Legislature:
Category:
Reset
Active:

ħaddiema li tilfu fondi mill-Unjoni Ewropea

Question

Jista' l-Ministru jgħid bejn 2006 u 2011, kemm raħħala/bdiewa/sajjieda, tilfu/tnaqsulhom fondi mill-Unjoni Ewropea, settur settur? Fejn kien jidher li dawn il-flus setgħu jintilfu, għaliex dawn il-bdiewa/raħħala/sajjieda/produtturi ma ġewx mgħejjuna sabiex dawn il-fondi tal-Unjoni Ewropea, flok jintilfu jgħaddu għand is-setturi rispettivi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill- Onor.Interpellant jiċċara l-mistoqsija tiegħu peress li mhuwiex ċar għal xhiex qed jirreferi

fondi tal-Unjoni Ewropea għall-biedja u sajd

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm iktar flus li nistgħu nieħdu bħala pajjiż mill-fondi tal-Unjoni Ewropea għall-biedja u sajd sakemm jiġi biex jagħlaq il-ftehim preżenti? Jista' jgħid f'liema settur hemm probabilità li jkollna opportunità napplikaw għal dawn il-fondi settur b'settur?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor.Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari nru.34654.

Applikazzjoni Miżura 121

Question

Peress li fis-16 ta' Diċembru 2011 għalqet l-aħħar Applikazzjoni għall-Miżura 121, jista' l-Ministru jgħid meta l-applikanti se jkunu jafu min ikwalifika għal dawn il-fondi għal kull settur rispettiv?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li preżentement qiegħdin isiru l-verifiki meħtieġa fuq it-talbiet imressqa u huwa mistenni li min jikkwalifika jkun infurmat b’dan fix-xhur li ġejjin.

Importazzjoni tas-Soya

Question

Jista' l-Ministru jara għaliex l-importatur tas-soya, li tifforma parti sostanzjali sa' 25 % mill-gwież tal-majjali, għolla l-prezz tagħha minn €420-il tunnellata għall-€500-il tunnellata, meta hija l-istess soya li ġiet impurtata madwar xahrejn ilu u li minnha ilhom jixtru l-produtturi għal dawn l-aħħar xahrejn, u mhux xi konsenja ġdida mixtrija bi prezz aktar għola? Jista' jara x'ikkaġuna din iż-żieda fil-prezz?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nistieden lill-Onorevoli Interpellant jressaq il-mistoqsija tiegħu lill-Onorevoli Ministru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u l-Konsumatur li huwa responsabbli għall-Kompetizzjoni u Affarijiet tal-Konsumatur.

Monument tal-Gwerra — eternal flames

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew jiswew l-eternal flames li hemm biswit il-Monument tal-Gwerra?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nistieden lill-Onorevoli Interpellant iressaq din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Onorevoli Prim Ministru.

konsum ta’ gass

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu stmat li huwa l-konsum ta’ gass f'kilogrammi (Kg) kuljum?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Mhux ċar għalxiex qed jirreferi l-Onor. Interpellant fil-mistoqsija tiegħu, imma peress li din qed issir wara Mistoqsija Parlamentari nru 34162 qed nassumi li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-eternal flames. F’dak il-każ nirreferih għat-tweġiba mogħtija fil- Mistoqsija Parlamentari nru.34162.

Pitkalija — Investiment

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm sar investiment fil-pitkalija matul is-snin 2005/6/7/8/9/10/11/12?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar fid-dwal tat-tul tal-perjodu li dwaru qiegħed jistaqsi l-Onorevoli Interpellant.

Farmer's Market — bdiewa li pparteċipaw

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm bdiewa li jipparteċipaw fil-Farmer's Market matul ix-xahar ta' April 2012, mhux kemm hemm li għandhom il-permess li jipparteċipaw imma kemm fil-fatt ipparteċipaw?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li matul ix-xahar ta’ April ta’ din is-sena kien hemm 38 minn dawk li għandhom il-permessi meħtieġa li pparteċipaw f’dan is-suq f’ Ta’ Qali.

kwestjoni mal-pitkala

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi żviluppi fil-kwestjoni mal-pitkala, liema kwestjoni anki waslet biex il-pitkala kellhom jistrajkjaw?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li preżentement għadhom għaddejjin it-taħdidiet bejn uffiċjali tal-Ministeru u l-Pitkala. Hekk kif ikun hemm żviluppi jien inħabbarhom pubblikament.

