Legislature:
Category:
Reset
Active:

ħruq illegali tal-mercaptan

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 34314 u jgħid l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar f’liema stadju saret taf bil-problema tal-mercaptan u bil-ħruq illegali tagħhom? Minn min ġiet mgħarrfa? Min min-naħa tal-awtorità sar jaf b’dan? X’passi ttieħdu mill-awtorità appena saret taf b’dan u x’wassal biex l-ewwel għeddet li tieħu azzjoni bil-Qorti u sallum kważi tliet snin wara l-inċident jidher li għadu ma sar xejn, meta huwa mifhum li l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar kellha bażi soda biex tagħmel dan sa minn Novembru tas-sena 2009?

Response (DEMARCO, MARIO)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

ITS — xogħol strutturali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx sanzjonijiet tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar pendenti fil-konfront tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi rigward ix-xogħol infrastrutturali li sar fuq il-kampus ta' San Ġiljan fl-aħħar sena? Jekk iva, jista' l-Ministru jagħti dettalji għal kull sanzjoni, għalfejn inħarġet u x'qed ikun mitlub mill-Istituzjoni għall-Istudji Turistiċi biex dan ikun konformi mal-permessi?

Response (DEMARCO, MARIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li f'Awwissu 2011 kienu 'nħarġu żewġ Avviżi t'Infurzar separati fil-konfront tal-ITS talli inbnew guard room (ECF 417/11) u swill room (ECF 418/11) mingħajr il-permessi meħtieġa. Sussegwentement ġew sottomessi applikazzjonijiet sanatorji PA 284/12 u PA 296/12 rispettivament li ġew approvati u maħruġa f'Mejju 2012. Għaldaqstant l-iżvilupp ġie sanzjonat u l-Avviżi t' Infurzar ma baqgħux operattivi u l-każi 'nagħlqu.

MEPA — compliance certificate ta' bini antik

Question

F'każ li l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ma tkunx trid toħroġ compliance certificate għal post li jkun ilu mibni snin u li jkun inxtara minn persuni privati mingħand persuna oħra snin ilu, u li minkejja li dawn iridu jbiegħu mill-ġdid mhux jitħallew jagħmlu dan minħabba xi kontravenzjoni mal-policies pereżenti, jista' l-Ministru jgħid x'rimedju jista' jingħata biex dawn il-persuni ma jispiċċawx ma jistgħux jbiegħu il-post tagħhom? X'jistgħu jagħmlu dawn in-nies jekk in-nuqqas fl-istruttura tal-proprjetà tagħhom ma jkunx jista' jiġi rranġat għaliex fuqhom hemm tliet sulari t'appartamenti oħra mibnija?

Response (DEMARCO, MARIO)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

MEPA — garanzija fuq xogħol ta' tiswija fuq bankina

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm każijiet li wara li ħallsu garanzija biex f'każ ma jsirx ix-xogħol ta' tiswija fuq il-bankina wara li jkun inħareġ permess għall-iżvilupp, filfatt intilfet din il-garanzija matul 2010 u 2011 rispettivament għall-lokalitajiet ta' Mellieħa, Naxxar, u San Pawl il-Baħar? F'dawn il-każijiet meta kienet saret il-garanzija li imbgħad intilfet, ittieħdet mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar?

Response (DEMARCO, MARIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fis-snin 2010 u 2011, l-Awtorita' ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ma ħadet l-ebda garanzija bankarja mingħand l-applikanti għaliex ma sarx ix-xogħol kif suppost fuq tiswijiet ta' bankini fil-lokalitajiet tal-Mellieħa, in-Naxxar u San Pawl il-Baħar. Dawn il-garanziji bankarji jiġi rilaxxati mill-MEPA wara li jkun hemm konferma mill-Kunsill Lokal tal-lokalita li x-xogħolijiet mill-kuntratturi jkunu saru għas-sodisfazzjoni tal-Kunsill Lokali.

