Legislature:
Category:
Reset
Active:

inċidenti tat-traffiku li fihom kienet involuta xarabank

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il inċident tat-traffiku li fih kienet involuta xarabank sar rapport dwaru xahar b'xahar din is-sena sal-aħħar ta' Ġunju 2011? Kif jikkomparaw dawn il-figuri meta mqabbla mas-snin l-imgħoddija?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul l-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena, kien hemm 38 inċident tat-traffiku investigat mill-Pulizija li kien jinvolvi xarabank, filwaqt li matul l-istess perijodu tat-tlett snin ta’ qabel kienu s-segwenti:- Xahar Sena 2008 Sena 2009 Sena 2010 Sena 2011 Jannar 5 4 5 3 Frar 2 1 3 5 Marzu 3 0 4 7 April 9 4 3 10 Mejju 4 4 1 4 Gunju 4 0 8 9 Total 27 13 24 38
Leg 11 PQ #27253 Sitting 376 2011-07-04 Oral · Final From: FRANCO DEBONO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Avukat Ġenerali — nolle prosequi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inħarġu nolle prosequi mill-Avukat Ġenerali sena b'sena mill-2005 sal-lum u x'kienu l-akkużi?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Minn indaġini li saret fl-atti ta’ l-Uffiċċju tal-Avukat Generali jirriżulta illi mill-2005 sallum l-Avukat Ġenerali uża l-poter tiegħu li joħroġ nolle prosequi u li jagħmel rapport lill-President ta’ Malta fejn, kif huwa obbligat bil-liġi, jispjega r-raġunijiet għaliex kien qiegħed jeżerċita dak il-poter u għaliex ma kienx tal-opinjoni li l-proċeduri kellhom jitkomplew, f’erba' każijiet. Infurmat ukoll illi l-akkużi kienu t’attentat ta’ qtil u ferita gravi, ta’ importazzjoni ta’ droga mingħajr il-konoxxenza li dak li kien qed jiġi importat kien droga (u dan wara sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali), ta’ attentat ta’ qtil, u ta’ ħsara volontarja fuq il-proprjeta' ta’ axxendenti.
Leg 11 PQ #27254 Sitting 376 2011-07-04 Oral · Final From: FRANCO DEBONO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

persuni li ġew liberati jew ikkundannati piena mhux karċerarja,

Question

Jista' l-Ministru jgħid, fis-sena 2010 kemm persuni ġew liberati jew ikkundannati piena mhux karċerarja, liema persuni kienu nżammu għal xi żmien arrestati taħt arrest preventiv?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant għadu qed jinġabar.

Rapport ta' theddid b'telefon u mobile

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'sar minn rapport magħmul minn persuna, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, dwar allegat theddid u inġurji bit-telefon u l-mobile minn persuna li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, liema rapport sar fl-għassa ta' Birkirkara? Jista' jgħid għaliex il-pulizija s'issa ma ħarġitx iċ-charges u l-akkużi?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi t-telefonati li qed jirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant kienu saru minn żewġ settijiet tat-telefon separati. Infurmat ukoll illi waħda minn dawn it-telefonati kienet ġiet magħrufa u l-akkużi f'dan ir-rigward ħarġu, filwaqt li l-investigazzjoni dwar it-telefonata mis-sett l-ieħor għadha għaddejja.
Leg 11 PQ #27281 Sitting 376 2011-07-04 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

