Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #35860 Sitting 493 2012-06-25 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Ministeru tal-Intern

Korrispondenza bejn il-PPCD u l-Kunsilli lokali

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 35690, jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra speċifikament kull korrispondenza li kien hemm mill-1 ta' Frar 2010 sat-30 ta' Ġunju 2010 bejn il-PPCD u l-kunsilli lokali msemmija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 35361.
Leg 11 PQ #35869 Sitting 493 2012-06-25 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tal-Intern

Persuni li daħlu l-Ħabs minħabba drogi

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm daħlu priġunieri relatati ma’ droga fil-Facilità Korrettiva ta’ Kordin f’din il-leġislatura? Kemm minnhom huma traffikanti ta’ droga? Kemm minnhom irċevew il-programm ta’ riabilitazzjoni minħabba din il-problema serja?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitlulba mill-Onorevoli Interpellant.
Leg 11 PQ #35905 Sitting 493 2012-06-25 Oral · Final From: JOE DEBONO GRECH To: Ministeru tal-Intern

liċenzja tan-nar li għadha ma ħarġitx

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid għaliex ir-riżultati tal-eżami tal-Liċenzja B tan-Nar tal-Art/Ajru biex persuni jkunu jistgħu jitilgħu fil-kmamar tan-nar biex jaħdmu n-nar fl-assistenza ta' persuni kwalifikati b'liċenzja A għadhom ma ħarġux meta dawn suppost ilhom li ngħataw lil dawk li poġġew għall-istess eżami?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi l-karti tal-eżami imsemmi mill-Onorevoli Interpellant għadhom qed ikunu ipproċessati mid-Dipartiment ta’ l-Edukazzjoni. Infurmat ukoll, madankollu, li ħafna minn dawk li applikaw huma fil-preżent diġà detenturi tal-Liċenzja D, u għalhekk diġà qegħdin f’pożizzjoni li jgħinu fil-kmamar tan-nar.
Leg 11 PQ #35445 Sitting 492 2012-06-20 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Intern

Ministeru tal-Intern — tnaqqis baġitarju

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm mit-tnaqqis baġitarju tal-€40 miljun tnaqqsu s'issa mill-Ministeru, dekasteri u entitajiet li jaqgħu taħtu xahar b'xahar sa Mejju 2012?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Budget tal-Gvern jinħadem fuq bażi ta’ sena. Għalhekk nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta tiegħi f’Mistoqsija Parlamentari Nru. 32631.
Leg 11 PQ #35481 Sitting 492 2012-06-20 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru tal-Intern

Mosta — Triq l-Istringell u Triq id-Dawr - tarmac

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 35108, jista' l-Prim Ministru jgħid min qiegħed fuq il-bord li qed jagħmel l-inkjesta u jekk dan il-bord inħatarx apposta jew jekk dan il-bord kienx diġà stabbilit u intuża' biex jagħmel din l-inkjesta? Min ħatar lill-membri li qed jiffurmaw dan il-bord u lil min iridu jwieġbu bir-riżultat miksub? Minn min huwa komposta l-bord imsemmi, xi kwalifikazzjonijiet u esperjenza għandhom fix-xogħol in kwestjoni l-membri tal-bord u qatt servew f'xi bord qabel? Kemm-il darba ġrat fl-istorja tal-kunsilli lokali li jinħatar bord kif inħatar hawn imsemmi u liema kienu l-każijiet li investigaw?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Bord ta’ Inkjesta inħatar mill-Ministeru għall-Intern bħala l-Ministeru responsabbli mill-Kunsilli Lokali skont Artikolu 4 tal-Att dwar l-Inkjesti. Huwa kompost mis-Sinjuri Louis Cilia bħala Chairperson, Martin Scicluna u Natalino Attard. Is-Sur Cilia hu ex-Segretarju Permanenti (Ministeru tal-Intern u wara tal-Ministeru tat-Trasport u Komunikazzjoni) u ex-Direttur-Ġenerali (Ministeru tal-Intern) fis-servizz pubbliku. Is-Sur Scicluna għandu esperjenza twila f’diversi karigi għolja fis-servizz pubbliku Ingliż kif ukoll dak Malti bhala konsulent fuq is-sigurtà. Filwaqt li s-Sur Attard fil-preżent huwa Direttur Probation and Parole u ex-Direttur tal-Gvern Lokali. It-tlieta li huma servew matul il-karriera tagħhom (u anke wara) fuq diversi bordijiet ta’ inkjesti kif ukoll bordijiet oħrajn.
Leg 11 PQ #35482 Sitting 492 2012-06-20 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru tal-Intern

