Legislature:
Category:
Reset
Active:

Każini li ma ġewx reġistrati mill-Kummissarju tal-Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid, mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, jekk kienx hemm każijiet li dwarhom il-Kummissarju tal-Pulizija ma rreġistrax każini għal xi waħda jew aktar mir-raġunijiet imniżżla fir-regolament 5 tar-Regolamenti dwar ir-Reġistrazzjoni ta’ Każini (Leġislazzjoni Sussidjarja 10.21)? Jista' l-Ministru jindika x'kienet ir-raġuni jew raġunijiet għal kull darba li l-Kummissarju tal-Pulizija ma rreġistrax każin?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi ma kienx hemm istanzi fejn fil-perjodu indikat mill-Onor. Interpellant, kien hemm każijiet fejn il-Kummissarju tal-Pulizija ma rreġistrax każini minħabba xi raġunijiet imniżżla fir-regolament 5 tar-Regolamenti dwar ir-Reġistrazzjoni ta’ Każini, Leġiżlazzjoni Sussidjarja 10.21.

Għeluq ta’ każini mill-Kummissarju tal-Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid, mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, jekk kienx hemm każini li l-Kummissarju tal-Pulizija, bl-approvazzjoni tiegħu bħala Ministru, ordna l-għeluq ta' xi każin skont dak li jipprovdi r-regolament 9 tar-Regolamenti dwar ir-Reġistrazzjoni ta’ Każini (Leġislazzjoni Sussidjarja 10.21)? Jista' l-Ministru jindika f'liema lokalità kienu jinsabu kull wieħed mill-każini li ġew ordnati jagħlqu u x'kienet ir-raġuni jew raġunijiet għall-ordni biex jingħalaq?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi ma kienx hemm istanzi fejn fil-perjodu indikat mill-Onor. Interpellant, kien hemm każijiet fejn il-Kummissarju tal-Pulizija, bl-approvazzjoni tal-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, ordna l-għeluq ta' xi każin skont il-provedimenti tar-regolament 9, tar-Regolamenti dwar ir-Reġistrazzjoni ta’ Każini, Leġiżlazzjoni Sussidjarja 10.21.

Għeluq temporanju ta’ każini mill-Kummissarju tal-Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il ordni ħareġ il-Kummissarju tal-Pulizija sabiex minħabba raġunijiet ta' ordni pubbliku jingħalaq każin għal xi żmien skont dak li jipprovdi r-regolament 11 tar-Regolamenti dwar ir-Reġistrazzjoni ta’ Każini (Leġislazzjoni Sussidjarja 10.21)? Jista' l-Ministru jindika f'liema lokalità kien jinsab kull wieħed mill-każini li ġew ordnati jagħlqu u x'kienet ir-raġuni jew raġunijiet għall-ordni biex jingħalaq?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li ma kienx hemm istanzi fejn fil-perjodu indikat mill-Onorevoli Interpellant, kien hemm każijiet fejn il-Kummissarju tal-Pulizija ħareġ ordni sabiex minħabba raġunijiet ta' ordni pubbliku jingħalaq każin għal xi żmien skont il-provedimenti tar-regolament 11 tar-Regolamenti dwar ir-Reġistrazzjoni ta’ Każini, Leġiżlazzjoni Sussidjarja 10.21.

Ħin ristrett tal-ftuħ ta’ każini impost mill-Kummissarju tal-Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid, mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il darba l-Kummissarju tal-Pulizija rrestrinġa s-sigħat li matulhom każin jista' jinżamm miftuħ sabiex jiġi evitat inkonvenjent għall-ġirien skont dak li jipprovdi r-regolament 12 tar-Regolamenti dwar ir-Reġistrazzjoni ta’ Każini (Leġislazzjoni Sussidjarja 10.21)? Jista' l-Ministru jindika f'liema lokalità kien jinsab kull wieħed mill-każini li dwarhom il-Kummissarju tal-Pulizija rrestrinġa s-sigħat li matulhom jista' jinżamm miftuħ?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li ma kienx hemm istanzi fejn fil-perjodu indikat mill-Onor. Interpellant, kien hemm każijiet fejn il-Kummissarju tal-Pulizija rrestrinġa s-sigħat li matulhom każin jista' jinżamm miftuħ sakemm dan ma jkunx skont il-Liġi.