każijiet ta' vjolenza fuq l-anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il każ ta’ vjolenza fuq l-anzjani ġew rapportati lill-pulizija fis-snin 2008, 2009 u 2010 separatament? X’tip ta’ kategoriji ta’ abbużi kienu? Jista’ jgħid jekk dawn il-każijiet ġewx referuti lill-ħaddiema soċjali tad-Dipartiment tal-Anzjani sabiex dawn jippruvaw jgħinu lill-vittmi ta’ dawn l-allegati abbużi?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-każijiet ta’ vjolenza fuq persuni ta’ sittin sena jew aktar li ġew irrapurtati lill-Pulizija matul dawn l-aħħar tlett snin huma s-segwenti:- Tip ta' rapport 2008 2009 2010 Bodily Harm 75 74 72 Domestic Violence 26 38 39 Homicides 0 1 0 Armed Robbery 3 4 9 Mugging 7 4 6 Snatch & Grab 31 53 58 Total 142 174 184 Sakemm dawn ir-reati ma jkunux xi każ ta’ natura soċjali, mhix il-proċedura li l-Pulizija tinforma lid-Dipartiment tal-Anzjani b’dawn ir-rapporti. Madankollu, vittmi ta’ reati jiġu offruti l-għajnuna tal- victim support unit, dejjem jekk ikunu jixtiequ. Dan billi jingħataw in-numru tat-telefon fejn jistgħu jaqbdu ma' din l-għaqda.
Leg 11 PQ #27283 Sitting 376 2011-07-04 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Wied il-Għajn — għassa tal-pulizija ġdida

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 38001 tas-sena 2003, jista’ l-Ministru jgħid meta se tinbena għassa tal-pulizija ġdida f’post ċentrali f'Wied il-Għajn fejn tkun attrezzata tajjeb u li tkun miftuħa b’mod permanenti għal 24 siegħa kuljum?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Kif diġà kien spjegat fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari imsemmija mill-Onorevoli Interpeallant, kollox jiddependi fuq id-disponibilità ta’ xi post ieħor li jkun addattat sabiex jaqdi l-ħtiġijiet aħjar mill-Għassa preżenti. Infurmat ukoll illi għalkemm il-Korp tal-Pulizija għamel diversi tentattivi sabiex jinstab tali post, sfortunatament, s’issa dan għadu ma seħħx. Però ninsab infurmat illi fl-Għassa tal-Pulizija preżenti qed tkun miftuħa regolarment, għalkemm, jista' jkun hemm drabi jew ħinijiet fejn l-esiġenzi tas-servizz ikunu jirrikjedu lill-Pulizija li jkun għassa joħroġ fuq xi doveri oħra barra mill-għassa, bil-konsegwenza li l-għassa jkollha tingħalaq temporanjament matul dak il-ħin.
Leg 11 PQ #26369 Sitting 375 2011-06-28 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Dipartiment tal-VAT — ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' ħaddiema tal-VAT Department li ġew arrestati fit-3 t'April 2009 u fil-ġranet ta' wara? Kemm minnhom tressqu l-Qorti? Kemm kien in-numru ta' persuni reġistrati li tressqu l-qorti? X'kienu s-sentenzi mogħtija?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi b’riżultat tal-investigazzjoni lill-Pulizija kienet għamlet fil-każ imsemmi mill-Onorevoli Interpellant, kienu ġew imressqa quddiem il-Qorti sitt persuni. Minnhom wieħed kien ġie liberat, wieħed weħel sentenza ta’ sentejn priġunerija sospiżi għal erba' snin flimkien ma' multa ta’ €450 u interdizzjoni ġenerali, filwaqt li ieħor weħel sentejn priġunerija sospiżi għal erba' snin flimkien ma' multa ta’ €500 u interdizzjoni ġenerali. Infurmat ukoll illi t-tliet każijiet l-oħra għadhom pendenti quddiem il-Qorti.
Leg 11 PQ #26370 Sitting 375 2011-06-28 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Dipartiment tal-VAT — Uffiċċju tal-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Uffiċċju tal-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni investigax il-każ ta' korruzzjoni fid-Dipartiment tal-VAT? Jekk fl-affermattiv, il-Ministru għandu l-ħsieb li jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport relattiv?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Kummissjoni hija prekluża milli tagħti informazzjoni dwar il-każijiet li qed tinvestiga u dan skont l-Artikolu 9 (2) tal-Kap 326.
Leg 11 PQ #26383 Sitting 375 2011-06-28 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Pulizija — physical training

