Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru tal-Intern u Affarijiet Parlamentari

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-entitajiet pubbliċi li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista' jgħid min huwa/hija ċ-chariperson, is-CEO, u d-diretturi f'kull entità? Jista' jgħid ir-remunerazzjoni u l-perks li għandhom f'kull każ u minn fejn topera kull entità?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-entità pubblika li tifforma parti mid-dekasteru ta' dan il-Ministeru hija l-Aġenzija għal Ħarsien ta' Persuni li jkunu qed ifittxu l-Ażil (AWAS) li hija mmexxija minn Direttur (Operations) u li jitħallas salarju ekwivalenti għal skala 4, allowance ta' €1,750 fis-sena, jutilizza karozza u mobile phone imħallsin mill-Aġenzija.

Għawdex — San Lawrenz Għawdex - Triq Ċangura - ilmenti fuq it-triq

Question

Peress li r-residenti ta' Triq Ċangura, San Lawrenz Għawdex qed jilmentaw mill-istat ħażin tat-triq, jista' l-Ministru jara li din it-triq issirilha l-manutenzjoni li hemm bżonn?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Lawrenz li t-triq li qed tirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant tinstab fi stat tajjeb ħafna tant li l-Kunsill Lokali ddeskrivieha bħala “waħda mill-aħjar toroq” fil-lokalità. Il-kunsill lokali hu konxju iżda li parti żgħira minn din it-triq qed iżomm xi ilma u għalhekk ħaseb biex jirrimedja s-sitwazzjoni u ġabar kwotazzjonijiet apposta sabiex jirranġa din il-parti tat-triq biex ma tibqax iżżomm dan l-ilma. Ninsab infurmat li l-offerta ingħatat lil Gatt Construction u x-xogħol mistenni li jinbeda fil-jiem li ġejjin.

Pulizija f'kull distrett — surġenti u kuntistabbli

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 31675 u r-risposta relattiva fejn saret riferenza għall-mistoqsija parlamentari oħra li ma tweġibx il-mistoqsija, peress li l-Ministru għadu ma weġibx il-mistoqsija originali, jista' l-Ministru jgħid kemm hemm surġenti u kuntistabbli tal-pulizija f'kull shift f'kull distrett?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Kif diġà kelli l-okkażjoni ngħid, in-numru ta' membri tal-Korp fid-Distretti tal-Pulizija jitqassmu skont it-topografija, demografija u l-ħtiġijiet oħra li l-Korp jikkonsidra minn żmien għal żmien.

Faċilità Korrettiva ta' Kordin — direttur

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm dam fil-kariga ta' aġent direttur tal-Faċilità Korrettiva ta' Kordin il-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament qabel inħatar direttur? Jista' jgħid għaliex?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-persuna li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant inħatret Aġent Direttur tal-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin fis-26 ta' Awwissu 2008, ftit wara r-riżenja ta' Direttur ta' dak iż-żmien. Effettivament, l-inkarigu ngħata lil din il-persuna li dak iż-żmien kien Spettur fil-Korp tal-Pulizija, għaliex kienet taġixxi bħala d-Deputy tad-Direttur f'dak il-perijodu. Iċ-ċirkostanzi ta' meta ngħatat din il-ħatra kienu karetterizzati minn Inkjesta Ministerjali ntiża biex titfa dawl fuq is-sitwzzjoni prevalenti fil-Faċilita' dak iż-żmien, u biex tagħmel kull rakkomandazzjoni meħtieġa sabiex problemi li setgħu jiġu identifikati jkunu ndirizzati. Fil-fatt il-Bord tal-Inkjesta għamel ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu f'Marzu tal-2009 u, immedjatament wara, dan il-Ministeru waqqaf Task Force biex jara li sa fejn hu prattikabbli dawn ir-rakkomandazjonijiet jiġu implimentati. Irriżulta li waħda mid-diversi materji li l-Bord kien irrakkomanda li tiġi ndirizzata kienet l-istruttura organizzattiva tal-Faċilita', spċejalment fejn jirrigwardja s-Senior Management. It-Task Force kien daħal f'dan l-aspett fid-dettal u fassal struttura bl-iskop li jkunu ndirizzati n-nuqqasijiet li kien ltaqa' magħhom il-Bord tal-Inkjesta. Naturalment dan il-proċess kollu kien kumpless min-natura tiegħu u ma setgħax jitlesta fi ftit xhur. Effettivament kien lejn nofs l-2010 li l-istruttura proposta bdiet tiġi konsolidata u allura l-Ministeru seta jkun gwidat minnha u jaħseb biex jimplimentaha. Kien proprju f'dak iż-żmien (Mejju tal-2010) li ngħata l-parir lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru biex jinbeda l-proċess stabbilit biex timtela l-vakanza fil-grad ta' Direttur tas-Servizzi Korrettivi. Infurmat li s-sejħa ħarġet f'Diċembru tal-2010 u li l-proċeduri tal-għażla tlestew u l-ħatra ngħatat b'effett mit-13 ta' Ġunju tal-2011. Kien għalhekk, li l-persuna li għamel referenza għaliha l-Onorevoli Interpellant damet isservi ta' Aġent Direttur sat-12 ta' Ġunju 2011.

