B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13364, jista' l-Ministru jgħid, ladarba nbidel il-pjan oriġinali, fejn kien se jinbena bus shelters fil-bus stop indikat 'Nutar' fin-Naxxar, hemm xi pjan ġdid sabiex isir bus shelter jew le?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lil Onor. Interpellant li skont ma jien infurmat mill-Awtorità tat-Trasport, li ma kien hemm l’ebda pjan li jsir bus shelter fuq bus stop li jġib l-isem Nutar (direzzjoni lejn iċ-ċentru tan-Naxxar).
Jista’ l-Ministru jikkonferma li l-Europa 11 (bastiment tal-Captain Morgan, li f’dawn il-jiem qed jintuża biex jinżammu persuni barranin fuqha ’l hinn mill-ibħra territorjali) hija liċenzjata bħala coaster għal raġunijiet ta’ sigurtà u għandha l-permess/liċenzja li tbaħħar sa 4 mili nawtiċi mill-kosta biss?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Awtorità tat-Trasport li l-bastiment Europa II huwa rreġistrat bħala workboat skont il-Kodici tan-Non Convention Vessels.
Jista’ l-Ministru jagħti r-rata ta’ ħlas għal kuljum għall-użu tal-Europa 11 li f’dawn il-jiem qed iżommu fuqu numru ta’ persuni barranin barra l-ibħra territorjali Maltin?
Bastiment – certification for the safety equipment
Question
Jista’ l-Ministru jikkonferma li s-certification for the safety equipment kollu fuq l-Europa 11 (bastiment tal-Captain Morgan) huwa skadut?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Awtorità tat-Trasport li l-bastiment huwa ċċertifikat b’Safety Equipment Certificate skont il-Kodici tan-Non-Convention Vessels
Jista’ l-Ministru jipprovdi l-lista tal-ekwipaġġ tal-bastiment Europa 11 li f’dawn il-jiem qed iżomm fuqu numru ta’ persuni barranin barra l-ibħra territorjali Maltin?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Awtorità tat-Trasport li l-bastiment huwa pprovdut b’erbgħa membri tal-ekwipaġġ, kif mitlub mill-Kodiċi tan-Non-Convention Vessels
Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn il-Gvern għamel charter tal-Europa 11 (bastiment tal-Captain Morgan) meta jeżistu bastimenti jew opri oħra tal-baħar li huma idonei u li kienu disponibbli?
Jista' l-Ministru jippreżenta organigramma tal-awtoritajiet/entitajiet kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu? Mingħajr ma jindika l-ismijiet tal-persuni li jokkupaw il-kariga rispettiva tagħhom, jista' ħdejn kull kariga jindika l-iskala pubblika jew l-ekwivalenza tal-iskala pubblika għal dik il-kariga?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.
Jista' l-Ministru jgħid:
a. Kemm artijiet ġew jew qegħdin fil-proċess li jiġu esproprjati mill-Gvern, sena b'sena, mill-2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija;
b. F'liema lokalitajiet f'Malta u Għawdex jinsabu l-artijiet esproprjati;
c. Dwar l-użu li sar jew ser isir minn kull waħda minn dawn l-artijiet;
d. Kemm minn dawn l-artijiet hemm litigazzjoni dwarhom; u
e. Liema minn dawn l-artijiet għad fadal ħlas pendenti fuq prezzhom?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.
Jista’ l-Ministru jagħti rendikont dettaljat tax-xogħol u l-proġetti li qed taħdem fuqhom bħalissa Projects Malta?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara li f’Jannar li għadda kien hemm bidla fil-Ministeri, Projects Malta ma baqgħetx taqa’ taħt il-Ministeru tat-Turiżmu iżda waqgħet taħt il-Ministeru li tiegħu jien responsabbli. Bħalissa għaddejin b’diskussjonijiet sabiex ikun stabbilit liema ser ikunu dawk il-proġetti li Projects Malta Limited se tkun qed tiffoka fuqhom fiż-żmien li ġej.