Question

Fid-drill tal-physical training li jagħmlu lill-Pulizija, jista' l-Ministru jgħid jekk isirx grading tal-level of physical activity skont l-età u l-kundizzjoni fiżika tal-membri tal-korp konċernati billi f'ċerti każijiet dan qed joħloq stress fiżiku żejjed għal uħud minnhom?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi sabiex il-pajjiż ikollu Pulizija li kemm jista jkun, ikunu effiċċjenti u kapaċi fill-qadi ta' dmirijiethom, il-Korp dejjem investa fit-tagħlim u taħriġ. Kien għalhekk li fl-1988 twaqqfet l-Akkademja tal-Pulizija. Għalkemm mill-1988 'l hawn it-taħriġ qatt ma waqaf, fl-2007, il-Korp beda programm ta' taħriġ kontinwu fejn illum kull membru tal-Korp jattendi fl-Akkademja tal-Pulizija darbtejn kull xahar. Din l-attendenza issir bħala parti mill-ħin tax-xogħol. Fl-ewwel attendenza tagħhom, il-membri jipparteċipaw fi-programmi ta' taħriġ fiżiku, un-armed combat , kif ukoll taħriġ fl-użu ta’ l-armi tan-nar u apparat ieħor. Fit-tieni attendenza, l-membri jirċievu tagħlim dwar liġijiet u suġġetti oħra relatati max-xogħol tal-Pulizija u li hu importanti għall-membri tal-Korp li jkunu aġġornati fihom. Dwar it-taħriġ fiżiku ninsab infurmat illi t-tabib tal-Korp jeżenta kemm temporanjament kif ukoll b'mod permanenti membri tal-Korp li fl-opinjoni tiegħu ma jkunux f'kundizzjoni fiżika jew medika addattata sabiex jipparteċipaw f'wieħed jew f'aktar mitt-tlett elementi ta’ taħriġ fiżiku. Minn barra dan, kull tant żmien, kull-membri jiġi mitlub jimla u jiffirma formola li fiha jindika xi mard jew sitwazzjonijiet u/jew kundizzjoni oħra li l-individwu jkun għaddej minnhom f'dak iż-żmien. F'każ li jkunu ndikati xi mard jew sitwazzjonijiet oħra ta' ċertu portata , l-formola ta' l-individwu tintbagħat lit-tabib tal-pulizija, sabiex dan jagħti direttivi u struzzjonijiet li jidhirlu li għandu jagħti lill-Kmandant tal-Akkademja. Minbarra dan, f'kull ġurnata li jkun ser isir dan it-tip ta' taħriġ, qabel jibda t-taħriġ, dawk il-membri preżenti, li għal xi raġuni jidhrilom li ma jkunux f'kundizzjoni li jipparteċipaw f'xi wieħed jew aktar mit-taħriġ li jkun ser isir f'dik il-ġurnata, għandhom jinfurmaw b'din is-sitwazzjoni lill- instructors tagħhom. Għalkemm il-membri tal-Korp jiġu mħeġġa sabiex jipparteċipaw fit-taħriġ, ħadd ma jiġi sfurzat jagħmel dan jekk l-individwu jidhirlu li ma huwiex f'kundizzjoni ta’ saħħa tajba li jkun jista’ jipparteċipa. Jekk xi membri jħossu mhux f''siktu, anke meta it-taħriġ ikun beda, dejjem ikun jista jieqaf milli jkompli bit-taħriġ. Jekk ikun hemm il-bżonn, dak il-membru jittieħed għal aktar eżamijiet jew assistenza medika. Kull tant żmien, sabiex isir kejl tal- performance tal-membri, isiru wkoll eżerċizzji ta' assessments . Dan l- assessment isir skont l-eta' u sess. F'kull każ kull membri jiġi nfurmat dwar jekk ikunx għamel progress jew le. Din l-informazzjoni tingħata sabiex il-membri jiġu nkoraġġiti jaddottaw kwalita' ta' ħajja tajba.
Leg 11 PQ #26975 Sitting 375 2011-06-28 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Persuni ta' nazzjonalità Libjana