Agrikoltura — fondi tal-Unjoni Ewropea

Question

Jista' l-Ministru jagħti breakdown sena sena, skema/skema (eżempju miżura 121, miżura 124, miżura 111, eċċ....) għall-pakkett fondi tal-Unjoni Ewropea f'agrikoltura 2007-2013, kemm ħadu flus setturi differenti, settur settur, sal-aħħar tal-2011? Kemm għad baqa' jieħdu fondi 2012/2013 kemm għal kull settur u taħt liema skema?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nistieden lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġibiet diġa mogħtija matul din il-leġiżlatura f’dan ir-rigward li dettalji tagħhom qiegħdin fid-dokument li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

relocation tal-irziezet

Question

B'referenza għall-proġett tar-relocation ta' 17-il razzett, issa niżlu għal 12-il razzett, flimkien mal-impjant tat-trattament tad-demel ġos-south/Qrendi, liema proġett ilu mwiegħed mill-2007, sallum għad lanqas l-out line permit ma ħareġ, jista' l-Ministru jgħid: a) fejn/fliema stadju wasal; b) kemm intnefqu flus sa issa, u kif intnefqu; ċ) kemm hemm raħħala li konfermaw bil-miktub/intrabtu li jmorru l-Qrendi; d) kemm hu maħsub li jiġi jiswa dan l-impjant, full cost breakdown ; u e) kemm hu maħsub li jiġi jiswa kull razzett, full costs breakdown u min se jħallas?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onor.Interpellant li l-informazzjoni mitluba għada qed tinġabar u tweġiba tingħata f' seduta oħra.

MEPA — capping fuq il-Miżbla

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 34426, 34119 u 33181 u jgħid fiex waslet it-tħejjija tal-applikazzjoni tal-WasteServ lill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar biex l-ex Miżbla tal-Magħtab magħrufa bħala ta' Żwejra jkollha l-capping u tippermetti l-estrazzjoni tal-gass? Fiex waslu t-testijiet li qed tagħmel l-istess WasteServ dwar resource recovery biex tistabbilixxi l-optimum use tal-gassijiet li jistgħu jiġu ġġenerati? X’inhi r-raġuni li mis-sena 2007 'l hawn mindu nxtegħlet christmas tree kbira bil-landfill gas ma kien hemm ebda data oħra available online biex turi l-progress miksub dwar din l-attività? Għalkemm huwa stmat li l-landfill taż-Żwejra tista' twassal biex jiġu ġġenerati xi 750kW gass, jista' jgħid s’issa kemm qed jiġi ġġenerat minn dan u kemm dan kollu jinsab 'il bogħod bħalissa mill-miri tal-gvern? Jista' jikkonferma jekk il-capping huwiex isir b’materjal inert li kien preżenti diġà jew jekk huwiex jiġi depożitat construction and demolition waste ukoll? Jista' jwieġeb din il-mistoqsija peress li żżid fir-rilevanza tagħha għaliex skont il-media release tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika dwar l-iskart bid-data ta' 2 ta' Jannar 2012 jintqal li some waste types are also used for engineering works within the landfill?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi s-sistema sabiex jiġu estratti il-gassijiet minn ġewwa partijiet tal-engineered landfill f’ Ta’ Żwejra ġiet installata skond l-eżiġenzi tal-IPPC permit relattiv u bhalissa ghaddejjin sensiela ta pumping trials sabiex jiġi determinat il-kwantità u l-kwalità ta’ gas f’din il miżbla. Nixtieq niġbed l-attenzjoni tal-Interpellant li 750kW huwa l-ammont ta’ energija stmat li jista’ jkun ġenerat mill-engineered landfills kollha (i.e. kemm taż-Żwejra kif ukoll tal-Għallies kompluta). L-ammont ta’ energija ggenerata fl-2011 hija kif indikata fit-twegiba ghall-mistoqsija PQ 32965. L-engineered cap ġiet magħmula minn materjali diga preżenti fuq is-sit. Jiddaħħlu materjali ġodda biss meta l-materjal tas-sit stess ma jilħaqx l-iskop tal-capping kif ikun mitlub fi-disinn. Ghaldaqstant Construction and Demolition waste ma ntużax bħala parti min dan il cap.