Servizz ta’ Emerġenza 112 — talbiet

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 7560, jista’ l-Ministru jgħid għaliex it-talbiet għas-Servizz ta’ Emerġenza 112 ma jiġux reġistrati tajjeb skont is-sejħa/talba tal-klijenti (eż: każijiet ta’ suwiċidju, vjolenza domestika, eċċ) bħalma jsir fis-sejħiet li jsiru fis-Servizz tas- Supportline?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li bħalissa minħabba restrizzjonijiet ta’ klassifikazzjoni, skont it-tieni livell tal-unitajiet ta’ Emerġenza (Protezzjoni Ċivili, Pulizija, Ambulanzi u l-Forzi Armati ta’ Malta), is-Servizz ta’ Emerġenza 112 ma jiġux reġistrati skont is-sejħa/talba tal-klijenti imma għal liema unità hija diretta. Madankollu ninforma lill-Onor. Interpellant illi qed isiru arranġamenti biex sistemi li huma taħt il-kompetenza ta’ kull entità tat-tieni livell ikunu integrati mas-sistema preżenti.

Għawdex — pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm pulizija stazzjonati f’Għawdex, x’inhu l-grad tagħhom u f’liema taqsimiet huma stazzjonati? Jista’ jgħid kemm hemm Għasses tal-Pulizija f’Għawdex u f’kemm-il għassa hemm sistema ta’ computer konnessa mas-Sistema Ċentrali tal-Korp?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li ġewwa Għawdex l-ammont ta’ pulizija stazzjonati f’dan id-Distrett hu ta’ mija u disgħa u għoxrin (129) membru li huma mqassmin kif jidher fit-tabella t’hawn taħt, li barra li turi x’inhu l-grad tagħhom turi wkoll it-taqsimiet fejn huma stazzjonati. Fizzjali : 3 Maġġur : 1 Surġenti : 18 Kuntistabbli : 99 Kuntistabbli ta’ Riserva : 8 Għawdex hemm sbatax (17)-il għassa li huma fir-Rabat – l-Imġarr – ix-Xagħra – in-Nadur – Marsalforn – ix-Xewkija – l-Għarb – is-Sannat – ix-Xlendi – Kerċem – Għajnsielem – il-Qala - San Lawrenz – iż-Żebbuġ – Għasri – il-Munxar u waħda Kemmuna li tifforma parti minn dan id-distrett. Infurmat illi fl-ghases tar-Rabat, in-Nadur u l-Imġarr kif ukoll fil-Marina hemm is-sistema ta’ computer konnessa mas-Sistema Ċentrali tal-Korp (NPS). Fir-Rabat is-sistema tinkludi l-uffiċini, il- garage tal-Pulizija u t-Taqsima Forensika. Qabel it-tmiem ta’ din is-sena ser ikun hemm is-sistema fl-għases ta’ Marsalforn, ix-Xagħra, ix-Xlendi u x-Xewkija. Fil-bidu tas-sena 2019 ser ikun hemm is-sistema fl-għassa ta’ Kemmuna wkoll.