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew persuni ta' nazzjonalità Libjana b'mod leġittimu f'pajjiżna mill-bidu tas-sena sal-lum? Kemm kienu ġew persuni ta' nazzjonalità Libjana fl-istess perjodu s-sena ta' qabel?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi mill-ewwel ta’ Jannar sal-20 ta’ Ġunju ta’ din is sena kien hemm 3,612 persuna ta’ nazzjonalità Libjana li waslu Malta minn xi pajjiż barra ż-żona tax-Schengen. Infurmat ukoll illi matul l-istess perijodu tas-sena l-oħra kienu daħlu 6,943.
Leg 11 PQ #26979 Sitting 375 2011-06-28 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Persuni li ngħataw refugee status

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm persuni ngħataw refugee status sena b'sena fl-aħħar ħames snin? Minn liema pajjiżi kienu ġejjin? Kemm minn dawn il-persuni ngħataw status ieħor li jagħtihom drittijiet ta': a) residenza; u b) ċittadinanza? Taħt liema mekkaniżmi legali?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi f'dawn l-aħħar ħames snin kien hemm 119 persuna li ngħatat status ta' refuġjat. Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra informazzjoni dwar il-pajjiżi li kienu ġejjin minnhom. Rigward it-tielet u r-raba' parti tad-domanda, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferiha lill-Ministru kkonċernat.
Leg 11 PQ #27077 Sitting 375 2011-06-28 Oral · Final From: FRANCO DEBONO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

ġurijiet u pieni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew deċiżi ġurijiet mill-bidu tas-sena u x'kienu l-pieni li ngħataw? Jista' jgħid kemm persuni ġew liberati mill-ġurijiet fl-istess perjodu?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi fil-Qorti Kriminali, mill-bidu tas-sena sal-20 ta’ Ġunju, 2011 ġew deċiżi 31 ġuri. Infurmat ukoll illi l-pieni li ngħataw kienu jvarjaw: ingħataw 28 pieni ta’ ħabs effettivi, waħda minnhom għal għomor, flimkien ma' pieni għall-ħlas ta’ multi u spejjeż peritali, kif ukoll ingħataw żewġ sentenzi ta’ ħabs sospiżi. Kien hemm ukoll persuna waħda li ġiet liberata fl-istess perjodu.
Leg 11 PQ #27086 Sitting 375 2011-06-28 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Persuni mħarkin minħabba rimi ta' skart

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 26830, magħmula mill-Onor. Farrugia, jista' l-Ministru jara li l-pulizija tkun infurmata dwar l-obbligu (jew dritt) tagħhom li fil-fatt iħarrku lil dawk il-persuni li jkunu ħallew skart f'partijiet li mhux suppost, kif ukoll f'ħinijiet mhux awtorizzati għal dan il-għan?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Il-Mistoqsija Parlamentari numru 26830 tindika li diġà tressqu numru ta' persuni mill-Korp tal-Pulizija ai termini tad-domanda tal-Onorevoli Interpellant.
Leg 11 PQ #27103 Sitting 375 2011-06-28 Oral · Final From: FRANCO DEBONO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Korp tal-Pulizija — appart għall-video recording tal-interrogazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess għall-akkwist mill-Korp tal-Pulizija tal-apparat għall-video recording tal-interrogazzjonijiet? Kemm huwa stmat li se jkun jiswa dan l-apparat?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi dan il-proċess għadu fi stadju inizjali fejn qed isir studju sabiex jiġi stabbilit liema hija l-aħjar sistema li għandha tiġi adottata. Għalhekk fil-mument huwa prematur biex tingħata stima ta' kemm jiswa l-apparat.
Leg 11 PQ #27104 Sitting 375 2011-06-28 Oral · Final From: FRANCO DEBONO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Investigazzjonijiet fuq finanzi illeċiti