Vot tal-kunsilli lokali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien il-vot tal-Kunsill Lokali tar-Rabat, Ħad-Dingli, Ħaż-Żebbuġ, l-Imġarr u l-Imtarfa matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

Pulizija mweġġa waqt il-qadi ta' dmirijiethom

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' pulizija li weġġgħu u/jew ġew aggrediti waqt il-qadi ta' dmirijiethom matul is-sena 2011? Jista' jinforma bl-istess informazzjoni għal dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Filwaqt li nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 22516, ninsab infurmat illi fl-2011 in-numru ta' membri tal-Korp tal-Pulizija li weġġħu waqt li kienu fuq xogħol kien ta' 49.

Serqiet minn residenzi privati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' serqiet minn residenzi privati rappurtati lill-Pulizija matul l-2011?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul l-2011 ġew rappurtati lill-Pulizija 952 serqiet minn djar privati. Minn dawn 218 kienu jikkonċernaw oġġetti misruq minn fuq barra tar-residenzi u 103 minn residenzi li ma kienux okkupati.

Reklutaġġ fil-korp tal-pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid hux se jsir reklutaġġ fil-Korp tal-Pulizija matul din is-sena? Jekk fl-affermattiv, meta hu ppjanat li jsir?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi r-reklutaġġ fil-Korp tal-Pulizija jsir meta l-esiġenzi tas-servizz ikunu hekk jirrikjedu wara li tkun ippublikata sejħa għall-applikazzjonijiet.

Mosta- minuti tal-kunsill lokali

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga u għaldaqstant ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-minuti tal-Kunill Lokali tal-Mosta li jindikaw meta saret il-konsultazzjoni pubblika rigward it-talba għal bidla fis-sistema ta' traffiku minn two-way għal one-way għat-toroq fl-inħawi ta' Triq il-Pont u Triq Baskal Buhagiar fil-Mosta? X'kien r-riżultat ta' din il-konsultazzjoni pubblika u meta saret d-diskussjoni u ġiet deċiża fil-laqgħat tal-Kunisll Lokali tal-Mosta l-proposti li Triq il-Pont, Triq Baskal Buhagiar u toroq fil-madwar isiru one-way?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi ma jirriżultax li saret konsultazzjoni pubblika dwar it-talba għal bidla fis-sistema tat-traffiku minn two way għal one way għat-toroq fl-inħawi ta' Triq il-Punt u Triq Baskal Buhagiar fil-Mosta. Infurmat ukoll illi dawn is-sinjali tpoġġew fit-toroq wara li saret konsultazzjoni ma’ Trasport Malta fejn uffiċjali ġew fuq il-post u saret spezzjoni kif ukoll kienet l-istess Trasport Malta li iddeċidiet liema sinjali għandhom jitwaħħlu . Kif appena irriżulta li xi residenti opponew għal din il-bidla mill-ewwel ittieħdet azzjoni (dan sar nhar l-Erbgħa 22 ta’ Frar 2012) u temporanjament ġew mgħottija l-istess tabelli. Infurmat ukoll illi għandha ssir laqgħa oħra ma’ trasport Malta biex tirrevedi d-deċiżjoni tagħha għal din il-bidla bil-possibilita' li jsibu karreġġjati ġodda minn fejn jgħaddi t-traffiku.

