Legislature:
Category:
Reset
Active:

Applikazzjonijiet għal lukandi ġodda approvati

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 10239, 10406 u 10640 u jgħid kemm ġew approvati applikazzjonijiet għal lukandi ġodda fis-sena 2022 u fis-sena 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid kemm hu t-total tal-bed capacity approvat fis-snin rispettivi?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11087.

Applikazzjonijiet għal lukandi ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 10238, 10405 u 10639 u jgħid kemm daħlu applikazzjonijiet għal lukandi ġodda fis-sena 2022 u fis-sena 2023?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11087.

MTA — applikazzjonijiet għal-lukandi ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 10237, 10404 u 10638 u jgħid x’inhi l-policy tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) għal dak illi jirrigwarda applikazzjonijiet għal lukandi ġodda ġewwa pajjiżna?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu tikkunsidra applikazzjonijiet għal-lukandi ġodda tramite l-Kumitat għall-Proġetti u tuża l-Istrateġija għat-Turiżmu 2021-2030 u l-Accommodation Development – Policy for the Consideration of Applications for Hotels Height Limitation August 2014 bħala linja gwida.

MTA — applikazzjonijiet għal lukandi ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 10110, 10403 u 10637 u jgħid kemm ġew sottomessi applikazzjonijiet għal lukandi ġodda lill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) fis-snin 2022 u 2023 u kemm minnhom ġew approvati? Jista’ jgħid ukoll kemm-il kamra u sodda fihom u f’liema lokalità jinsabu?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11087.

MTA — baġit għal marketing

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 10109, 10402 u 10636 u jgħid jekk l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) għandhiex pjanijiet sabiex tistabbilixxi kriterji oġġettivi u trasparenti li jiġu ppubblikati sabiex jindikaw kif u min jista’ jibbenefika mill-baġit tagħha għall-marketing?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Kif jaf sew l-Onor. Interpellant, bħala Eks Ministru responsabbli mit-turiżmu, l-attivita’ ta’ marketing fi ħdan l-MTA hi vasta u mifruxa fuq diversi binarji. L-attivita’ tinkludi negozjati li fl-aħħar nett iwasslu għal ftehim ma’ operaturi turistiċi, group organisers, pjattaformi diġitali, organizzaturi ta’ konferenzi, aġenti tal-ivjaġġar, linji tal-ajru, aġenziji tar-reklamar u anke direttament ma’ diversi tipi ta’ midja, fost oħrajn. Il-baġits allokati u rati miftehma ovvjament ivarjaw skont il-pajjiż, il-pjanijiet imfassla, it-tip ta’ midja li tintagħżel sabiex tilħaq l-udjenza fil-mira tal-kampanja, kif ukoll l-allokazzjoni ta’ baġit relatata mal-pjanijiet tal-operatur turistiku li l-MTA tinnegozja miegħu. Fil-maġġoranza assoluta tal-każi l-MTA tesiġi li l-operatur jinvesti daqs jew iżjed minn dak li qed tinvesti l-MTA fil-kampanja li tkun qed tippromwovi pajjiżna. Dawn in-negozjati huma kummerċjalment sensittivi peress li dawn l-istess kumpaniji li ninnegozzjaw magħhom jaħdmu wkoll ma’ pajjiżi kompetituri.

MTA — Infiq fuq is-Sela Cup

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm nefqet l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) biex tisponsorja s-Sela Cup li saret fi Newcastle s-Sibt 5 u l-Ħadd 6 ta' Awwissu, 2023?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-nefqa kienet ta’ €1.7m li tinkludi kull attività u reklamar li sar f’St. James Park. It-tim Ingliż ta’ Newcastle United, it-tim Taljan tal-Fiorentina u Villareal ta’ Spanja, ħadu sehem f’din il-kompetizzjoni. Din in-nefqa ssarrfet f’valur ta’ reklamar għal pajjiżna li jlaħħaq is-€7m. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra preżentazzjoni b’aktar informazzjoni.