MEPA — applikazzjoni withdrawn

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-applikazzjonijiet li hemm quddiem l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar u ġew withdrawn minħabba li l-applikanti ma ssottomettewx l-informazzjoni tagħhom u kemm kienu dawk l-applikazzjonijiet li ġew riattivati wara deċiżjoni tal-awtorità stess?

Response (DEMARCO, MARIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni li qed tintalab ma kinitx tinżamm qabel is-sena 2011. Mill-ewwel ta' Jannar 2011 sa nofs Marzu 2012, skont is-sistema tal-informatika, l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar itterminat (withdrew) mitejn u disa' applikazzjonijiet (209) wara li l-Perit ma bagħatx l-informazzjoni mitluba fiż-żmien stipulat li għaxra minnhom (10) ġew rijattivati (reactivated).

Ħal Qormi -Triq Dun Ġorġ Fenech — għalqa mimlija ġrieden

Question

Jista' l-Ministru jara li l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tinforza l-bini ta' ħajt ta' għalqa fi Triq Dun Ġorġ Fenech f'Ħal Qormi, liema għalqa timtela biż-żibel u b'konsegwenza b'infestazzjoni ta' ġrieden?

Response (DEMARCO, MARIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi kienet diġà ttieħdet azzjoni t'infurzar dwar l-għalqa in kwistjoni, skont ECF 895/09, minħabba li l-art vakanti kienet qed tħassar id-dehra u s-siwi taż-żona. Il-propjetarju, li sal-lum għadu mhux magħruf, irid inaddaf l-għalqa minn kull ħmieġ, iżommha fi stat tajjeb u jagħlaqha b'ħajt għoli ta' tmien filati mal-linja uffiċċjali sabiex ma jitwaddabx iżjed ħmieġ. Skond ftehim milħuq mal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, il-Kunsill Lokali jista' jitlob lill-MEPA biex tawtorizza li dan isir minnu mill-fondi tal-Urban Improvement Fund allokati lilu u eventwalment jiġu rifonduti l-ispejjeż meta ssir applikazzjoni ta' żvilupp fuq is-sit in kwistjoni.

Ministeru għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura — kawżi fuq awtoritajiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kellu kawżi fil-konfront ta' awtoritajiet u/jew entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu matul dawn l-aħħar ħames snin sena b'sena?

Response (DEMARCO, MARIO)

Ninforma lill-Onor Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Fgura — kwestjoni dwar razzett antik

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qed jagħmel il-gvern/l-awroritajiet responsabbli sabiex jiġi salvat razzett antikissimu li jinsab eżatt quddiem il-każin tal-banda tal-Fgura? Jista' jgħid x'sar biex Daħlet in-Niċċa l-Antika fil-Fgura tiġi ripristinata u embellished?

Response (DEMARCO, MARIO)

Jidher li r-razzett imsemmi huwa proprjetà privata. Il-kura u l-manutenzjoni ta’ proprjetà privata hija r-reponsabiltà tas-sidien. Is-Sovrintentendza hija informata li l-MEPA kienet skedat din il-proprjetà fl-1995, b’livell ta’ protezzjoni tlieta. Kull applikazzjoni ta’ żvilupp fuq din il-propjeta` għandha tiġi evalwata fil-kuntest tal- policy tal-Pjan tal-iStruttura li tirregola l-iskedar.

Wied il-Għajn — żoni għal żvilupp sportiv

Question

Jista' l-Ministru jindika, anke permezz ta' pjanta, liema huma ż-żoni f'Wied il-Għajn earmarked għal żvilupp sportiv skont il-pjani tal-ippjanar ta' pajjiżna?

Response (DEMARCO, MARIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta għal din il-mistoqsija kienet imwieġba permezz tat-tweġibiet għall-mistoqsijiet numri 21783 u 23705 rispettivament. .

