Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — rata ta’ pagi lill-ħaddiema ta’ aġenziji tax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet ir-rata tal-paga fis-siegħa u l-kundizzjonijiet tax-xogħol imħallsa lill-ħaddiema kollha (elenkati skont ix-xogħol jew kif ġew ippubblikati l-offerti) li huma impjegati minn aġenzija tax-xogħol tal-kumpanija li ngħatat tender tal-gvern u jipprovdu servizz għall-Ministeru u l-awtoritajiet kollha, entitajiet tal-Gvern u kumpaniji tal-Gvern li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu għas-snin 2018, 2019, 2020, 2021, 2022 u 2023?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10188 tas-Seduta 139.

Mosta — bollards

Question

B’referenza għall-bollards forma ta’ ballun tal-irħam li tpoġġew fil-Mosta, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-permessi meħtieġa mill-Awtorità tal-Ippjanar għal dawn il-bollards li jikkonfermaw li dawn mhumiex ta’ periklu? Kemm hi l-ispiża ta’ dawn il-bollards? Ta’ min hi r-responsabbiltà u min qed jiffinanzja dawn il-bollards u liema entità qed terfa’ r-responsabbiltà dwar is-sigurtà?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’riferenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 10322 din għandha tiġi riferuta lill-Ministeru konċernat.

Mosta – proġett fil-pjazza

Question

B’referenza għall-proġett fil-pjazza tal-Mosta, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar pjanti aġġornati ta’ dan il-proġett? Jista’ jgħid kemm se jkun jiswa l-pavimentar tal-irħam li se jitqiegħed fuq il-bankini u min se jidħol responsabbli għall-ħlas ta' dan il-proġett, jekk hux l-Infrastructure Malta jew il-Kunsill Lokali tal-Mosta? Kemm hu n-numru ta’ parking bays li se jintilfu mill-pjazza fejn qiegħed isir dan il-proġett? Jista’ jgħid x’passi se jittieħdu biex fil-pjazza jiżdiedu parking bays ġodda biex jagħmlu tajjeb għal parking bays mitlufa?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’riferenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 10324 din għandha tiġi riferuta lill-Ministeru konċernat.

Promenade ta’ San Ġiljan – infurzar minn uffiċjali ta’ Transport Malta

Question

Fid-dawl li s-sajf magħna u l-promenade tibda tintuża aktar mir-residenti tagħna, fosthom anzjani, jista’ l-Ministru jagħti update fuq id-diskussjonijiet li kien qal li qegħdin isiru bejn il-Kunsilli Lokali dwar l-e-scooters? Jista’ jagħti update tal-inizjattivi li se jieħu biex il-promenade tkun post sigur biex ir-residenti jkunu jistgħu jimxu? Peress li f'diskussjoni preċedenti l-Ministru qal li se jkun hemm uffiċjali ta’ Transport Malta biex jaraw li jkun hemm infurzar, jista’ jikkonferma dan u fil-każ jista’ jgħid minn meta dawn se jkunu preżenti fuq il-promenade?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed isir infurzar minn Transport Malta b’iktar minn 240 escooters kunfiskati fl-ewwel 5 xhur ta' dis-sena u eluf ta’ ewro f’multi. Tajjeb li wieħed jirrimarka ukoll li dawn l-iscooters iddaħħlu f’pajjiżna mingħajr ma kien hawn l-infrastruttura adekwata. Kien għalhekk li l-kunsilli lokali talbu lill-TM tgħinhom biex isiru parkeġġi apposta, simili għal dak li sar f’San Ġwann u preżentatement f’Birkirkara, il-lokalitajiet ta’ San Ġiljan, Tas-Sliema, Pembroke, Gżira, u Ta’ Xbiex huma fuq quddiem. Il-Ministeru qed jikkunsidra it-tieni set ta’ bidliet leġislattivi wara li riċentament introduċa bidla li biha l-ekickscooters ġew kklasifikati bħala vettura bil-mutur, u allura l-uffiċjali kollha tal-infurzar jistgħu jieħdu azzjoni skond il-liġi u jinfurzaw ir-regolamenti kollha li jipartjenu mal-vetturi bil-mutur. Transport Malta kelmet lill-operaturi dwar l-illegalitajiet li qed naraw jiżdiedu kuljum issa li beda s-sajf: sewqan perikoluż, iktar minn passiġġier wieħed fuq escooter kontra l-liġi, scooters mitluqin bl-addoċċ u ħafna illegalitajiet oħra. B’hekk qed jiżdied ukoll l-infurzar u l-ispezzjonijiet fit-toroq kif rajna fil-media dan il-weekend stess.