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk mis-sena 1990 sal-lum ġewx investigati persuni dwar finanzjament illeċitu ta' xi partit politiku u jekk itteħdux xi passi?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi mit-tagħrif disponibbli ma jirriżultax li kien hemm tali investigazzjoni.
Leg 11 PQ #27105 Sitting 375 2011-06-28 Oral · Final From: FRANCO DEBONO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Inkjesti maġisterjali — esperti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inħatru esperti fl-inkjesti maġisterjali mill-bidu tas-sena sal-lum u f'liema kategoriji ta' perizja?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif dwar l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant għadu qed jinġabar.
Leg 11 PQ #26907 Sitting 373 2011-06-27 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Protezzjoni Ċivili — klieb attivi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-klieb li kien hemm flimkien ma' Sweety, jiġifieri Bali, Nicky u Kira, għadhomx attivi fid-Dipartiment? Jekk le, fejn jinsabu u xi proċess sar biex jitneħħew?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi t-tlett iklieb imsemmija ġew mqiegħda taħt il-ħarsien ta' familji wara li tnejn minn dawn il-klieb kienu wisq xjuħ biex ikomplu jagħmlu it-taħriġ intensiv neċessarju għat-tfittxija għal nies b'mod effettiv, filwaqt li l-kelba l-oħra, peress li kienet qed turi aggressività, kienet ikkunsidrata li ma kellhiex il-kwalitajiet li huma meqjusa essenzjali skont standards internazzjonali, biex tkun tista' tfittex nies mirdumin.
Leg 11 PQ #26941 Sitting 373 2011-06-27 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

San Pawl il-Baħar — bypass - inċidenti tat-traffiku

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' inċidenti tat-traffiku li kienu rappurtati li seħħew fil-bypass ta' San Pawl il-Baħar matul l-aħħar 12-il xahar? Kemm minn dawn l-inċidenti kienu muturi, karozzi u vetturi kbar rispettivament? F'kemm-il każ kien hemm persuni li korrew/mietu f'dawn l-inċidenti?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul dawn l-aħħar tnax-il xahar, ċioe bejn Ġunju tas-sena l-oħra u Mejju ta’ din is-sena, il-Pulizija investigat 8 inċident tat-traffiku fil-bypass ta’ San Pawl. Minn dawn l-inċidenti, 6 kienu mingħajr persuni feruti, filwaqt li 2 kienu jinvolvu persuni feruti. F’każ minnhom sewwieq ta’ mutur sofra feriti gravi filwaqt li f’incident ieħor ħames persuni sofrew feriti ħfief f’ħabta bejn passenger car u light goods vehicle. Ta’ min iffakkar li inċidenti mingħajr persuni feruti jew ħsarat fi proprjetà pubblika ma jiġux investigati mill-Pulizija.
Leg 11 PQ #26943 Sitting 373 2011-06-27 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Persuni li korrew f'inċidenti tat-traffiku

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kienu l-każijiet matul it-12-il xahar li għaddew li fihom kien hemm persuni li korrew f'inċidenti tat-traffiku? Kif jinqasmu dawn il-każijiet skont il-lokalità li fihom seħħew l-inċidenti?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul dawn l-aħħar tnax-il xahar, ċioe’ bejn Ġunju tal-2010 u Mejju tal-2011, il-Pulizija investigat 960 inċident tat-traffiku li fihom kienu weġgħu jew tilfu ħajjithom xi persuni. Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra informazzjoni fejn seħħew dawn l-inċidenti.
Leg 11 PQ #26964 Sitting 373 2011-06-27 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Qorti tal-Familja — infiq ta' flus

Question

Jista' l-Ministru jispjega kemm intnefqu flus s'issa fuq il-bini ta' biswit il-Qorti tal-Familja li għandu jservi bħala bini li jaqdi l-funzjonijiet tal-ġudikanti tagħna?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-flus li ntnefqu għall-bini li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant kien jammonta għal €39,468.