Belt — kiri tas-Saluting Battery

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 34379 li oriġinajrament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u li issa ġiet riferuta lilu u jagħti dettalji dwar il-kirja tas-Saluting Battery fil-Belt? Jista' jgħid kif intagħżlet il-kumpanija li għandha dritt esklussivli tagħmel tiġijiet u funzjonijiet oħra f'dan il-post u kemm qiegħed idaħħal il-gvern mill-flus li jitħallsu għal dawn l-attivitajiet?

Response (DEMARCO, MARIO)

Is-Saluting Battery fil-Belt ġiet restawarata għall-istat w l-użi storiċi oriġinali tagħha mill-Fondazzjoni Wirt Artna wara qbil ma’ l-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu fl-2004. Sa minn dak inhar l-istess Fondazzjoni reġgħet bdiet l-użanza li jkun sparat kanun f’nofs inhar u kif ukoll saluti ta’ l-artillerija fil-jiem pubbliċi ewlenin, funerali statali u kif ukoll f’okkażżjonijiet ta’ dħul jew ħruġ ta’ bastimenti navali jew tat-turisti mill-Port il-Kbir. Barra dan il-post jinfetaħ għall-viżitazzjoni tal-pubbliku bi ħlas kuljum bejn l-10.00 u s-1.00 ta’ wara nofs inhar fejn ukoll jintwerew filmati storiċi dwar il-post u kif ukoll isiru mawriet gwidati mill-impjegat tal-Fondazzjoni Wirt Artna lebsin uniformijiet tal-perjodu Vittorjan. L-istess post flimkien ma’ l-inħawi li darba kienu jiffurmaw parti mill-Combined H.Q. tal-Forzi Ingliżi f’Malta ġew mgħoddija mill-ġdid taħt il-harsien u t-tmexxija tal-Fondazzjoni Wirt Artna permezz ta’ Guardianship Deed mal-Gvern nhar 26 ta’ Jannar 2009. Permezz ta’ dan il-ftheim u kif ukoll dak ta’ qablu l-FWA hi responsabbli għat-tmexxija w l-manteniment ta’ dawn il-postijiet mingħajr dritt ta’ kumpens minn naħa pubblika. Il-kumpanija Island Caterers Ltd ġiet magħżula mill-Fondazzjoni Wirt Artna fuq bażi esklussiva sabiex tipprovdi servizzi ta’ catering kemm fis-Saluting Battery u kif ukoll fil-bqija tal-propjetajiet storiċi l-oħra li l-Fondazzjoni Wirt Artna għandha taħt il-kura tagħha. Kull fondi ġenerati minn din l-attvita’ jibqgħu għand l-istess Fondazzjoni ħalli jintużaw fil-kura ta’ l-istess sit jew oħrajn li hi tkun qed tirrestawra minn żmien għal żmien. Il-kumpanija msemmija intgħażlet a bażi’ ta’ l-iktar offerta vantaġġjuza li hi offriet wara konsultazzjoni ma’ numru ta’ operaturi oħra fil-qasam. Il-Fondazzjoni Wirt Artna hi għaqda mhux governattiva (Numru 0117) li twaqqfet fl-1987 bil-ħsieb li tgħin fil-ħarsien u l-kura tal-wirt kulturali Malti. Hi topera’ numru ta’ siti bħala attrazzjonijiet turistiċi li lkoll kemm huma hija bniet mix-xejn permezz tal-ħidma sfieqa ta’ l-impjegati u l-voluntiera tagħha.

Sqaq Ħarruba — spezzjoni mill-Area Enforcement Officer tal-MEPA

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ħadet l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar dwar Sqaq Ħarruba li ġie spezzjonat mil-Area Enforcement Officer tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament minħabba perikolu li din toħloq għar-residenti tal-inħawi?