Raħal Ġdid – Pjazza Antoine de Paule — xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsijiet parlamentari 1390, 1657, 2056, 2928, 4461, 5066, 5165, 6362, 8952 u 9165, issa li l-atti relattivi għaddew f’idejn il-Ministeru, jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi forma ta’ żvilupp fuq din is-sitwazzjoni li issa ilha pendenti s-snin u jindika meta ser jibda jsir ix-xogħol neċessarju fil-Pjazza Antoine de Paule, f’Raħal Ġdid?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’referenza għall-aħħar tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9165, l-istudju u testijiet qed jiġu konklużi għall-azzjonijiet segwenti mir-rakkomandazzjonijiet li jiżviluppaw.

Il-Gżira – Triq Tas-Sliema – traffic lights

Question

Jista' l-Ministru jara jekk hemmx possibbiltà li t-traffic lights ta' Triq Tas-Sliema, in-naħa tal-Gżira, li minnhom il-karozzi jaqsmu Rue d'Argens biex jitilgħu lejn il-Kappara, idumu ftit iżjed fuq l-aħdar biex iħallu l-karozzi joħorġu mill-Gżira, minħabba l-ammont ta' traffiku li qed jinġema’ jistenna fil-Gżira?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jekk jiżdied il-ħin fuq l-aħdar għal dik id-direzzjoni se jkollu jitnaqqas mid-direzzjonijiet l-oħrajn, li huma għandom ħafna iktar traffiku. Il-ħin totali tal-aħdar ma jistax jiżdied għax tonqos l-effiċjenza tal-junction.

Kottonera – ftuħ ta’ mina

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 10286 u 10120, li oriġinarjament saru lill-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet, peress li informat li tali proprjetà hija responsabbiltà tal-Awtorità tal-Artijiet, jista’ l-Ministru jikkonsidra li din il-mina tinfetaħ għall-pubbliku biex jitneħħa kull periklu għax qed nistennew xi diżgrazzja?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.

Reġistrazzjoni ta’ karozzi

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 10123 u jgħid kemm ġew reġistrati karozzi ġodda matul is-sena 2022, maqsuma xahar xahar?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif mitlub jinsab fit-tabella ta’ hawn taħt. 2022 NEW January 860 February 894 March 1290 April 1216 May 1456 June 1049 July 1367 August 1380 September 933 October 1103 November 1070 December 1039 13657

Bormla – Pjazza Gavino Gulia — tiswija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-ħsarat fit-triq Pjazza Gavino Gulia, f’Bormla, humiex se jkunu qed jissewwew, peress li t-triq niżlet u qed tkun ta’ periklu għas-sewwieqa li jipprovaw jevitaw it-tumbati li hemm?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’referenza għall-mistoqsija parlamentari 10580 din għandha tiġi riferuta lill-Ministeru kkonċernat.

Għajn Dwieli – kappella li hemm fil-Mina — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jitkompla x-xogħol fuq il-kappella żgħira li hemm fil-Mina ta’ Għajn Dwieli, kif ukoll meta se jitpoġġa lura l-bieb tal-ħadid li kien hemm?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’referenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 10581 din għandha tiġi riferuta lill-Ministeru kkonċernat.