Immigranti f’Detention Centre – spiża tal-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm qed jiswa kull immigrant irregolari li qiegħed f' Detention Centre lill-Gvern? Kemm huwa n-numru ta’ immigranti irregolari f’dawn iċ-Ċentri?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-ispiża lill-Gvern, għal kull immigrant irregolari li qiegħed f’Detention Centre, hija kif tidher hawn taħt: Ikel* (Kolazzjon, Ikla ta’ nofsinhar u Pranzu) Total €6.20 Bżonnjiet sanitarji* (Sapun, karta iġenika eċċ) Total €2.24 Total Finali €8.44/kull persuna kuljum Spejjeż oħra : · Servizzi tat-telefon (permezz ta’ tessera) · Ilma u elettriku · Televiżjoni · Għamara (inklużi saqqijiet, imħaded, kutri, eċċ...) · Xogħol ta’ manutenzjoni · Ħwejjeġ (inklużi deterġenti, eċċ...) · Trasport (inkluż manutenzjoni u fjuwil) · Impjegati (Uffiċjali biex jassistu u jeskortaw id-detenuti) · Servizzi Mediċi · Servizzi ta’ infermieri · Skips · Pest Control · Servizzi ta’ tindif · Tagħmir (CCTVs, Radju biex tikkomunika, boilers tal-ilma eċċ..) Kalkulazzjoni*: Ikel (Kolazzjon €1.48, Ikla ta’ nofsinhar €1.83 u Pranzu €2.89) inkluż VAT · It- tender rigward l-ikel inħareġ fl-2008 u l-kuntratt ġie ffirmat fl-2010. · Bżonnijiet sanitarji (Sapun €0.60, Xampù €1.50, Karta Iġenika €0.14) inkluż VAT Bħalissa ġewwa ċ-ċentru ta' Detenzjoni f’Ħal Safi għandna tnax (12)-il detenut.

Vjolenza Domestika – taħriġ lill-pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-linji gwida li qed josservaw il-pulizija f’każijiet ta’ vjolenza domestika? X’taħriġ qed jingħataw il-pulizija dwar il-vjolenza domestika?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi l-linji gwida li qed josservaw il-pulizija f’każijiet ta’ vjolenza domestika huma dawk li jingħataw lilhom minn żmien għal żmien permezz ta’ ċirkularitajiet interni. Dan ilu jsir għal aktar minn għaxar snin, bl-aħħar waħda maħruga fid-9 ta’ Ottubru 2018. Minħabba s-sensitività ta’ dawn il-każi u fl-interess tal-vittmi, mhux opportun li dawn ikunu ppubblikati. Infurmat illi l-pulizija qed jingħataw taħriġ dwar il-vjolenza domestika waqt il-kors ta’ reklutaġġ tagħhom, kif ukoll permezz ta’ taħriġ speċifiku għall-Pulizija li diġà stazzjonati fid-Distretti u xi Sezzjonijiet oħra tal-Korp. It-taħriġ jinkludi struzzjonijiet minn uffiċjali tal-korp konxji ta’ kif jittrattaw dawn ir-reati, kif ukoll minn esperti fil-qasam relattiv mid-Dipartment tas-Saħħa. Dan it-taħriġ iwassal biex l-uffiċjali konċernati jkunu konxji tan-neċessitajiet tal-vittmi ta’ reati ta’ vjolenza domestika biex jittrattaw dawn il-każijiet bl-aħjar mod, u aktar jingħataw tagħrif dwar fejn u xħin l-assistenza ta’ aġenziji professjonali għandha tintalab, fost proċessi oħra.

Pulizija – qabdiet ta’ droga

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bil-lista sħiħa ta’ qabdiet ta’ droga li għamlet il-Pulizija jew xi forza tal-Ordni oħra fl-2017 u fl-2018 (sad-data ta’ din il-mistoqsija) u għal kull qabda jgħid meta saret, fiex kienet tikkonsisti d-droga u l-kwantitajiet rispettivi maqbuda?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 7169.

Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali -nefqa fuq reklamar fuq Facebook

Question

Jista' l-Ministru jgħid, kemm kienet in-nefqa mill-Ministeru tiegħu u mill-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu, f'reklamar fuq is-sit soċjali Facebook xahar b'xahar, mit-3 ta' Ġunju 2017 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-imsemmija reklami?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-perjodu indikat ma sarx reklamar fuq is-sit soċjali Facebook, la minn dan il-Ministeru u lanqas mill-entitajiet li jaqgħu taħtu.