Mosta — Triq l-Istringell u Triq id-Dawr - tarmac

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 35108, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk huwiex minnu li r-resident li qed jbatu minħabba t-torba li hemm bħalissa f'dawn it-toroq imsemmija u allura meta jista' jkun li jkun hemm soluzzjoni għal dan l-inkonvenjent? Meta l-bord maħtur huwa pjanat li jlesti li inkjesta tiegħu u joħroġ ir-riżultat? X'logika qed jimxi biha min qed imexxi din l-inkjesta u xi jrid jfittex b'dak li qed jagħmel?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Bord ta’ Inkjesta qed jagħmel mill-aħjar li jista’ biex ir-rapport tiegħu jitlesta malajr kemm jista’ jkun. Iżda mhux dejjem jiddependi minnu għax hemm fatturi oħra li jistgħu jittardjaw il-proċess fosthom id-disponibbilità tal-membri u posponimenti validi. Il-Bord għandu termini partikolari mgħotija mal-ħatra tiegħu, li huma s-segwenti: 1. Jeżamina u jirraporta dwar iċ-ċirkostanzi fejn ordni għal xogħolijiet ġiet preżentata lil V & C Contractors f’Diċembru 2011 biex isiru xogħolijiet ta’ road-surfacing fi Triq id-Dawr u Triq l-Istrinġell, Mosta; 2. Jistabbilixxi il-punt safejn wasal it-twettiq ta’ dik l-ordni skont il-proċeduri, regoli u regolamenti stabbiliti fejn ġeneralment japplikaw il-funzjonijiet tal-Kunsilli Lokali u iktar speċifikament fir-rigward tar-regolament dwar Kuntratti Pubbliċi; 3. Jidentifika kwalunkwe evidenza ta’nuqqas ta’ osservanza ta’ regolamenti, imġieba ħażina, jew abbuż ta’ awtorità da parti ta’ dawk prinċipalment involuti; u Jagħmel rakkomandazzjonijiet neċessarji fid-dawl tat-tisjib u l-konklużjonijiet li jasal għalihom.
Leg 11 PQ #35580 Sitting 492 2012-06-20 Oral · Final From: STEFAN BUONTEMPO To: Ministeru tal-Intern

Ministeru tal-Intern — ħaddiema

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema f'kull segretarjat tal-Ministeru tiegħu li mhumiex civil servants? Xi grad għandhom? X'inhu xogħolhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant. F’kull każ, il-persuna ndikata tagħmel ix-xogħol abbinat mal-pożizzjoni li qed tokkupa.
Leg 11 PQ #35727 Sitting 492 2012-06-20 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru tal-Intern

Operaturi tal-bejgħ ta' ikel u xorb — permessi

Question

B'referenza ghar-risposta ta' 35391, jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar jekk dawk kollha li kellhom permessi biex jarmaw f'okkazjoni ndikata mxewx mal-kundizzjonijiet li kellhom imposti fuqhom? Billi wara l-attività kien hemm ħafna attività fuq il-media, jista' jagħti tagħrif dwar jekk ittieħdux passi kontra xi wieħed, jew aktar minn dawk li kellhom il-permessi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li dawk kollha li applikaw u armaw, imxew mal-kundizzjonijiet imposti u għaldaqstant ma kienx hemm ħtieġa li jittieħdu passi fil-konfront tagħhom.
Leg 11 PQ #35728 Sitting 492 2012-06-20 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru tal-Intern

