Ministeru tar-Riżorsi u Affarijiet Rurali, iltaqa' erba' darbiet bejn April u Lulju 2006.
Ninforma wkoll li l-materja ġiet trattata f'diskussjonijiet li kelli mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin Tuneżin f'Mejju tal-2007, f'Mejju tal-2009 u Ġunju tal-2010, it-tnejn tal-aħħar fil-qafas tal-Kummissjoni Mħallta bejn iż-żewġ pajjizi.
Ministeru tal-Affarijiet Barranin — flus globali għal hospitality
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jinformani kemm kienet in-nefqa f'ċifra ta' flus globali għal hospitality mill-Uffiċċju tal-Ministeru, dipartimenti u entitajiet fid-dekasteru li jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-Ministru għall-ewwel disa' xhur tas-sena 2010 rispettivament?
Response (BORG, TONIO)
Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 17098, nixtieq ninfurmah li ċ-ċifra globali ta' Hospitality li ntefqet mill-Head Office u mill-Ambaxxati ta' Malta f'pajjiżi barranin matul minn Mejju sa' Settembru 2010 tammonta għall-€43,369.