Response (DEMARCO, MARIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li f'April 2007 kien aċċettat li l-Enemalta tgħaddi trinka għall-cable minn dan il-passaġġ eżistenti (DNO 280/07). F'Mejju 2009, is-Sezzjoni tal-Infurzar tal-MEPA pero` ħarġet Enforcement Notice, ECF 619/09, kontra l-Kummissarju tal-Artijiet (bħala s-sid) u l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa talli l-passaġġ eżistenti twessa' u ngħata l-konkos sabiex tfasslet triq. Il-Kunsill Lokali appella minn dan l-Enforcement Notice fit-terminu li tipprovvdi l-liġi (PAB 102/09) u għalhekk l-Awtorita' hija legalment obbligata li tistenna l-konkluzjoni ta' dan l-appell qabel tkun f'pozizzjoni li tipproċedi ulterjorment.

San Pawl il-Baħar — faċilitajiet turistiċi

Question

Jista' l-Ministru jagħti taghrif dwar liema huma l-inizjattivi li qed jittieħdu mill-Ministeru għat-Turiżmu, biex l-inħawi ta' San Pawl il-Baħar ikollhom titjib f'dawk li huma l-faċilitajiet turistiċi li jipprovdu?

Response (DEMARCO, MARIO)

L-Awtorità tat-Turiżmu minbarra li tieħu ħsieb faċilitajiet bħal perched beach ta’ Buġibba qed tieħu numru ta’ inizjattivi sabiex isir titjib fil-prodott turistiku ta’ San Pawl il-Baħar. Dawn jinkludu l-bini mill-ġdid ta’ kilometru promenade fil-qalba ta’ San Pawl il-Baħar, żvilupp ta’ attrazzjoni turistika ta’ akkwarju pubbliku u r-restawr tal-faċċata tat-torri ta’ Wignacourt.

Fireworks Festival — nefqa

Question

Jista' l-Minstru jagħti tagħrif dwar kemm nefqet l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, bħala sehem tagħha fl-organizazzjoni tal-Fireworks Festival li nżamm din is-sena fl-inħawi tal-breakwater ta' Bugibba? Minbarra l-awtorità min ħallas għall-istess festival?

Response (DEMARCO, MARIO)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

MEPA — applikazzjonjiet għall-iżvilupp

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il applikazzjoni għall-iżvilupp ġiet sottomessa lill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar u rrakkmondati għall-approval ġew rrifjutati mill-bord tal-awtorità presedut miċ-chairman kurrenti? Kemm-il applikazzjoni simili li kienet rakkmandata for refusal ġiet effettivament approvata (għalhekk rakkmandazzjoni overturned) mill-istess bord? Liema kienu l-applikazzjoniet f'kull każ u liema kienu l-proġetti f'kull każ?

Response (DEMARCO, MARIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Ħal Farruġ — buffer zona

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għandhiex ippjanat buffer zone bejn l-industrial estate u l-area residenzjali f'Ħal Farruġ - Ħal Luqa, bil-għan li ttaffi l-impatt li hemm u li jista' jkun hemm fuq l-ambjent minħabba tniġġiż li jkun ġej minn ħsejjes u emissjonijiet oħra mill-industrija?

Response (DEMARCO, MARIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fuq din iż-Żona ta’ Ħal Farruġ, fil-Pjan Lokali għan-Nofsinhar ta’ Malta, hemm numru ta’ policies ez. SMLU 03, SMLU 05 (Mixed Development Areas) u SMLU 09 (Luqa Industrial Estate). Dawn l-inħawi huma indikati fuq il-Pjanti LU2 u LU6 rispettivament u li kollha jikkontemplaw konsiderazzjonijiet ta’ landscaping. Dawn il-policies kienu ħadu wkoll in konsiderazzjoni permessi li kienu inħarġu qabel il-pjan lokali.

MEPA — Mapping

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma hekk hux minnu jew le li d-data kollha tal-mapping ta' din is-sena tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ntilfet minħabba problema fis-servers, li allegatament inħarqu? Jekk iva, min kien responsabbli għal dan?

