Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ċentri tas-Saħħa - Ħinijiet tal-ftuħ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi pjan li jiżdiedu l-ħinijiet tal-ftuħ (extended hours) fiċ-ċentri tas-saħħa?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li hemm pjan li jiżdiedu l-ħinijiet tal-ftuħ (extended hours) fiċ-ċentri tas-saħħa tal-Gżira u Ħal-Qormi ġewwa Malta u r-Rabat Għawdex.

Ċentri tas-Saħħa - Ħin ta’ stennija għal General Practioners

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hi l-medja tal-ħin ta’ stennija biex pazjent jara General Practitioner f’kull ċentru tas-saħħa ewlieni?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirrferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet tal-Mistoqsijiet Parlamentari 33420, 33421, 33422 u 33423. Il-ħinijiet ivarjaw u kull jum jiddependi kemm f’ħin partikolari tal-ġurnata ikun hemm pazjenti li jirrikorru fiċ-Ċentru tas-Saħħa u l-gravità ta’ kull każ. Sabiex ngħinu lill-pazjenti jkunu jafu kemm ser ikun il-ħin ta’ stennija fiċ-Ċentru tas-Saħħa, inħolqot il-websajt li turi l-ħin attwali f’dak il-mument.  Il-websajt Ħinijiet ta' Stennija Stmati għall-kliniċi walk-in tat-Tabib tal-Familja fiċ-Ċentri tal-Kura tas-Saħħa Primarja - The Department.  Kopja ta’ din il-websajt qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Problema ta’ stigma kontra perusni b’mard mentali

Question

Jista’ l-Ministru jispjega kif qed tiġi indirizzata l-problema ta’ stigma kontra persuni b’mard mentali u jgħid jekk hemmx kampanji edukattivi jew preventivi fis-soċjetà u fl-iskejjel?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-problema tal-istigma qed tiġi indirizzata permezz ta’ tisħiħ tal-kwalità tal-kura, sabiex aktar persuni jħossuhom komdi jersqu għall-għajnuna. Qed isir enfasi fil-mod kif jiġu ppjanati s-servizzi, biex ma jsir l-ebda distinzjoni bejn mard fiżiku u mard mentali. Fil-fatt, il-futur tal-kura akuta fil-psikjatrija huwa ippjanat li jsir fl-Isptar Mater Dei. Qed jkun hemm parteċipazzjoni regolari tal-membri tad-Dipartiment tal-Psikjatrija f’programmi fil-midja, bil-għan li jżidu l-għarfien pubbliku dwar il-problemi tas-saħħa mentali.

Linji ta’ Emerġenza 24/7 u servizzi ta’ Crisis Intervention għal persuni bi problemi tas-saħħa mentali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx linji ta’ emerġenza 24/7 u servizzi ta’ crisis intervention għal persuni bi problemi ta’ saħħa mentali, u kemm pazjenti użawhom fl-2023 u fl-2024?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-helpline 1579 jaħdem 24/7. F’każ ta’ emerġenzi psikjatriċi, l-ambulanza tintbagħat fuq il-post skont il-ħtieġa. Infurmat li fis-sena 2024 kien hemm 9,830 telefonata fuq il-helpline 1579. Għar-rigward is-sena 2023, nirreferi lill-Onor. Interpllant għat-tweġiba tal-PQ 14432.

Basic Specialist Trainee Doctors – Mhux ingaġġati jew rifjutati – Sena 2025

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tobba, jew li huma ċittadini Maltin, jew ċittadini ta’ pajjiż fl-Unjoni Ewropea jew oħrajn minn pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea, li applikaw bħala Basic Specialist Trainee Doctors fl-2025 u għadhom ma ġewx ingaġġati jew kienu rifjutati, u x’kienu r-raġunijiet?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-Ministeru għas-Saħħa u Anzjanita’ Attiva rċieva 396 applikazzjoni għall-BST fit-12-il speċjalità. 121 ġew appuntati bħala Basic Specialist Trainees. Għandu jiġi nnutat li l-applikanti japplikaw għal aktar minn speċjalità waħda. Ir-raġunijiet għala ma ġewx magħżula huma: minħabba ma jissodisfawx il-kriterji tal-għażla, l-applikant jirtira l-applikazzjoni, assenti u jew ma kkwalifikawx.