Rapporti ta' vjolenza domestika

Question

Jista' l-Ministru jgħid in-numru ta' każijiet ta' rapporti ta' vjolenza domestika fis-sena 2011? Jista jgħid kemm minnhom tressqu l-qorti? Jista' jgħid kemm minn dawn il-kazijiet tneħħa mid-dar min kien qed iwettaq il-vjolenza?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena l-oħra, il-Pulizija kellha 848 rapport ta’ vjolenza domestika, filwaqt li matul l-istess sena bdiet proċeduri kriminali kontra 1005 persuna fuq akkuzi ta’ vjolenza domestika. Peress illi l-aħħar domanda tenħtieġ informazzjoni mill-Qorti ġentilment nissuġġerixxi lill-Onorevoli Interpellant tagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Salini — ilment dwar dgħajsa

Question

Jista' l-Minsitru jara li jittieħdu l-passi meħtieġa biex titneħħa d-dgħajsa, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, ipparkjata illegalment u ilha żmien twil abbandunata fi Triq il-Bajja tas-Salini?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi d-dgħajsa msemmija mill-Onorevoli Interpellant tneħħiet.

Miniteru tal-Intern u Affarijiet Parlamentari — flus f'konsulenzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intefqu flus f'konsulenzi mid-dipartimenti u entitajiet oħra li jaqgħu taht id-dekasteru tiegħu matul is-sena 2011, maqsuma b'mod separat għal dawk li jaqbżu l-€10,000 u lil min ingħataw? Jista' jgħid ukoll b'liema mod ingħatat kull konsulenza?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-informazzjoni hekk kif mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija s-segwenti:-

Reġistrazzjoni taż-żwiemel tal-pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Korp tal-Pulizija jirreġistrax żwiemel? Jekk dawn jiġu reġistrati, jista' jgħid kemm żwiemel ġew reġistrati f'Malta u f'Għawdex? Jekk dawn iż-żwiemel ma jiġux reġistrati, x'inhi r-raġuni li f'Għawdex jinħarġu akkużi mill-istess pulizija dwar nuqqas ta' reġistrar tal-istess żwiemel?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija m’għadx ikollha dawn it-tip ta’ rapporti dwar bhejjem, skont kif hemm stipulat fir-Regolamenti dwar Rapport ta’ Annimali lill-Pulizija (L.S.10.07). Minkejja dan, infurmat illi l-Pulizija f’Għawdex irċeviet kwerela fil-konfront ta’ persuni sabiex jinbdew proċeduri kriminali, ai termini tal-istess Regolamenti peress li dawn għadhom fis-seħħ. Dawn il-proċeduri kriminali għadhom pendenti quddiem il-Qorti.

Rabat — inċidenti tat-traffiku bejn Triq San Piju V u Triq Ħad-Dingli

Question

Jista' l-Ministru jinformani kemm saru inċidenti tat-traffiku, u kemm kienu serji, f’dawn l-aħħar għaxar snin, sena b’sena, fi Triq San Piju V kantuniera ma' Triq Ħad-Dingli, r-Rabat minħabba nuqqas ta’ roundabout f’din l-area? B’referenza għal dawn l-inċidenti tat-traffiku, jista' l-Ministru jinfurmani x'rapporti u/jew rakkmandazjonijiet saru mill-entitajiet għall-ordni tat-traffiku sabiex jitnaqqsu dawn l-inċidenti li skont l-opinjoni pubblika huma kkawżati minn nuqqasijiet meħtieġa għall-immaniġjar aħjar għall-ordni tat-traffiku f’dawn l-inħawi msemmija?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi bejn is-sena 2002 u s-sena 2011, in-numru ta’ inċidenti tat-traffiku investigati mill-Pulizija fit-toroq imsemmija mill-Onorevoli Interpellant, kienu kif spjegat fit-tabella t'hawn taħt:- Infurmat ukoll li l-Pulizija tgħaddi tagħrif ta’ kull inċident tat-traffiku investigat minn naħa tagħha lill-Trasport Malta.

Rabat — kwestjoni bejn il-gvern u l-kunsill lokali

Question

Jista' l-Ministru jara li tiġi rimedjata, mingħajr ta’ aktar telf ta’ żmien, il-kwistjoni li teżisti bejn il-gvern u l-Kunsill Lokali tar-Rabat, fir-rigward ta’ manutenzjoni u xogħlijiet oħra fi Vjal il-Ħaddiem, Triq Għajn Kajjet u Triq Ħad-Dingli, għaliex finalment huma r-residenti ta’ dawn it-toroq, it-tax payers Rabtin u in ġenerali li jiffrekwentaw dawn it-toroq li qed ibatu l-konsegwenzi? B’referenza għall-periklu li jeżisti f’dawn it-toroq hekk traffikużi, speċjalment minħabba l-istat ferm ħażin tagħhom kif ukoll minħabba nuqqas ta’ zebra crossings u meta dik li hemm hi mudlama, jista' l-Ministru jara li jsir il-kordinament meħtieġ bejn l-awtoritajiet u entitajiet konċernati għal dan in-nuqqas peress li l-ħsara u l-periklu li jeżistu f'dawn it-toroq huma kbar wisq sabiex jibqgħu ma jiġux indirizzati?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi skont il-pjan li l-Kunsill ħejja fl-2010, Triq Għajn Kajjet, għar-rigward tal-parti li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-kunsill lokali, u cioè il-parti residenzjali, hija ppjanat li ssir mill-fondi tal-kunsill lokali. Huwa maħsub li din it-triq titlesta sal-aħħar tat-terminu tal-leġislatura ta’ dan il-kunsill lokali. Għalkemm Triq Ħad-Dingli u Vjal il-Ħaddiem jirrikjedu xogħol estensiv, il-kunisll lokali jagħmel il-manutenzjoni neċessarja.