San Pawl il-Baħar — kontravenzjonijiet

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 34267, jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar f'liema nħawi ta' San Pawl il-Baħar allegatament kienu l-kontravenzjonijiet (id-disa' kontravednzjonijiet) indikati fir-risposta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi d-disgħa kontravenzjonijiet imsemmija fit-Tweġiba għall Mistoqsija Parlamentari 34267 li kienu jikkonċernaw rapporti dwar mużika għolja minn postijiet ta’ divertiment, kienu irrapurtati li seħħew fl-inħawi ta’ Triq it-Turisti, Triq l-Imħar, Triq il-Brankutli, Triq il-Korp tal-Pijunieri, Triq il-Ġifen, Triq it-Tamar, Triq il-Gandofli, Triq Ġulju u Triq Patri Feliċ Sammut.
Leg 11 PQ #35732 Sitting 492 2012-06-20 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru tal-Intern

Skema ta' reklamar

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-kunsilli lokali tas-7, il-11 u t-12-il distrett elettorali li għandhom skema ta' reklamar bi ħlas, fuq u-bends? X'tip ta' ħlas jintalab f'dawn il-każijiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 11 PQ #35690 Sitting 491 2012-06-19 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Ministeru tal-Intern

korrispondenza bejn il-PPCD u l-kunsilli lokali

Question

Jista' l-Prim Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-korrispondenza kollha għaż-żmien bejn 1 Frar 2010 u 30 Ġunju 2010 li għaddiet bejn il-PPCD u l-Kunsilli Lokali ta’ Ħad-Dingli, tar-Rabat, Ħ’Attard u Ħal-Lija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant tkun aktar speċifika fil-mistoqsija tagħha dwar x’informazzjoni qiegħda titlob.
Leg 11 PQ #35726 Sitting 491 2012-06-19 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru tal-Intern

każ ta' expression of interest

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk fil-każ ta' expression of interest, biss, mingħajr tender formali jistax ikun hemm kunsilli lokali li jagħtu kuntratti, mingħajr mal-istess expression of interest tkun segwita minn sejħa formali għal tender, u cioè expression of interesttieħu post proċess ta' tendering?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li la fir-Regolamenti dwar Offerti tal-Kunsilli Lokali u lanqas fil-Public Procurement Regulations ma jeżisti l-kunċett ta’ “expression of interest”. Għaldaqstant meta Kunsill Lokali joħroġ tali talba jagħmel dan biex jara xi jkun hemm fis-suq qabel joħroġ it-tender tiegħu.
Leg 11 PQ #35099 Sitting 490 2012-06-18 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru tal-Intern

Sturttura ta' riżorsi umani mal-Kumitat Reġjonali

Question

B'referenza għall-memo 7/2012 Struttra ta' Riżorsi Umani mal-Kumitati Reġjonali maħruġa mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali, jista' l-Prim Ministru jgħid f'liema reġjuni din ġiet fis-seħħ? F'każ li hemm reġjuni li mhux qegħdin isegwu l-memo inkwistjoni, x'inhi r-raġuni għal dan u x'passi ttieħdu jew qed jittieħdu fil-konfront tagħhom mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Kumitati Reġjonali għaddejjin b’diskussjonijiet kemm mad-Dipartiment għall-Gvern Lokali, kif ukoll mal-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ sabiex tiġi applikata Memo 7/2012, tad-Dipartiment għall-Gvern Lokali u skont il-proċeduri stabbiliti mill-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ.
Leg 11 PQ #35471 Sitting 490 2012-06-18 Oral · Final From: ANĠLU FARRUGIA To: Ministeru tal-Intern

Faċilità Korrettiva ta' Kordin — inmate li jaħdem f'għalqa

Question

Jista' l-Prim Ministru jikkonferma jekk hux minnu li fuq għażla personali tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, jqabbad inmate ħabib tiegħu u mill-istess lokalità sabiex jaħdem fl-għalqa li għandhom tal-familja? Jista’ l-Ministru jivverifika jekk l-istess inmate jittieħed kull filgħodu bit-trasport tal-Faċilità Korrettiva ta' Kordin sabiex jibda l-ħidma tiegħu fl-għalqa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi l-persuna indikatat mill-Onorevoli Interpellant qed tieħu ħsieb ix-xogħol li qed isir is-SATU. Ta’ kull filgħodu numru ta’ priġunieri qed jittieħdu is-SATU limiti ta’ l-Imtaħleb bit-trasport tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin sabiex jaħdmu hemm fuq xogħol ta’ refurbishment.
Leg 11 PQ #35472 Sitting 490 2012-06-18 Oral · Final From: ANĠLU FARRUGIA To: Ministeru tal-Intern