Basic Specialist Trainee Doctors – Mhux ingaġġati jew rifjutati – Sena 2024

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tobba, li huma jew ċittadini Maltin, jew ċittadini ta’ pajjiż fl-Unjoni Ewropea jew oħrajn minn pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea, li applikaw bħala Basic Specialist Trainee Doctors fl-2024 u għadhom ma ġewx ingaġġati jew kienu rifjutati, u x’kienu r-raġunijiet?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-PQ 32152.

Basic Specialist Trainee Doctors – Mhux ingaġġati jew rifjutati – Sena 2023

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tobba, li huma jew ċittadini Maltin, jew ċittadini ta’ pajjiż fl-Unjoni Ewropea jew oħrajn minn pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea, li applikaw bħala Basic Specialist Trainee Doctors fl-2023 u għadhom ma ġewx ingaġġati jew kienu rifjutati, u x’kienu r-raġunijiet?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-PQ 32152.

Sptar Mater Dei - Medical wards - Nuqqas ta’ infermiera

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif qed jindirizza l-problema ta’ nuqqas  ta’ infermiera fis-swali tal-Isptar Mater Dei, speċjalment fil-medical wards?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li f’Settembru li għadda, ġew ġew ingaġġati 94 il-infermier ġewwa Mater Dei, fejn 66 minhom huma bażi full-time u l-kumplament fuq bażi part-time.  Dawn qed joffru is-servizz tagħhom skont l-esiġenzi tas-servizz.

Ambulanzi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ambulanzi kienu qed jintużaw matul is-sena 2025, maqsuma xahar b’xahar?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fl-Isptar Mater Dei jintużaw 11-il ambulanza u fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex jintużaw 6 ambulanzi. Ngħarraf ukoll, li aktar kmieni dan ix-xahar,  ġew intrpdotti sitt vetturi ġodda ta’ rispons rapidu, li se jżidu s-servizz tal-pre-hospital care b’aktar mid-doppju.

Sptar Ġenerali ta’ Għawdex - Tenders għal rilokazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar it-tenders għar-rilokazzjoni tal-anzjani, tal-ħaddiema u ta’ servizzi fil-parti tat-tramuntana tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li t-tender għar-rilokazzjoni tal-anzjani ġie konkluż iżda ma kien hemm l-ebda offerta li laħqet il-kriterji meħtieġa. Qegħdin naħdmu sabiex toħroġ tender aġġornata. Madanakollu, il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva qed jaħdem flimkien mal-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar sabiex anzjani li jistgħu jgħixu fil-komunita’ jiġu relokati permezz ta’ kuntratti eżistenti. Fir-rigward ta’ ħaddiema u servizzi oħra li jinsabu fil-parti tat-tramuntana tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, dawn se jiġu rilokati skont pjan integrat ta’ żvilupp tal-kampus tal-isptar, li jinkludi l-użu ta’ binjiet eżistenti li se jiġu rinnovati kif ukoll binjiet ġodda li huma ppjanati. Dawn il-miżuri qed jittieħdu sabiex tiġi żgurata kontinwità tas-servizz, użu aktar effiċjenti tal-ispazju u titjib fl-infrastruttura tas-servizzi tas-saħħa f’Għawdex.

L-Isptar Mount Carmel – faċilitajiet ġodda jew proġetti ta’ modernizzazzjoni għas-servizzi tas-saħħa mentali

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar il-faċilitajiet ġodda jew proġetti ta’ immodernizzar ippjanati għas-servizzi ta’ saħħa mentali, inkluż il-proġett ta’ wards ġodda fl-Isptar Mater Dei jew refurbishments tal-Isptar Mount Carmel?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li bħalissa għadejjin diversi xogħlijiet fl-isptar Monte Carmeli fosthom; retrofitting u refurbishment fi block 1 li se jakkomoda 46 sodda. Fi block 2 u block 8 se jibdew xogħolijiet ta’ structural alterations kif ukoll upgrade fil-wards ta’ block 8 li jinkludu tibdil tal-kmamar kollha tal-banju.  It-training centre eżistenti se jiġi konvertit fi swali għal konvenjenza ta’ aktar pazjenti.  Fi block 2 se jsir ukoll tibdil tal-kmamar tal-banju. Fi block 5 f’ward 2 bdew xogħlijiet ta’ finishings. Ser isir ġnien ġdid għall-pazjenti minuri. Fl-istess blokka tal-YPU qed isir tibdil tal-kmamar tal-banju. Dawn aparti xogħlijiet strutturali oħra f’diversi blokkok madwar l-isptar.