Jista’ l-Ministru jindika jekk hux ser isiru t-tiswijiet meħtieġa fuq binjiet li hemm fiż-żona magħrufa bħala “Id-Dahar” li tiġi l-ġewwa mit-Torri l-Aħmar biswit ir-Radar Station? Dawn il-binjiet li ilhom abbandunati għal numru ta’ snin qed ikunu dejjem kaġun ta’ abbużi varji apparti li qegħdin fi stat infrastrutturali kkundannat u allura huma ta’ periklu kbir?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-mistoqsija għandha ssir lill-Ministru kkonċernat.
Tender for the Construction and Resurfacing of Residential Roads in Various Localities in Malta — xogħlijiet
Question
B'referenza għat-tender IM009/2019 Tender For The Construction And Resurfacing Of Residential Roads In Various Localities In Malta li kienet maqsuma fuq sitt lottijiet, jista' l-Ministru jagħti lista ta' toroq li nbeda xogħol fuqhom minn kull lott s'issa? Jista' jgħid ukoll it-toroq li tlesta ix-xogħol fuqhom minn kull lott s'issa, u kif ukoll it-toroq minn kull lott li se jinbeda ix-xogħol fuqhom fil-ġimghat li ġejjin?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-titjib fl-infrastruttura ta’ pajjiżna jinsab fuq quddiem nett tal-ħidma ta’ dan il-Gvern. Dan l-impenn qed jitwettaq permezz ta’ pjan ta’ ħidma b’investiment bla preċedent biex fis-snin li ġejjin inkomplu ntejbu l-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq fil-pajjiż. Dan il-pjan qed jiġi mwettaq b’mod gradwali, iżda mingħajr telf ta’ ħin, sabiex nilħqu din il-mira mill-aktar fis.
Bħala parti minn dan il-pjan, Infrastructure Malta bħalissa qed twettaq ħafna proġetti biex ittejjeb is-sigurezza u s-sostenibilità tas-sistema tat-toroq ewlenin, toħloq infrastruttura ta’ kwalità u ambjent aħjar fit-toroq residenzjali f’kull lokalità u tibni mill-ġdid ukoll ħafna toroq sekondarji oħra, fosthom kilometri ta’ toroq rurali fil-kampanja. Dan l-investiment diġa qed iħalli l-frott mixtieq, b’għexieren ta’ toroq residenzjali mibnija mill-ġdid u b’ħafna proġetti ta’ titjib fit-toroq ewlenin tas-sistema tat-trasport bl-art f’pajjiżna.
Is-sena li għaddiet Infrastructure Malta bniet mill-ġdid aktar minn 130 triq residenzjali f’għadd ta’ lokalitajiet differenti. Waqt li eluf ta’ familji li joqogħdu f’dawn il-130 triq diġà qegħdin igawdu minn ambjent aħjar barra minn djarhom, bħalissa għaddejin xogħlijiet f’ħafna toroq residenzjali oħra. Uħud minnhom dalwaqt ikunu lesti. Hemm ikkuntrattati wkoll il-bini mill-ġdid ta’ 150 triq oħra għax-xhur li ġejjin.
Mit-toroq li qed issir referenza għalihom tlestew Triq ir-Rand f’Ħaż-Zabbar, Triq Madre Tereża u Triq Riħ tal-Barriera fl-Imġarr, Triq Dun Gulio Muscat u Triq id-9 t' April f’Ħal Luqa, Sqaq il-Mejda fil-Qrendi u Triq il-Magħtab fin-Naxxar.
Inbdew ukoll u għadhom għaddejjin ix-xogħlijiet fi Triq il-Wied fl-Iklin, Triq Ugo Mifsud u Triq Hanibal Preca f’Ħal Lija, Triq Santa Monika f’Tal-Pietà, Triq G Despott u Triq San Franġisk f’San Ġwann, Triq il-Blata l-Kaħla f’Santa Venera, Triq il-Kunċizzjoni l-Isla, Trejqet Francesco Chircop, Triq il-Kapuċċini u Triq il-Ġir fil-Kalkara, Triq Ħaż-Żabbar fix-Xgħajra, Triq Francis X Attard f’Ħaż-Żabbar, Triq il-Faqqus u Triq Bugħarbiel fiż-Żejtun, Triq il-Pellegrinaġġ f’Bormla, Triq Razzett l-Aħmar u Triq Michael Fsadni fl-Imtarfa, Triq Rużar Briffa fil-Mosta, Triq Martin Luther King f’Pembroke, Triq Luigi Preziosi f’San Pawl il-Baħar, Triq it-Tomna u Triq ir-Ratal fis-Swieqi, Triq id-Dejqa, Triq Joseph Pace u Triq Santa Katerina fil-Gudja, Triq Ċensu Bugeja fil-Ħamrun, Triq San Ġwann f’Ħal Safi, Triq iż-Żnuber f’Santa Luċija, Triq il-Ħali f’Ħaż-Żebbuġ u side road fi Triq il-Wied fiz-Żurrieq, Triq il-Bzulija u Triq il-Mużbieh f’Birżebbuġa.