Response (DEMARCO, MARIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-server li fuqu kien hemm data tal-Mapping ġratlu ħsara irreparabbli fil-hard disks. Din il-ħsara tista' tiġi attribwita għal żewġ raġunijiet prinċipali. L-ewwel raġuni hija ż-żmien li għandu dan is-server partikolari. It-tieni raġuni hija attribwita għall-kundizzjonijiet mhux adegwati fil-kamra fejn dan is-server kien qed jopera fil-ħin li ġralu l-ħsara. L-ebda data li relatata ma 'Small Scale Data', 'Archives', 'Aerial Photos' and 'Orthophotos' ma ntilfet minħabba din il-ħsara. Id- data li ġiet affettwata hija dik biss tad- database li tifforma il-'Large-Scale Topographic Map'. Minħabba f'dan, intilfu madwar tmien ġimgħat ta' xoghol produttiv, ta' aġġornament u manteniment fuq dan id- database illi qed jiġu rekuperati maż-żmien.

Ministeru għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura — remunerazzjonijiet ta' chairpersons

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 32890 u jgħid kemm tħallsu remunerazzjonijiet ta' chairpersons u membri ta' bordijiet f'din l-aħħar sena (mil-2011 sal-lum) kull bord separatament u jgħid min huma dawn iċ-chairpersons u membri?

Response (DEMARCO, MARIO)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar u tweġiba se tingħata f’xi seduta oħra.

kwestjoni dwar enforcement notice

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-enforcement notice li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, fil-konfront ta' persuna li żviluppat parti mill-front garden tagħha biex minflok ġiebja, kif kellha l-permess li tagħmel, istallat tank tal-gass/fuel, dam ma ġie implimentat? Kif jispjega l-Ministru l-fatt li wara li ħarġet din l-enforcement notice, il-gvern ħareġ Avviż Legali 494 tal-2010 li de facto irregolarizza s-sitwazzjoni ta' din il-persuna? Jista' l-Ministru jgħid kemm-il applikazzjoni oħra ta' istallazzjonijiet simili residenzjali ġew regolarizzati permezz ta' dan l-Avviż Legali meta dan inħareġ? X' kienet ir-raġuni li l-gvern ħass li kellu joħroġ dan l-avviż legali propriju f'dan il-perjodu meta saħansitra kienu bdew proċeduri legali kontra din il-persuna mill-Pulizija? Iħoss il-Ministru li dan huwa każ fejn avviż legali nħareġ għall-interessi ta' persuna waħda? Iħoss il-Ministru li għandu jagħti ġustifikazzjoni aktar minħabba l-fatt li din il-persuna li bbenefikat minn dan l-avviż legali tiġi minn qarib tal-istess Ministru?

Response (DEMARCO, MARIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-waqfien fl-użu tat-tank tal-gass imsemmi ġie implimentat immedjatament. Fill-fatt s-sid kien imwissi li l-użu irid jitwaqqaf immedjatament skond kid ordnat fl-Avviż. Barra minnhekk ittieħdu wkoll l-passi neċessarji flimkien mal-Awtorita' Maltija tar-Rizorzi (MRA) fejn dawn assiguraw li t-tank mhux se jitħalla jimtela' bil-gass stante l-Avviż maħruġ mill-MEPA jibqa operattiv. Dan il-fatt assigura li l-użu tat-tank kien twaqqaf. Fil-frattemp is-sid kien tefa appell kontra ECF 58/10 u allura l-eżekuzzjoni tat-Twettiq fl-istess avviż kella tiġi sospiża skond il-Liġi sakemm l-appell jiġi konkluż. Eventwalment l-Avviż Legali 494/10 ġie pubblikat f'Novembru, 2010 u l-każ ECF 58/10 ingħalaq wara li l-Apellant irtira l-appell tiegħu fil-15 ta' Dicembru, 2010. Jien infurmat ukoll li d-diskussjonijiet mal-Malta Resources Authority (MRA) fuq installazzjonijiet ta' LPG tanks bdew fis-sena 2005. Matul iż-żmien saru diversi laqgħat sabiex iż-żewġ entitajiet setgħu jilħqu ftehim u jitħabbru l-proċeduri l-ġodda. Fil-fatt l-MRA ippubblikat l-Avvizi Legali 249/2008 fis-7 ta' Ottubru 2008 u l-MEPA min-naħa tagħha ħarġet Avviz Legali 494/2010, imsemmi qabel, fit-28 ta' Novembru 2010. Qabel il-ħruġ tal-Avviż Legali kien jinħtieg full development permit għal dan it-tip ta' żvilupp. Meta daħal fis-seħħ l-Avviz ma kienx hemm bzonn ta' notifika f' areas ġewwa l-limiti ta' żvilupp sakemm numru ta' kriterji jiġu mħarsa. In-Notifika hija meħtieġa f'Urban Conservation Areas, Outside Development Zones u propjeta skedata u f'żoni mħarsa. Infurmat ukoll, li l-MEPA m'għandhiex informazzjoni kemm applikazzjonijiet ġew regolarizzati