Baġit allokat għal servizzi tas-saħħa mentali fl-2025

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-baġit allokat għas-servizzi tas-saħħa mentali fl-2025 u kif inbidel dan il-baġit meta mqabbel mal-aħħar ħames snin?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li baġit allokat għas-servizzi tas-saħħa mentali fl-2025 hu kif jidher fl-Estimi Ġenerali li kopja tiegħu diġa tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra. Kull baġit allokat fis-snin imgħoddija dejjem dehru fl-Estimi Ġenerali tas-sena relevanti. Dawn ukoll tpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Strateġija Nazzjonali tas-Saħħa Mentali – riżultati konkreti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk Malta għandhiex Strateġija Nazzjonali ta’ Saħħa Mentali, u jekk iva, x’riżultati konkreti nkisbu s’issa?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li Malta, mhux talli għandha Strateġija Nazzjonali Dwar is-Saħħa Mentali, talli din qed tiġi implementata b’mod attiv u kontinwu. Din l-istrateġija, li hija mfassla fuq perjodu ta’ għaxar snin, hija mibnija fuq approċċ komprensiv li jagħti prijorità lill-kura fil-komunità, lill-prevenzjoni, u lill-integrazzjoni tas-servizzi tas-saħħa mentali. F’dan il-kuntest ta’ kura fil-komunità ser jinħolqu It-tliet Kliniċi Reġjonali ġodda għas-Saħħa Mentali. Il-miżuri li qed jiġu implimentati jinkludu t-tisħiħ tat-timijiet multidixxiplinari, l-iżvilupp u t-twessigħ ta’ servizzi speċjalizzati, kif ukoll inizjattivi mmirati lejn il-promozzjoni tal-benessri mentali tul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja. L-għan prinċipali ta’ din l-Istrateġija huwa li s-settur tas-saħħa mentali jkompli jissaħħaħ b’mod sostenibbli, inklużiv u effettiv, b’rispons għall-ħtiġijiet li qed jinbidlu tas-soċjetà. Bħalissa qed jiġi implimentat programm estensiv ta’ rinnovar fl-isptar Monte Karmeli. Fl-istess waqt kien hemm żieda fin-numru ta’ professjonisti mediċi biex issaħħaħ il-kapaċità tas-servizz u tiżgura kontinwità ta’ kura ta’ kwalità.

Il-Qasam Pubbliku - Appuntament ma’ psikjatra jew psikologu – medja ta’ żmien ta' stennija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-medja ta’ żmien ta’ stennija għal pazjent li jkollu appuntament għall-ewwel darba ma’ psikjatra jew psikologu fil-qasam pubbliku?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li każijiet urġenti jiġu evalwati u appuntamenti jingħataw fl-iqsar żmien possibbli skont il-ħtieġa klinika. Barra minn hekk, pazjenti li jkunu qed jiġu discharged mill-Isptar Mater Dei, mill-Isptar Monte Carmeli u miċ-Ċentri ta’ Trattament fil-Komunità jew mis-servizz tal-Crisis Resolution and Home Treatment jiġu segwiti fil-komunità skont l-istruzzjonijiet tal-konsulent li jkun qed jawtorizza id-discharge tal-pazjent. Ninsab infurmat ukoll li fir-rigward tal-ewwel stennija f’każ li ma jkunx ikkunsidrat tali, il-medja ta’ żmien ta’ stennija għall-ewwel appuntament ma’ psikjatra hija ta’ madwar tliet xhur. Fir-rigward tas-servizzi tal-psikoloġija fil-Kliniċi tas-Saħħa Mentali fil-Komunità, il-perjodu ta’ stennija għall-ewwel appuntament bħalissa jvarja bejn erba’ u tmien ġimgħat. Eċċezzjoni hija l-Klinika tas-Saħħa Mentali ta’ Ħal Qormi, fejn bħalissa hemm perjodu ta’ stennija sa massimu ta’ tnax-il ġimgħa; dan huwa mistenni li jitnaqqas u jerġa’ jiġi allinjat għal madwar tmien ġimgħat matul ix-xahar li ġej.