Ix-Xemxija — żona tal-ex Mistra Village - twaqqigħ u tqattigħ ta' trinek

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 10166 u jgħid għaliex iż-żona tal-eks Mistra Village x-Xemxija fejn għadhom għaddejjin ix-xogħlijiet, kienet eskluża mil-lokalitajiet turistiċi? Għalfejn din l-area Triq Raddett ir-Roti ma wasslitx sa tarf bħal kull triq oħra fil-lista, fejn mhux permess li jsir twaqqigħ u qtugħ ta’ trinek wara l-15 ta’ Ġunju?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, li ż-żona msemmija fil-mistoqsija tiegħu, ċioe’ fejn kien il-Mistra Village, m’għadux meqjusa bħala post turistiku .

Kalkara – Bajja tar-Rinella — xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9421, jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol li kellu jsir fil-Bajja tar-Rinella, fil-Kalkara, sarx?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħol imsemmi diġa’ beda u mistenni jitlesta fil-ġimgħat li ġejjin.

MTA – stabbilimenti liċenzjati f’Wied il-Għajn

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm stabbilimenti liċenzjati f’Wied il-Għajn mal-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta (MTA) biex joperaw bħala ristorant u kemm għalqu jew kellhom l-liċenzja tagħhom irtirata sal-aħħar ta’ Ġunju 2023?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

L-informazzjoni tingħata f’seduta oħra.

Ministeru għat-Turiżmu – konsulenti legali

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-konsulenti legali li jagħtu konsulenza lill-Ministeru tiegħu? Jista' jgħid ukoll min huma l-konsulenti legali ta' kull bord u entità li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Għal kull każ, jista’ jgħid minn meta ilhom jagħtu din il-konsulenza legali u kemm jitħallsu għaliha?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-individwi/kumpaniji li jagħtu konsulenza legali lill-entitajiet fi ħdan il-Ministeru.

Ministeru għat-Turiżmu – – membri ta’ bordijiet u entitajiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri preżenti kollha ta' kull bord u entità li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, inkluż iċ-Chairperson u s-Segretarju/a? Jista' jgħid x'inhi r-remunerazzjoni ta' kull persuna fil-bord jew entità rispettiva?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Persuni li attendew l-iscreenings tal-Mediterrane Film Festival

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni bbukkjaw biex jaraw l-iscreenings li ntwerew waqt il-Mediterrane Film Festival fl-iSpazju Kreattiv, fl-Embassy u fl-Eden Cinema, u kemm minnhom attendew u raw kull screening?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

L-informazzjoni tingħata f’seduta oħra.

Memorandum of Understanding

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar il-Memorandum of Understanding li l-individwu, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, iffirma fis-26 ta' Ġunju 2023 ma’ żewġ kumpaniji li d-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

L-informazzjoni tingħata f’seduta oħra.

Mediterrane Film Festival — memorandum of understanding

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopji tal-memorandum of understanding li ġew iffirmati mill-Kummissarju tal-Films Malti, fosthom dak mal-BOV, mal-Malta Enterprise u mal-Kummissarju tal-Films Ingliż, matul il-promozzjoni tal-Mediterrane Film Festival?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

L-informazzjoni tingħata f’seduta oħra.

Mediterrane Film Festival — spiża

Question

Jista’ l-Ministru jagħti break down dettaljat tal-ispiża totali għall-Mediterrane Film Festival li tinkludi lista tal-ismijiet ta’ kull persuna mistiedna mill-Kummissjoni Maltija tal-Films jew mill-Ministeru tiegħu u li tinkludi wkoll l-ispejjeż imħallsa minn fondi pubbliċi għal vjaġġar, akkomodazzjoni, trasport, ikel u xorb kif ukoll spejjeż oħra relatati għal kull persuna? Jista' jipprovdi break down finanzjarju għal kull nefqa li saret għas-serata tal-Gala Awards? Jista’ jippubblika lista sħiħa tal-ġurnalisti barranin li ġew mistiedna u r-rappurtaġġ li taw lil pajjiżna u jgħid jekk tali rappurtaġġ kienx imħallas ukoll u kemm? Jista’ wkoll jippubblika n-nefqa minn fondi pubbliċi f’forma ta’ break down finanzjarju għan-nefqa f’marketing li saret għal dan il-Festival?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

L-informazzjoni tingħata f’seduta oħra.