Xemxija – bus shelter

Question

Billi l-bus shelter li hemm ħdejn il-Knisja tax-Xemxija jinsab fi stat ħażin ħafna, u wieħed jista’ jgħid li sar perikoluż għal min jużah, jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex dan il-bus shelter jinbidel b’wieħed modern?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 10603 din għandha tiġi riferuta lill-Ministeru kkonċernat.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — persuni li għandhom car allowance

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fil-Ministeru mmexxi minnu, kemm hemm persuni li bħalissa għandhom car allowance, xi grad huma, kemm hemm f’kull grad, kemm hi din l-allowance għal kull xahar u għal kull sena, għal kull wieħed minnhom?

Response (FARRUGIA, AARON)

Filwaqt li nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9592, ninformah li hemm 12-il persuna li huma intitolati għall-benefiċċju msemmi, bħala parti mill-kuntratt tagħhom, għax huma parti jew jaħdmu mas-Segretarjat.

Trasport Pubbliku – sewwieqa — defaults

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien inħarġu defaults għax sewwieqa tat-trasport pubbliku ma segwewx ir-rotta stabbilita?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn Novembru 2022 u Marzu ta’ din is-sena l-operatur tat-Trasport Publiku ġie nnotifikat li ġew innutati total ta’ 143 okkażjoni fejn xufiera ma segwewx ir-rotta hekk kif stipulata.

Forzi Armati ta’ Malta – departure u arrival ta’ drone fuq ibħra Maltin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk għad-departure’ u 'arrival' tad-drone li hu reġistrat taħt il-Forzi Armati ta' Malta li jagħmel xogħol ta' reconnaissance tal-ibħra Maltin, qiegħedx jingħalaq l-ispazju tal-ajru ta' Malta (ċirkonferenza ta' 37 kilometri) mill-ajruport ta' Malta? Jekk fl-affermattiv, veru li waqt dan il-perjodu l-ebda ajruplan ieħor ma jkun jista’ jagħmel 'departure' u 'arrival' qabel jagħmel id-'departure' u 'arrival' tad-drone?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ispazju tal-ajru ma jingħalaqx meta jkun qiegħed jintuża r-‘remotely piloted Aircraft’. Il-proċeduri applikabbli fuq l-ispazju tal-ajru Malti jiġu applikabbli l-istess meta jopera r-‘remotely piloted Aircraft’.

Birżebbuġa – ipparkjar ta’ e scooters

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx żoni riservati apposta għall-ipparkjar tal-e-scooters fil-lokalità ta' Birżebbuġa? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra pjanta li tindika fejn qegħdin dawn iż-żoni? Jista’ jgħid x'azzjonijiet jistgħu jittieħdu mill-Awtoritajiet jekk dawn l-e-scooters ma jkunux ipparkjati f'żoni riservati għalihom?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan is-servizz daħal f'pajjiżna fl-2019 mingħajr l-infrastrutrura ta' parkeġġi, u l-użu taghħom żdied drastikament fl-2021. Kien għalhekk li tlabt lill-awtorità biex il-kunsilli flimkien mal-operaturi jintroduċu dawn il-parkeġġi madwar Malta. Numru ta’ lokalitajiet popolari se jkollhom dawn il-parkeġġi fiż-żmien li ġej. Bħalissa qed isiru laqgħat mal-kunsilli flimkien mal-Assoccjazzjoni Kunsilli Lokali biex b'mod imminenti jibdew jiġu implimentati fil-lokalitajiet kollha tal-kunsill reġjonali tal-Lvant. Il-lokalità ta' San Ġwann diġà implimentat dawn il-parking bays u Birkirkara mistennija jkollha l-infrastruttura lesta dalwaqt, filwaqt li x-xogħol fil-lokalitajiet ta' Tas-Sliema, San Ġiljan u Pembroke se jibdew dalwaqt. Il-liġi Liġi Sussisdjarja 499.67 telenka x'jiġri f'istanzi fejn ikun hemm ksur tar-regolamenti relatati mal-ipparkeġġar, jiġifieri multi u anke istanzi fejn tali vetturi jistgħu jiġu mneħħija jekk jostakolaw t-traffiku kemm pedonali u anke le, jew ikunu t'ingombru. Rigward il-multi per se, ninforma lill-Onor. Interpellant li dawn huma regolati taħt il-Kap. 65, Ordinanza dwar ir-Regolamenti tat-Traffiku, fejn hemm elenkati diversi tipi ta' multi relatati ma' pparkjar ħażin, ostakli u t-tfixkil tal-fluss ħieles tat-traffiku.