Talbiet pendenti għall-estradizzjoni minn Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn talbiet pendenti għall-estradizzjoni minn Malta? Mil-liema pajjiżi ġejjin? F'kull każ kemm ilha li saret it-talba? F'kull każ x'inhi n-natura tal-akkuża jew akkużi kontra l-persuni li għalihom qed tintalab l-estradizzjoni? F'kull każ x'inhi n-nazzjonalità tal-persuna li tagħha qed tintalab l-estradizzjoni?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi peress illi d-dettalji mitluba mill-Onor. Membru jistgħu possibilment jippreġudikaw l-operat tal-pulizija u awtoritajiet oħra fix-xogħol tagħhom ta’ Estradizzjoni, l-informazzjoni kif mitluba minnu ma tistax tingħata bid-dettalji mitluba kollha. Infurmat iżda li bħalissa hemm disa’ każi ta’ estradizzjoni pendenti li qed jiġu indirizzati mill-Pulizija bl-assistenza tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Każ minnhom diġà qiegħed quddiem il-Qrati Maltin.

Korp tal-Pulizija – facial recognition software

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Korp tal-Pulizija għandux fil-pussess tiegħu jew għandux aċċess għal facial recognition software? Jekk iva, jista' l-Ministru jgħid meta ġie akkwistat l-imsemmi software u f'liema ċirkostanzi u postijiet sar u/jew qed isir użu minnu?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minħabba kwistjoni ta’ sigurtà, l-informazzjoni mitluba ma tistax tingħata.

Forzi Armati ta’ Malta – facial recognition software

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Forzi Armati ta' Malta għandhomx fil-pussess tagħhom jew għandhomx aċċess għal facial recognition software? Jekk iva, jista' l-Ministru jgħid meta ġie akkwistat l-imsemmi software u f'liema ċirkostanzi u postijiet sar u/jew qed isir użu minnu?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minħabba kwistjoni ta’ sigurtà, l-informazzjoni mitluba ma tistax tingħata.

Servizzi Korrettivi — facial recognition software

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk is-Servizzi Korrettivi ta' pajjiżna għandhomx fil-pussess tagħhom jew għandhomx aċċess għal facial recognition software? Jekk iva, jista' l-Ministru jgħid meta ġie akkwistat l-imsemmi software u f'liema ċirkostanzi u postijiet sar u/jew qed isir użu minnu?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minħabba kwistjoni ta’ sigurtà, l-informazzjoni mitluba ma tistax tingħata.

Servizz ta' Sigurtà – facial recognition software

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk is-Servizz ta' Sigurtà għandux fil-pussess tiegħu jew għandux aċċess għal facial recognition software? Jekk iva, jista' l-Ministru jgħid meta ġie akkwistat l-imsemmi software u f'liema ċirkostanzi u postijiet sar u/jew qed isir użu minnu?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minħabba kwistjoni ta’ sigurtà, l-informazzjoni mitluba ma tistax tingħata.

Persuni mressqa l-Qorti akkużati b’reati kriminali

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm tressqu persuni l-Qorti mill-Pulizija akkużati b’reati kriminali (kumpilazzjonijiet) tul is-sena 2017 u jista’ jinforma b’liema reati ġew akkużati?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li matul is-sena 2017 tressqu elf, mitejn u erbgħa (1204) persuni l-Qorti mill-Pulizija akkużati b’reati kriminali (kumpilazzjonijiet). Infurmat illi kien hemm firxa wiesgħa ta’ tip ta’ reati li bihom ġew akkużati dawn il-persuni li fost oħrajn kienu jinkludu : - Omiċidji - attentat ta’ omiċidji - reati relatati ma’ serq - riċettazzjoni - offiżi volontarji u nvolontarji fuq il-persuna - vjolenza jew reżistenza fuq uffiċjali pubbliċi - stupru - korruzzjoni ta’ minuri - usura - ħsarat volontarji - reati relatati ma’ ħsarat fil-propjeta’ - abbandun ta’ minuri - reati relatati ma’ frodi - reati relatati ma’ drogi - theddid - pussess ta’ armi - trattament mhux xieraq fuq annimali - użu ħażin ta’ mezzi ta’ telekomunikazzjoni - misapproprijazzjoni - ħasil ta’ flus - reati oħra ekonomiċi - falsifikar ta’ flus - ofiżi relatati ma’ immigrazzjoni illegali ta’ persuni - falsifikazzjoni ta’ dokumenti - reati relatati ma’ sigurta’ fuq ix-xogħol - sekwestru - prostituzzjoni - żamma ta’ burdell - rapporti foloz - ġuramenti foloz - fabbrikazzjoni ta’ evidenza falza - reati relatati ma’ pornografija tat-tfal - reati ta’ atti sesswali ma’ minorenni u reati oħra provduti mill-Kodiċi Kriminali jew liġijiet speċifici oħra. F’ħafna mill-kumpilazzjonijiet il-persuni akkużati jittressqu fuq aktar minn reat wieħed.