It-toroq l-oħrajn li se jibda x-xogħol fihom fiż-żmien li ġej huma Triq Ta’ Żwejt f’San Ġwann, Triq il-Marsa fil-Marsa, Triq il-Wied f’Raħal Ġdid, Triq l-Ispnott, Triq l-Iskola u Triq il-Fortizza tal-Grazzja fix-Xgħajra, Triq in-Naħla f’Ħaż-Żabbar, Sqaq Barċllona fiż-Żurrieq, Sqaq il-Ħofra f’Ħal Għargħur, Xagħra tal-Knisa fl-Imġarr, Triq Madre Tereża Spinelli fil-Mosta, Triq San Patrizju, Triq Pelagio Mifsud, Triq Guzeppi Letard, Triq Odurec Grima u Triq Patri Serafin Zarb f’Pembroke, Triq l-Iskultura fir-Rabat, Triq Ġużeppi D'Arena, Triq tal-Qattus, Triq G Hernandez u Triq l-Ewwel ta' Jannar f’Ħal Għaxaq, bejn Triq Joseph Gravina u Triq Ħal Għaxaq fil-Gudja, Triq Gorg Martin fl-Imqabba, triq ġdida fi Triq Andrew Cunningham f’San Pawl il-Baħar, Triq Sant'Anna fil-Qrendi, Triq Ġużepp Delia u Triq it-Tiġrija fis-Siġġiewi, Triq il-Midra Bubaqra fiż-Żurrieq.
Din il-ħidma ta’ titjib fit-toroq tagħna se tibqa’ għaddejja bla heda, sena wara l-oħra, sabiex niksbu l-infrastruttura ta’ kwalità li kapaċi tixpruna b’mod sostenibbli l-progress soċjali u ekonomiku tal-familji u n-negozji f’Malta.
Tender 'CfT Title: IM015/2019 Tender for the project management services for the deep water quay project (phase 2)
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma r-raġunijiet li t-tender 'CfT Title: IM015/2019 Tender for the project management services for the deep water quay project (phase 2)' ġiet ikkanċellata f'dawn l-aħħar ġranet? Jista' jgħid x’inhuma l-passi li ser jieħu l-Ministeru tiegħu dwar din it-tender u jekk hux ser terġa’ tinħareġ?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta qed taħdem fuq pjanijiet sabiex fis-snin li ġejjin, permezz ta’ proġetti differenti b’investiment li jaqbeż il-€200 miljun, tkompli ttejjeb il-kwalità u s-sostenibilità tal-Port il-Kbir.
Permezz ta’ dawn l-investimenti, l-aġenzija qed taħdem sabiex il-Port il-Kbir ikollu faċilitajiet aħjar għall-industriji differenti li jużawh għall-operat tagħhom. Fost oħrajn, qed jiġu ppjanati proġetti ta’ tħammil ta’ qiegħ il-baħar sabiex partijiet differenti tal-Port ikunu aktar aċċessibbli għal vapuri akbar, u sabiex jitneħħa materjal kontaminat li nġema’ f’qiegħ il-baħar matul is-snin. Proġett importanti ieħor huwa t-tisħiħ u tkabbir tal-mollijiet tax-Xatt ta’ Pinto u x-Xatt ta’ Lascaris, li jintużaw mill-industrija tal-cruise liners u vapuri oħra. Għaddejjin ukoll pjanijiet għall-bini ta’ moll ieħor fiż-żona ta’ Ras Ħanżir. Intervent ewlieni ieħor li qed ikun ippjanat huwa biex isiru strutturi taħt l-ilma li jtaffu l-qawwa tal-mewġ ħalli l-Port ikun aktar kenni.