Twaħħil ta' meters mal-boreholes

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jitwaħħlu l-meters fil-boreholes li l-bdiewa jtellgħu l-ilma minnhom? Kemm hawn boreholes irreġistrati u meta hemm il-ħsieb li dawn il-meters jkunu lesti?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġibiet mogħtija għall-Mistoqsijiet Parlamentari 30518 u 30850.

Boreholes — ilma lill-bdiewa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif se jiġi kkalkulat li dawn il-bdiewa li għandhom borehole l-ilma li jkun jistgħu jtellgħu minn din l-istess borehole? Dan l-ammont se jkun wieħed fiss jew ivarja minn staġun għall-ieħor skont il-wiċċ u skont jekk tkunx għamlet xita jew le?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari 28036.

impjant tal-iskart ta' Sant'Antnin — ilment

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li matul il-perjodu bejn il-25 t'April 2012, u t-13 ta' Mejju 2012, fosthom fil-25 t’April 2012 bejn 4.30pm 'il quddiem; fit-8 ta’ Mejju 2012, għall-ħabta tas-1.20pm; nhar il-Ħamis 10 ta’ Mejju 2012, bejn id-9.00pm sa tard bil-lejl, is-Sibt 12 ta’ Mejju 2012, sa wara l-11.pm; il-Ħadd 13 ta’ Mejju 2012 minn filgħodu u f’diversi okkażjonijiet oħrajn l-impjant tal-iskart ta' Sant'Antnin f'Wied il-Għajn beda jrejjaħ b'mod insopportabbli, mhux biss madwar il-periferija tiegħu, imma saħansitra madwar iż-żona kollha magħrufa bħala ta’ Bellavista u dan f'ħinijiet differenti? Jista’ jgħarraf lill-Kamra r-raġunijiet għal dan l-inkonvenjent?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-kumpanija WasteServ qed timplimenta programm ta’ monitoragg fl-inħawi ta’ madwar l-impjant ta’ Sant Antnin kif rikjest mill-permess tal-operat maħruġ mill-MEPA. Il- programm jiġi evalwat minn kumitat li twaqqaf fi ħdan l-istess permess u li jiltaqa regolarment għal dan il-għan Il-monitoraġġ ta’ diversi parametri f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-operat ta’ l-impjant ta’ Sant’Antnin, inkluż irwejjaħ, isir b’mod regolari (iżda mhux kontinwu) minn kumpanija indipendenti. Fil-perjodu bejn il-25 t'April 2012 u t-13 ta' Mejju 2012 il-WasteServ ireceviet żewg ilmenti ta’ rwejjah fiż-żona ta’ Bellavista. Iż-żewg ilmenti ġew investigati kif gej. L-ewwel ilment daħal fit-8 ta’ Mejju għal-ħabta tal-ħdax neqsin kwart ta’ filgħaxija. Ufficcjal tal-kumpanija marret minnufih fuq il-post u għamlet spot check f’diversi inħawi inkluz iż-żona magħrufa bħala Bellavista u ‘Bellavista Heights’, iz-Żonqor u ‘Żonqor Heights’, in-naħa tal-lukanda Jerma, il-bajja ta’ San Tumas, iż-żona tan-Nadur, kif ukoll il- Bypass ta’ Marsaskala. Il-konkluzjoni kienet li ma kienx hemm l-ebda rwejjaħ ta’ skart. Tant hu hekk li l-persuna li għamlet l-ilment reġghet ċemplet ftit wara sabiex tgħid li r-riħa kienet telqet. Fl-10 ta’ Mejju għall-ħabta tat-tlieta ta wara nofs in-nhar daħal ilment ieħor dwar irwejjaħ fiż-żona ta’ Bellavista. Żewg uffiċjali tal-kumanija marru immedjatament fuq il-post, u saħansitra daru l-inħawi kollha, iżda għal darba oħra ma rriżulta xejn. Ġurnal tat-13 ta’ Mejju għamel riferenza wkoll għal xi rwejjaħ fil- 25t’April wara nofsinhar: Il-WasteServ tikkonferma li ma kienx hemm eventi li setgħu wasslu għal xi rwejjaħ dakinhar u lanqas ma kien hemm rapporti. Il-Wasteserv tixtieq ittenni li ma sar l-ebda tibdil fil-processi tagħha li seta’ jagħti lok ghal xi rwejjaħ. Ghaldaqstant, il-kumpanija taċċenna li jista’ jkun hemm rwejjaħ li joriġinaw minndiversi sorsi oħra.