Spezzjonijiet fuq stabbilimenti f’Paceville u San Ġiljan

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 10431 u jgħid kemm saru spezzjonijiet fuq commercial outlets ġewwa Paceville u San Ġiljan minn Jannar 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, biex jaraw li dawn l-istabbilimenti qed jużaw il-kuntrattur privat għall-ġbir tal-iskart? Jista’ jgħid jekk kienx hemm min kien mingħajr dan il-kuntratt?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Filwaqt li nfakkar lill-Onor. Interpellant li l-ġbir ta’ skart kummerċjali mhix kompetenza diretta tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, ninfurmah li l-Awtorità għamlet ’il fuq minn 300 spezzjoni fil-lokalitajiet ta’ Paceville u San Ġiljan sabiex jiġi aċċertat li kull stabbiliment għandu kuntratt validu ma’ kollettur privat. Intbagħatet ittra ta’ twissija lil dawk l-istabbilimenti li ma kellhomx dan il-kuntratt sabiex dawn jirregolarizzaw ruħhom.

Tas-Sliema – arbli tad-dawl mal-promenade

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jiġu sostitwiti arbli tad-dawl li ilhom bil-ħsara għal ħafna xhur (ritratti tagħhom qed jintbagħtu separatament) b’oħrajn ġodda u installati arbli tad-dawl li huma neqsin matul il-promenade ta’ Tas-Sliema?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ġejt infurmat li saret diskussjoni bejn il-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema, it-TZRA u d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi dwar is-sitwazzjoni tad-dawl fix-xatt ta’ Tas-Sliema, fejn ġie miftiehem li jinbeda proġett pilota għaż-żona ta’ Għar id-Dud/Chalet. Fil-ġimgħat li ġejjin se jiġu installati 22 fanal ġdid.

Ministeru għat-Turiżmu — kuntratti mogħtija

Question

Jista' l-Ministru jagħti l-lista ta’ kuntratti, direct orders, kummissjonijiet u/jew ingaġġi oħra mogħtija mill-Ministeru tiegħu mis-26 ta’ Marzu 2022 sal-ġurnata ta’ meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Għal kull każ jista’ jagħti: a. id-data meta ngħata; b. l-iscope of supply u/jew ix-xogħol u/jew il-provista li jkopri; ċ. il-valur tiegħu; d. it-termini li fih iridu jsiru x-xogħlijiet; e. il-metodu ta’ proċedura ta’ xiri li ntuża; u f. x’kariga kellu l-uffiċjal pubbliku li awtorizza x-xiri?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Filwaqt li ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Contracting Authority tippubblika din l-informazzjoni fuq il-Gazzetta tal-Gvern għal kull procurement li jsir għal kull perjodu ta’ sitt xhur, skont ir-Regolament 111(2) tal-Public Procurement Regulations, biex tinġabar il-bqija tal-informazzjoni kif mitluba jinqabeż l-Advisory Cost Limit kif stabbilit minn rulings diġà mogħtija preċedentement.

Ministeru għat-Turiżmu — tenders dwar xogħol ta’ tindif, xogħol klerikali u xogħol ta’ sigurtà

Question

Jista' l-Ministru jipprovdi l-offerti tenders pubbliċi kollha aġġudikati u mirbuħa għax-xogħol ta' tindif, xogħol klerikali, xogħol ta' sigurtà, jew kwalunkwe xogħol estern ieħor li jsir minn aġenziji li ngħataw matul is-snin 2018, 2019, 2020, 2021, 2022 u 2023?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

L-informazzjoni tingħata f’seduta oħra.

SmartCity – Bini ta’ ITS Campus

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess biex toħroġ is-sejħa pubblika għall-bini ta' ITS Campus ġdid ġewwa SmartCity? Jista jgħid meta bejn wieħed u ieħor hu ppjanat li jibda x-xogħol ta' kostruzzjoni u li jitlesta dan il-proġett biex ikun jista’ jilqa’ fih l-ewwel studenti?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tender għandu jinħareġ sal-aħħar tas-sena. Ix-xogħol ta’ tħaffir jinsab fi stadju avvanzat ħafna, u l-kostruzzjoni mistennija tibda fl-ewwel nofs ta-sena d-dieħla. Qed jiġi proġettat li l-ewwel sena akkademika tibda f’Ottubru 2026.