Fl-istess waqt, għaddejjin ukoll it-tħejjijiet għat-tieni fażi tal-proġett fix-Xatt l-Għassara tal-Għeneb (Deep Water Quay) sabiex ikompli jinbena mill-ġdid b’faċilitajiet aħjar għall-vapuri. Is-sejħa għall-offerti indikata fil-mistoqsija, u li nħarġet għal uħud mis-servizzi meħtieġa għal dan il-proġett, kellha titħassar minħabba li l-irħas offerta ma kinitx konformi mar-rekwiżiti mitluba filwaqt li l-prezzijiet offruti fis-sottomissjonijiet l-oħra kienu għoljin wisq meta mqabbla mal-istima oriġinali għal dan ix-xogħol. Infrastructure Malta għaddejja b’diskussjonijiet mal-entitajiet konċernati sabiex tagħżel l-aħjar triq ‘il quddiem ħalli dan il-proċess t’akkwisti għas-servizzi meħtieġa għal dan il-proġett ikun jista’ jitkompla fiż-żmien li ġej.
Sadanittant, il-Gvern m’huwiex jaħseb biss fit-titjib tal-faċilitajiet ta’ dan il-port, iżda qed jaħdem sabiex inaqqas kemm jista’ jkun l-impatt tal-operat tiegħu fuq l-ambjent, fuq il-kwalità tal-arja u fuq il-kwalità tal-ħajja tar-residenti fil-lokalitajiet tal-madwar. Fil-fatt, aktar kmieni din is-sena Infrastructure Malta ħabbret proġett ta’ €49.9 miljun biex il-vapuri tal-passiġġieri (cruise liners) u dawk li jġorru vetturi u nġenji oħra (Ro-Ro ships) jibdew jirċievu provvista tal-elettriku minn max-xatt minflok jużaw il-magni tagħhom, u b’hekk inaqqsu b’aktar minn 90% t-tniġġis tal-arja li jikkaġunaw waqt li jkunu rmiġġjati fil-Port il-Kbir.
Il-Grand Harbour Clean Air Project jinkludi l-iżvilupp tal-infrastruttura meħtieġa biex twassal is-servizz tal-elettriku lill-vapuri tal-passiġġieri, u eventwalment bastimenti oħrajn, biex ikunu jistgħu jitfu l-magni tagħhom li jaħdmu bil-gass jew bil-heavy fuel oil. Minflok iqabbdu mas-sistema għall-provvista tal-elettriku li se jkun hemm fuq ix-xatt sabiex iħaddmu l-bqija tal-makkinarju għas-servizzi kollha li jkun hemm bżonn jipprovdu waqt li jkunu weqfin fil-port.
L-ewwel minn żewġ fażijiet ta’ dan il-proġett tinkludi investiment ta’ €37 miljun biex sal-2023 jkunu attrezzati b’din is-sistema (magħrufa bħala cold ironing) l-ħames mollijiet prinċipali li jintużaw mill-vapuri tal-passiġġieri. It-tieni fażi mbagħad se testendi l-proġetti għal żewġ mollijiet oħrajn, li jintużaw ukoll mill-bastimenti li jġorru vetturi u nġenji oħra.
Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali – teleworking
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru talbiet għal teleworking minn ħaddiema fi ħdan il-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali u fi ħdan l-entitajiet u l-awtoritajiet li jaqgħu taħtu min-nhar l-20 ta' Frar 2020 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' l-Ministru jindika l-grad u l-kariga li jokkupa kull wieħed mill-imsemmija ħaddiema? Jista' l-Ministru jgħid kemm minn dawn it-talbiet ġew milqugħa, kemm ġew miċħuda u kemm għadhom pendenti?
Response (BORG, IAN)
Direttiva 13 tisħaq li, f’dawn iċ-ċirkostanzi ta’ COVID-19, xogħol li jista’ jsir remotament isir hekk. Din mhix kwistjoni ta’ talbiet formali, imma ta’ arranġament biex titrażżan l-imxija msemmija.