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin — kwestjoni fuq l-ikel

Question

Jista' l-Prim Ministru jivverifika jekk huwiex il-każ illi filwaqt li jinxtara l-ikel u jinħadem ġewwa l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, l-istess dipartiment jerġa' jħallas għall-ikel tal-management u ħbieb sabiex tali flejjes imorru f’fond imsejjaħ Officers Funds for Activities? Jista' jivverifika u jgħid kemm ilha ssir din l-affari u kemm tħallsu għal dawn l-ikliet mill-flus tad-dipartiment? Jista' jagħti rendikont ta’ kuljum kemm kienu dawk li kielu u kemm swiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi fil-Facilità Korrettiva ta’ Kordin ma jeżisti ebda fond imsejjaħ Officers Funds for Activities. Li hemm huwa Officers Mess Fund li huwa fond privat ġestit mill-Prisons Officers Association Malta (POAM) u li fih jidħlu prinċipalment kontribuzzjonijiet regolari mill-fizzjali tal-Ħabs. Infurmat ukoll li minn dawn il-fondi jiġi ffinanazjat ix-xiri tal-ikel, minerali u affarijiet oħra relatati li jiġu servuti fl-Officers Mess. Il-prassi li jkollok Officers Mess hija prevalenti f’korpi simili, bħal Pulizija u l-Armata, kemm Malta u barra, u fil-Ħabs tmur lura ghall-1996. Dan l-ambjent iservi ta’ lwog ta’ nkontru fl-ambjent tax-xogħol stess fejn wieħed ikun jista’ jitkellem b’daqxejn serenità mal-kollegi tiegħu waqt li jaqsam magħhom xi ħaġa ta’ l-ikel. Fil-fond minn żmien għal żmien jiġu versati ħlasijiet bħala rimbors minn fondi pubbliċi ta’ spejjeż in kwantu ospitalità li tkun ġiet servuta mill-Officers Mess u okkażjonijiet oħrajn speċjali.
Leg 11 PQ #35494 Sitting 490 2012-06-18 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru tal-Intern

Rapport dwar il-Ġustizzja Riparatriċi

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 11026 bid-data tas-6 ta’ Ottubru, 2009, jista’ l-Prim Ministru jindika jekk issa ġewx implimentati r-rakkmandazzjonijiet tar-rapport dwar il-ġustizzja riparatriċi? Kemm se tiġi l-ispiża biex tiġi implimentata l-ġustizzja riparatriċi f’pajjiżna?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpelant li sar progress konsiderevoli minn mindu saret il-Mistoqsija Parlamentari 11026 fis-6 ta’ Ottubru 2009. Minn mindu sar il-proċess ta’ konsultazzjoni li rriżulta fl-imsemmi rapport, l-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi kien approvat mill-Parlament b’mod unanimu u issa daħal fis-seħħ. Ir-rakkomandazzjonijiet fir-rapport ittieħdu in konsiderazzjoni u numru sostanzjali minnhom kienu inkorporati fl-Att waqt il-proċess ta’ drafting . F’dan ir-rigward, biex wieħed jagħti eżempju, l- Offender Assessment Board hekk kif jinstab fl-imsemmi Att huwa simili ħafna għal dak li kien rakkomandat mit-Task Force. L-istess jista’ jingħad għal dawk li huma id-dmirijiet tal-iSkrivan tal- Parole u anke il-Bord tal-Parole, anke jekk dan fih iktar membri minn dak li kien rakkomandat. Fir-rigward ta’ aspetti instituzzjonali, d-Dipartiment responsabbli għall- Probation , li issa huwa responsabbli ukoll għall- Parole u l- Victim Support Unit (li fost affarijiet oħra huwa responsabbli mill-medjazzjoni bejn il-vittma u min wettaq ir-reat), għandu Direttur tiegħu u b’hekk huwa separat mill-amministrazzjoni tal-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin, hekk kif rakkomandat fl-imsemmi rapport. Ir-rakkomandazzjonijiet kienu ukoll ikkunsidrati tul l-implimentazzjoni ta’ riformi istituzzjonali fil-ħabs, fosthom permezz tat-twaqqif ta’ sezzjoni responsabbli mill-Kura u Reintegrazzjoni fil-ħabs. Rigward l-ispiża tal-Ġustizzja Riparatriċi, huwa diffiċli sabiex wieħed jikkwantifika ghax din tista’ tvarja b’mod konsiderevoli jiddependi mill-fatt jekk, biex jingħata eżempju, wieħed jikkonsidrax investiment fil-YOURS, is-SATU jew il-faċilità edukattiva fil-Faċilità Korrettiva bħala parti min din l-ispiża jew le.
Leg 11 PQ #35571 Sitting 490 2012-06-18 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO PRECA To: Ministeru tal-Intern

