Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali – Skemi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema kienu l-postijiet ta’ importanza storika f’kull lokalità madwar Malta u Għawdex li bbenefikaw minn xi skema tal-Ministeru, jew ta’ xi entità oħra li taqa’ taħt l-istess Ministeru, matul dawn l-aħħar sentejn? Kemm kien il-ħlas li bbenefikaw minnu u fejn jinstabu dawn l-istess binjiet? Jista’ jgħid ukoll meta hu mistenni li jinħarġu skemi oħra simili għal restawr?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-lista tal-postijiet ta’ importanza storika li bbenefikaw mill-Iskema tal-Kunsilli Lokali maħruġa mir-Restoration and Preservation Department għas-snin 2024 u 2025 u mill-Cottonera Projects and Initiatives Fund – Rehabilitation Opportunities għas-snin 2024 u 2025 kif mgħoddija lili. Infakkar li l-iskema tar-Restoration and Preservation Department tipprospetta xogħol dirett mill-ħaddiema tad-Dipartiment u mhux ogħti ta’ fondi. Kemm l-iskema u kemm il-Fond se jerġgħu jinfetħu fi żminijiet differenti matul is-sena 2026.

Voti għall-gazzetti

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32187, jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex possibbli li jsiru r-rappreżentazzjonijiet neċessarji sabiex il-vot għall-gazzetti għal għotjiet lill-media jiżdied b’mod iktar sostanzjali?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-kunsill Malti għal Arti hu kommess li jkompli jaħdem biex il-voti kollha tiegħu jkomplu jiżdiedu. Ta’ min jinnota li dan il-vot żdied b’Eur 800,000 biex fi 2026 issa hu ta’ Eur 1,300,000.

Marsaxlokk - Villa Tas-Silġ

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 28889 u 30873, jista’ l-Ministru jgħid jekk jistgħux isiru sforzi ġodda tant neċessarji sabiex il-proġett tal-Villa f’Tas-Silġ f’Marsaxlokk, iseħħ?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li, mill-aħħar tweġiba relatata ma’ dan is-sit, m’hemm l-ebda aġġornament ulterjuri x’jiġi komunikat.

Bormla – Grawnd tal-futbol – Xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32123, jista’ l-Ministru jgħid meta hu maħsub li l-grawnd tal-futbol ta’ Bormla jitlesta kompletament?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Bormla li x-xogħol għandu jibda fil-bidu tas-sena d-dieħla u hu maħsub li jkun lest għal madwar Ġunju jew Lulju tas-sena 2026.

Il-Buskett – Toilets pubbliċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk bdewx ix-xogħlijiet li kellhom isiru fuq it-toilets pubbliċi fil-Buskett? Jekk le, jista’ jgħid x’inhi r-raġuni għaliex ix-xogħol għadu ma bediex minkejja li l-permess għal tiswija ta’ ħsarat strutturali u rikostruzzjoni kien approvat is-sena li għaddiet?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor Interpellanta tagħmel il-mistoqsija tagħha lill-Ministeru kkonċernat.

Il-Furjana - Triq l-Indipendenza - Restawr ta’ lapida

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex possibbli li l-lapida fi Triq l-Indipendenza l-Furjana taħt il-mina int u sejjer lejn il-Belt,  tiġi restawrata billi bl-elementi sofriet detorjorament?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Furjana li jeħtieġ indikazzjoni eżatta tal-lapida li qed issir referenza għaliha sabiex tkun tista’ tingħata l-informazzjoni mitluba.

Ix-Xgħajra - Restawr ta’ lapida

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex possibbli li l-lapida li hemm fil-ġnien bejn l-aħħar parti ta’ Triq Qaċċawiet u Dawret ix-Xatt fix-Xgħajra, tiġi restawrata billi bl-elementi sofriet detorjorament?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tax-Xgħajra li r-restawr tal-lapida f’dan il-ġnien ser tiġi diskussa fil-laqgħa tal-Kunsill li jmiss.

Ix-Xgħajra - Restawr ta’ lapida

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex possibbli li l-lapida li hemm fix-Xgħajra int u sejjer lejn il-Kalkara, tiġi restawrata billi bl-elementi sofriet deterjorament?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tax-Xgħajra li r-restaw tal-lapida f’din it-triq ser tiġi diskussa fil-laqgħa tal-Kunsill li jmiss.

Heritage Malta - Offerta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-pożizzjoni ta’ Heritage Malta u x’passi ttieħdu senjatament dwar l-offerta li saret mill-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament dwar fdalijiet misjuba f’Għar Dalam?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li Heritage Malta wieġbet għal din l-istqarrija pubblikament, u t-tweġiba tagħha ġiet ippubblikata fil-ġurnali lokali. Id-diskussjonijiet mal-Prof. Aida Gómez-Robles komplew, tant li din il-Professoressa tagħmel parti minn tim ta’ esperti minn istituzzjonijiet intrenazzjonali, li flimkien ma’ Heritage Malta, is-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali u l-Universita ta’ Malta qed iwettqu’ għadd ta’ studji tekniċi u speċjalizzati fuq dawn il-fdalijiet. Dawn l-istudji għadhom għaddejjin u jiġu ppubblikati meta jkunu lesti.