WasteServ — ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema mal-WasteServ jaħdmu f'Għawdex? Jista' jgħid kemm minnhom huma tal-fiss u kemm għandhom kuntratt temporanju u x'tip ta' xogħol għandhom?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-WasteServ ma għandiex ħaddiema impjegati diretament magħha li jaħdmu Ghawdex.Ninfurmah li l-ħaddiema li jaħdmu fuq il-faċilitajiet tal-WSM f’Għawdex huma provduti minn kuntrattur privat li ntagħażel wara sejħa għal offerti li kienet inħarġet mid-Dipartiment tal-Kuntratti (CT307/2009). Fiċ-ċentru li hemm Għawdex preżentement hemm tlieta u għoxrin ħaddiem, li uħud minnhom jaħdmu b’sistema ta’ shift.

Engineering Profession Act — definizzjoni tal-professjoni tal-inġinerija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-gvern jikkonsidrax li għal fini tal-Engineering Profession Act, iwessa' d-definizzjoni tal-professjoni tal-inġinerija minn dik kurrenti ta’ mechanical engineering u electrical engineering għal oqsma oħra bħal chemical engineering biex dawn il-professjonisti jingħataw ir-rikonoxximent mistħoqq?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant diġà preżentement dan il-Ministeru qiegħed jevaluta r-rikomandazzjonijiet imressqa lil dan il-Ministeru mill-Engineering Board rigward din il-materja.

kejl tax-xejriet tar-riħ

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra d-daily data sheets tal-aħħar xahar tal-kejl permezz tal-wind mast tax-xejriet tar-riħ li qed isir fil-Mellieħa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni li qiegħda tintalab hija waħda ta’ natura kummerċjalment sensittiva u għalhekk ma tistax tingħata.

Proġett tal-boroz griżi

Question

B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 32823, jista' l-Ministru jgħid jekk il-ftehim tal-14 ta’ Mejju 2008 li tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra ġiex segwit minn kuntratt ieħor bil-parteċipazzjoni ta’ skemi, kif previst fl-istess ftehim? Jekk iva, jista’ jqiegħed kopja ta’ dan il-ftehim fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista’ jgħid ukoll liema skemi tal-ġbir/riċiklaġġ ta’ waste packaging eżistenti f’pajjiżna f’dak il-perjodu ġew mistiedna biex jipparteċipaw jew ikunu parti mill-ftehim tal-14 ta’ Mejju 2008 illi l-gvern iffirma mal-kunsilli lokali u mal-GRTU?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ftehim imsemmi kien sar fuq rakkmandazzjoni tal-stess għaxar operaturi li dak iż-żmien kienu jiffurmaw parti mill-iskema imsemmija u dan sabiex iservi bħala mudell ta’ prova. Fid-dawl tar-riżultati pożittivi miksuba permezz ta’dan il-fethim, is-suq kien eventwalment liberalizzat u għaldaqstant ma kienx hemm ħtieġa li jiddaħħlu skemi oħra jew li dan il-ftehim jiġi estiż..

Xgħajra — f'Ta Barkatt - irwejjaħ

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux konxju li trakkijiet mgħobbija waste ġej mill-impjant f'Ta Barkatt Xgħajra, qed jgħaddu miċ-ċentru ta' Bormla, u jħallu irwejjaħ kbar? Jista' jgħid jekk dawn hux se jibqgħu jgħaddu mill-istess rotta?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nistieden lill-Onorevoli Interpellant iressaq din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Onorevoli Ministru tal-Finanzi, Ekonomija u Investiment li hu responsabbli mill- Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.