Garaxxijiet f'Ħaż-Żebbuġ — għeluq ta' shaft

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-pulizija ma ordnatx lis-sid ta' għadd ta' garaxxijiet li d-dettalji tagħhom qed jingħataw separatament sabiex jagħlaq ix-shaft perikoluz li hemm f'dan il-complex u diġà sewa l-ħajja ta' tifel ta' sentejn u għaxar xhur? Kif wara li diġà għaddeww erba' snin minn din it-traġedja, dan ix-shaft għadu miftuħ u espost għall-periklu u riskju ta' xi traġedja oħra?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija ilha li intimat skont il-ligi lis-sid tal-kumpless imsemmi mill-Onorevoli Interpellant sabiex ineħħi l-periklu u dwar dan anke’ hemm proċeduri pendenti quddiem il-Qorti. Infurmat ukoll illi nell’ fratemp, kemm il-Pulizija kif ukoll il-kunsill lokali ħadu miżuri sabiex il-periklu jkun minimizzat kemm jista jkun, billi poġġew barrier u railing.
Leg 11 PQ #35586 Sitting 490 2012-06-18 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Ministeru tal-Intern

kunsilli lokali — segretarji eżekuttivi

Question

Jista’ l-Prim Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tas-segretarji eżekuttivi u impjegati li kien hemm fil-Kunsilli Lokali ta’ Ħal-Lija, Ħal-Balzan, Ħ’Attard u Birkirkara mill-bidu ta’ dawn il-kunsilli sal-lum?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 11 PQ #35588 Sitting 490 2012-06-18 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Ministeru tal-Intern

kunsilli lokali — ejħa għall-applikazzjonijiet biex jimtela post vojt

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x’inhuma l-proċeduri li għandu jsegwi kunsill lokali wara li joħroġ sejħa għall-applikazzjonijiet biex jimla’ post vojt u jsib li fost l-applikanti hemm min jiġi minn xi persuna li tkun diġà impjegata f’dak l-istess kunsill, u minn xi persuna li minħabba l-kariga tagħha f’dan il-kunsill normalment ikollha sehem fil-proċess ta’ għażla fost l-applikanti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għal Artiklu 19 tal-Att dwar Kunsilli Lokali (Kap. 363) kif ukoll għal Artiklu 29 tar-Regolamenti dwar ir-Riżorsi Umani tal-Kunsilli Lokali u li kopja tagħhom qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #35671 Sitting 490 2012-06-18 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Intern

każ ta- mewt

Question

Jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-dokumenti li d-dettalji tagħhom qed jintbagħtu separatament, dwar il-każ tal-mewt tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi ma saret ebda inkjesta interna mill-Assistent Kummissarju Michael Cassar, la waħdu u lanqas mgħejun mill-espert tal-Qorti Dr Cutajar. Peress li l-inkjesta ndikata mill-Onorevoli Interpellant tinsab rinvjata quddiem il-Maġistrat inkwirenti għal indaġini ulterjuri wara li kienu saru diversi allegazzjonijiet li jista’ jkollhom effett fuq l-eżitu ta’ l-inkjesta, f’dan l-istadju, huwa impossibbli li ssir kopja tad-dokumenti mitluba qabel peress illi l-atti ta’ l-inkjesta m’humiex qegħdin fl-uffiċċju ta’ l-Avukat Ġenerali. L-Onorevoli Interpellant huwa wkoll imfakkar għal kull buon fini illi l-atti ta’ din l-inkjesta kienu magħmula aċċessibbli għall-familjari u anke għall-ġurnalisti meta ingħalqet l-ewwel darba.