pulizja għassa ma' ambaxxati

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 31286 dwar pulizija li jkunu għassa ma' ambaxxati eċċ. jista' l-Ministru jinvestiga l-każ mill-ġdid billi ninsab infurmat li hemm ambaxxati fejn il-fixed point security magħhom jaħdmu tmien siegħat sħaħ u mhux fuq bażi ta’ 4 sigħat u 4 sigħat kif indikat fit-tweġiba peress li t-talba tiegħi ma kenitx biex dawn jingħataw xi trattament preferenzjali iżda biss trattament simili bħalma jingħataw membri tal-armata li jkun fuq duties simili?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi bħala regola, l-Pulizija li jkun fuq fixed point protection duty jinbidel wara 4 siegħat. Però hemm xi points li fuq talba personali tal-istess membri tal-Korp, din ir-regola ma tiġix applikata.

Siġġiewi — Triq San Ġwann - xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex qed ikun hemm dewmien esaġerat biex isiru x-xogħlijiet li hemm bżonn isiru fi Sqaq nru 2 fi Triq San Ġwann is-Siġġiewi u li qed ikun ta' inkonvenjent kbir għar-residenti? Jista' jindirizza din is-sitwazzjoni sabiex ix-xogħol li għandu jsir, isir fi żmien raġjonevoli?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 31884.

Ħal Safi — Detention Officers li se jispiċċaw

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jżomm lil dawk id-Detention Officers li huma impjegati f'Ħal Safi u li se jispiċċaw mis-servizz tal-Forzi Armati għaliex għalqu l-25 sena servizz? Jekk dawn id-detention officers se jispiċċaw, il-Gvern se jimpjega lil ħaddieħor minflokhom jew se jerga' jingaġġa lilhom?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi n-numru ta' uffiċjali li jservu fis-Servizz ta' Detenzjoni huwa suġġett għal evalwazzjoni kontinwa skont il-ħtiġijiet tal-mument u tas-sitwazzjoni li tkun tapplika minn żmien għal żmien. Dan japplika għal komponenti kollha tas-Servizz inkluż dawk li jkunu qed iservu fih skont l-arranġamenti speċifiċi li jirrigwardjaw ex-membri tal-Forzi Armati li jkunu għadhom ma laħqux l-25 sena servizz. Infurmat ukoll li proprju bħalissa għaddejja evalwazzjoni tas-sitwazzjoni f'dan ir-rigward.

Nadur, Għawdex — Triq il-Qortin - asfaltar

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se tiġi asfaltata Triq il-Qortin fin-Nadur, Għawdex

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tan-Nadur li jinsab f’kuntatt mal-Ministeru għal Għawdex dwar is-servizz tad-drenaġġ fit-triq li rreferiet għaliha l-Onorevoli Interpellant, liema servizz jaqa' taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru msemmi. Qabel ma jsir ix-xogħol relatat mas-servizz tad-drenaġġ, it-triq imsemmija ma tistax tingħata wiċċ ġdid.

devoluzzjoni mogħtija lill-kunsilli lokali

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hemmx xi proċess ta' diskussjoni bejn il-gvern ċentrali, u l-Korporazzjoni Enemalta, biex il-kunsilli lokali jkunu jistgħu jingħataw id-devoluzzjoni totali għal dak li jikkonċerna d-dwal f'inħawi pubbliċi madwar Malta?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi d-Dipartiment tal-Gvern Lokali qiegħed fil-preżent għaddej b'diskussjonijiet kemm fuq livell amministrattiv kif ukoll fuq dak finanzjarju biex id-dwal tat-toroq jiġu divoluti lill-Kumitati Reġjonali.