Jista' l-Ministru jgħid liema entità fi ħdan il-Ministeru tiegħu kkuntrattat l-użu tal-bastiment Europa 11 f’dawn il-jiem biex iżommu fuqu numru ta’ persuni barranin barra l-ibħra territorjali Maltin? Jista' jikkonferma li kienet direct order?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lil Onor. Interpellant li skont ma jien infurmat, l-Awtorità tat-Trasport f’Malta qatt ma kienet responsabbli għal kummisjoni tal-bastiment Europa 11
Kuntratt tal-bastiment li qed iżomm persuni barranin
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ kuntratt sar (eż. time charter) għall-użu tal-bastiment Europa 11 biex f’dawn il-jiem inżammu fuqu numru ta’ persuni barranin barra l-ibħra territorjali Maltin?
Response (BORG, IAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari 14196 tal-istess seduta.
COVID-19 — Kirjiet ta' proprjetà pubblika – tħaffif
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk jeżistux kirjiet ta' proprjetà pubblika lil negozji, entitajiet privati jew volontarji jew inkella persuni privati, li jaqgħu taħt ir-responsabiltà tiegħu? Jekk iva jista' l-Ministru jgħid jekk għandux pjanijiet biex il-piż ta' dawn il-kirjiet jitħaffef minn fuq il-kerrejja sakemm itul l-effett ta' COVID-19? Jekk iva, jista' jagħti d-dettalji ta' dawn il-pjanijiet?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul dawn l-aħħar ġimgħat il-gvern nhieda numru ta' skemi ta' appoġġ ekonomiku biex jipproteġi l-impjiegi, in-negozji u dawk li jaħdmu għal rashom. F'dan l-istadju l-Awtorità tal-Artijiet qedgħha tiddiskuti f’ħidma wiesa fi ħdan il-Gvern.
Birżebbuġa – Wied il-Buni – xogħlijiet fuq slipway
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol ta’ slipway f'Wied il-Buni Birżebbuġa li jġib in-numru tal-permess PA 01480/18 sarlux xi tibdil minn dak approvat fl-istess permess?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lil Onor. Interpellant li skont ma jien infurmat mill-Awtorita’ tat-Trasport, kien hemm xi tibdil fix-xogħol li qed isir fuq l-islipway f'Wied il-Buni f’Birżebbuġa li jġib in-numru tal-permess PA 01480/18.
Jista' l-Ministru jikkunsidra li l-permessi tal-Awtorità tal-Artijiet għas-sena 2020 jiġu waived għall-istabilimenti u operaturi kollha fil-qasam tat-turiżmu f'Għawdex u dan in vista tal-fatt li prattikament din is-sena dawn l-istabilimenti u operaturi mhux ser jaħdmu kif ukoll in vista tal-fatt li nofs l-ekonomija ta' Għawdex tiddependi fuq it-turiżmu (ferm aktar minn Malta) u jekk dan is-settur ma jerġax jieħu r-ruħ se jkun hemm problemi kbar fl-ekonomija Għawdxija?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul dawn l-aħħar ġimgħat il-Gvern nieda numru ta' skemi ta' appoġġ ekonomiku biex jipproteġi l-impjiegi, in-negozji u dawk li jaħdmu għal rashom. F'dan l-istadju l-Awtorità tal-Artijiet qiegħda tiddiskuti f’ħidma wiesa fi ħdan il-Gvern.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt inkluż id-dokumenti u l-pjanti kollha li jinsabu mehmuża miegħu u li permezz tiegħu l-Gvern Malti ttrasferixxa lill-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina l-art li tinsab f'Pembroke sabiex tintuża għall-bini ta' ambaxxata ġdida tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina f'Malta?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kuntratt li qed jirreferi għalih jinsab diġà fid-dominju pubbliku, peress li hu att pubbliku li ġie ppubblikat minn nutar. Minbarra hekk, il-kuntratt mal-Gvern Ċiniż kien ġie approvat mill-Kamra tad-Deputati nhar id-9 ta’ Frar 2015, jiġifieri qabel ġie ffirmat, fejn dakinhar l-Oppożizzjoni ssekondatu u qablet unanimament miegħu.