Iż-Żurrieq – ipparkjar ta’ e-scooters

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx żoni riservati apposta għall-ipparkjar tal-e-scooters fil-lokalità taż-Żurrieq? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra pjanta li tindika fejn qegħdin dawn iż-żoni? Jista’ jgħid x'azzjonijiet jistgħu jittieħdu mill-Awtoritajiet jekk dawn l-e-scooters ma jkunux ipparkjati f'żoni riservati għalihom?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9692.

Heavy Vehicles, Lifters u Vannijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm heavy vehicles, lifters u vannijiet fid-dekasteru tiegħu u meta saret l-aħħar inspection biex jaraw humiex tajbin għat-triq?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fid-dekasteru hemm żewġ Hi-up trucks li wieħed minnhom mhux qed jopera/jaħdem u l-ieħor tressaq għall-VRT f’Jannar 2023, hemm pick up li tressaq għall-VRT f’Jannar 2023 u 10 vannijiet, inluż 3 mikrija li ġew imressqa għall-VRT bejn Novembru 2022 u Jannar 2023.

Infrastructure Malta — policy dwar sinjali tat-traffiku fit-toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-policy ta' Infrastructure Malta sabiex is-sinjali tat-traffiku fit-toroq kollha jiġu mogħtija ż-żebgħa/materjal ieħor sabiex jibqgħu jidhru?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta kontinwament tagħmel spezzjonijiet tat-toroq arterjali u distributorji biex fost l-oħrajn tara li fejn ikun hemm bżonn, isir “refreshing” tal-linji tat-triq. Il-policy ta’ Infrastructure Malta f’dan ir-rigward hija din: · F’toroq arterjali u distributorji jintuża materjal “thermoplastic” bi ħxuna ta’ madwar 2.3mm u li jservi sa 2 miljun passaġġ ta’ vetturi; · F’toroq mhux arterjali u distributorji (il-maġġor parti residenzjali) tintuża żebgħa tat-toroq normali “acrylic / alkyd” li tiflaħ sa 1 miljun passaġġ. · Fiż-żewġ każijiet il-materjal ikun skont l-istandard Ewropew EN 1436. · Regolarment isiru wkoll testijiet taż-żebgħa (“retroreflection” – vizibilita” billejl) li tkun ġiet applikata. Dawn isiru mil-Laboratorju akkreditat MCCAA u l-ħlas isir biss jekk tali testijiet jirriżultaw konformi mal-ispeċifikazzjoni.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali – Direct Orders

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw direct orders u kemm kien l-ammont totali tal-valur tagħhom, mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, matul l-2022, xahar b'xahar?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Contracting Authority tippubblika din l-informazzjoni fuq il-Gazzetta tal-Gvern għal kull procurement li jsir għal kull perjodu ta’ sitt xhur, skont ir-Regolament 111(2) tal-Public Procurement Regulations.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġett Kapitali — rwol ta' individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-individwu, li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatamen, huwiex membru fuq bord li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Ministru/Segretarju Parlamentari? Jekk iva, liema hu l-bord, x’inhu r-rwol ta’ dan l-individwu, x’inhuma l-kwalifiki li għandu biex ikun fuq il-bord imsemmi u kemm qed jitħallas fis-sena biex ikun fuq dan il-bord?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta hi fin-negattiv.