Baħrija — Wied Merġa - protezzjoni tal-granċ tal-ilma ħelu

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 33020 li oriġinarjament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u issa ġiet riferuta lilu u cioè: Billi kawża tal-fawran tad-drenaġġ mill-fossa tal-Baħrija ġabet magħha l-qerda għal kollox tal-qabru fil-Wied tal-Marġa , jista' l-Ministru jinforma għaliex ma ħa ebda passi konkreti bħala Ministru responsabli biex jipproteġi milli seħħ il-qerda tal-qabru? Ma jħossx li huwa politikament responsabli għal dan il-falliment u cioè li abbanduna miżuri neċessarji biex jiġi salvat dan l-ispeċi ta' granċ tal-ilma ħelu?

Response (DEMARCO, MARIO)

Il-MEPA ma rċeviet l-ebda lment reċenti fuq żbroff ta' drenaġġ fil-Baħrija, imma kienet diġà investigat każijiet dwar dan u nnotifikat lil Korporazzjoni Għas-Servizzi tal-Ilma biex tirrimedja is-sitwazzjoni. Dwar il-qabru, l-annimal in kwestjoni ma nqeridx, kif konfermat minn spezzjonijiet li saru minn uffiċjali tal-Ambjent.

Impjant ta' Sant' Antnin

Question

B'referenza għall-kundizzjoni tal-planning gain marbuta mal-permess tal-applikazzjoni PA04607/06 tal-impjant ta' Sant Antnin, billi huwa mifhum li l-WasteServ kisru dan il-ftehim u huma dovuti jħallsu penali ta’ miljuni ta’ Ewro lill-Kommunità ta' Wied il-Għajn, ma jaħsibx il-Ministru li l-iskuża li qed iġġib l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar dwar il-Family Park PA/04886/06 mhix ġustifikata u m'għandha x’taqsam xejn mal-kundizzjoni tal-istess planning gain imma dan huwa relatat biss mal-permess biex jinbeda x-xogħol fuq il-park innifsu? Kemm-il darba d-developer li f’dan il-każ huwa l-kumpanija parastatali WasteServ dam biex jingħata il-permess mill-awtorità peress li dan żgur mhuwiex tort tar-residenti imma kollu tort tal-amministrazzjoni preżenti għax kien l-istess gvern li ppermetta li dawn jintrabtu mal-kundizzjonijiet tal-permess fosthom tal-planning gain innifsu, x’passi effettivi biħsiebha tieħu l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar biex issir ġustizzja skont l-obbligi kuntrattwali mar-residenti kkonċernati u x’kienu r-raġunijiet il-kumpanija WasteServ naqset li tlestli dan il-family park fi żmien ħames snin mill-ħruġ tal-permess relevanti li ngħata fit-30 ta' Jannar 2007? Jista' jagħti tweġiba kategorika wkoll jekk tqisx li l-WasteServ kisrux l-obbligi kuntrattwali tagħhom?

Response (DEMARCO, MARIO)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.