Baġit 2026 - Malta Arts Fund

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar il-Line item 5527 ‘Malta Arts Fund’ imsemmi fl-estimi finanzjarji tal-Baġit għas-sena 2026?  Jista’ jgħid ukoll fejn ser imorru l-€450,000 li huma allokati għalih?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-Line Item 5527 Malta Arts Fund huwa wieħed mill-voti li jintuża mill-Kunsill Malti għall-Arti għall-portafoll ta' skemi ta' finanzjament tiegħu.

Baġit 2026 - Arts and Culture Events

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar il-Line item 5484 ‘Arts and Culture Events’ imsemmi fl-estimi finanzjarji tal-Baġit għas-sena 2026 u jsemmi xi wħud minnhom li għas-sena d-dieħla qed ikun allokat għalihom il-fond ta’ €1.7 miljun?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-lista tal-avvenimenti finanzjati minn LV 5484 hija kif ġej: Il-Karnival ta’ Malta Festghana Malta International Arts Festival Malta Jazz Festival Dance Festival Malta Il-Karnival tas-Sajf Valletta Guitar Festival

Baġit 2026 - Intangible Cultural Heritage Programme u Tangible Cultural Heritage Programme

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar il-Line item 5263 ‘Intangible Cultural Heritage Programme’ u Line item 5264 ‘Tangible Cultural Heritage Programme’ imsemmija fl-estimi finanzjarji tal-Baġit għas-sena 2026 u x’sar diġà? Jista’ jgħid ukoll x’inhuma l-għanijiet u l-kisbiet li saru s’issa fuq dawn iż-żewġ programmi rispettivament?

Response (BONNICI, OWEN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Baġit 2026 - Valletta Management Plan

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar Line item 5169 ‘Valletta Management Plan’ imsemmi fl-estimi finanzjarji tal-Baġit għas-sena 2026 li ser ikunu allokati għalih €1.2 miljun? Jista’ jgħid ukoll min ser jitħallas biex jinkiteb dan il-pjan, jekk hux kumpanija jew individwu/i?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-Kumitat jaħdem b’ mod indipendenti permezz ta individwi fuq bażi ex-ufficio, ċioe ma jitħallsux. Il-fondi allokati jiġu diretti biss lejn inizjattivi li jkun qed jieħu l-Kumitat għall-ġid tal-Belt Kapitali, fosthom li jiġu onorati MOUs jew kuntratti iffirmati diġa ma diversi entitajiet pubbliċi. L-ebda nefqa ma ssir jekk mhux bl-approvazzjoni tal-kumitat. Ninnota ukoll li matul l-2026 parti kbira mil-bilanċ allokat se jkunu qed jintuża għal żamma aktar nadifa tal-istess Belt Valletta, liema ħidma ta’ tindif qablu miegħu unanimament l-Kunsilliera kollha tal-Belt. L-ghanijiet tal-Kumitat joħorġu minn rekwiżit stipulati mill-UNESCO għal kull sit elenkat fil-Lista tal-Wirt Dinji.

Ix-Xgħajra - Fortizza tal-Grazzja - Tiswija tal-bieb

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb i-mistoqsija parlamentari 32174 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32048, jista’ l-Ministru jagħti x-xahar meta ser jitlesta il-bieb tal-Fortizza tal-Grazzja?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-Bieb inqala minn kuntrattur imqabad mill-Lands Authority. Ix-xoghol kien sorveljat mis-Sovrintendenza Tal-Patrimonju Kulturali. Il-bieb inqala' minħabba l-istat li qiegħed fih u li ilu jintalab li titieħed azzjoni. Il-bieb, b'mod temporanju, qed jinżamm il-Fortizza tar-Rinella li hija mmexxija mill-Fondazzjoni Wirt Artna. Fi ftit żmien is-Sovrintendenza ħa tibda l-proċess li naraw x'hemm bżonn biex il-bieb jiġi restawrat u jitpoġġa lura għaliex jista’ jkun ikun hemm bżonn ta' xi intervent fuq il-pilastri tal-gate tal-fortizza.

Il-Qrendi – Ċentru Ċiviku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex ser ikun jikkonsisti ċ-Ċentru Ċiviku tal-Qrendi?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Qrendi li ċ-Ċentru Ċiviku tal-Qrendi ser ikun hemm l-Uffiċċini Amministrattivi tal-Kunsill Lokali, faċilitajiet sanitarji, Garaxx/Store, Sala tal-Kommunita'/Day Centre, Board Room tal-Kunsill. Fil-pjan terran ser tkun inkluża wkoll Klinika.