Belt Valletta, Strada Zekka – Esproprji – passi kriminali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi kriminali ġew ordnati mill-Pulizija wara s-sentenza tal-Qorti mill-Imħallef Felice li ftit jiem ilu ddikjarat null u illegali l-esproprji fl-iskandlu ta’ Strada Zekka?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi dwar il-każ imsemmi mill-Onor. Interpellant, il-Pulizija mill-Iskwadra ta’ kontra r-Reati Ekonomici għaddejjin b’investigazzjoni u huma konxji mis-sentenza mogħtija mill-Onor. Imħallef Dr. Anna Felice LL.D. Infurmat li l-istess sentenza giet appellata u għalhekk għadha mhix definittiva.

Każijiet fejn il-Pulizija ma aġixxietx wara denunzja, rapport jew kwerela ta’ delitt

Question

Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena mill-2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il każ kien hemm li l-Pulizija ma aġixxietx wara denunzja, rapport jew kwerela ta’ delitt? Jista' l-Ministru jgħid dwar liema delitti kienu l-imsemmija denunzji, rapporti u kwereli? Jista' l-Ministru jgħid f'kemm minn dawn il-każijiet ġie ppreżentat rikors fil-Qorti tal-Maġistrati biex il-Pulizija tiġi ordnata tmexxi l-proċedura meħtieġa skont l-artikolu 541 tal-Kodiċi Kriminali (Kap. 9 tal-Liġijiet ta' Malta)? Jista' l-Ministru jgħid f'liema minn dawn il-każijiet il-Qorti sabet li prima facie hemm lok għad-denunzja, rapport jew kwerela u għalhekk ordnat lill-Pulizija biex tmexxi l-proċedura meħtieġa?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex ikun aktar speċifiku għal xi każ partikolari minħabba li tali informazzjoni titlob ġimgħat sħaħ ta' riċerka.

Persuni mressqa l-Qorti akkużati b’reati kriminali

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm tressqu persuni l-Qorti mill-Pulizija akkużati b’reati kriminali (kumpilazzjonijiet) tul din s-sena 2018 sa issa u jista’ jinforma b’liema reati ġew akkużati?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi sal-aħħar ta’ Ottubru 2018 tressqu tmien mija u sebgħa u erbgħin (847) persuna l-Qorti mill-Pulizija akkużati b’reati kriminali (kumpilazzjonijiet). Infurmat illi bħala reati għas-sena 2017, kien hemm firxa wiesgħa ta’ tip ta’ reati li bihom ġew akkużati dawn il-persuni li fost oħrajn kienu jinkludu: - omiċidji – attentat ta’ omiċidji – reati relatati ma’ serq – riċettazzjoni - offiżi volontarji u nvolontarji fuq il-persuna - vjolenza jew reżistenza fuq uffiċjali pubbliċi - traffikar ta` persuni – stupru – korruzzjoni ta’ minuri - usura – ħsarat volontarji – reati relatati ma’ ħsarat fil-propjeta’ - abbandun ta’ minuri – reati relatati ma’ frodi – reati relatati ma’ drogi – theddid - pussess ta’ armi - trattament mhux xieraq fuq annimali – użu ħazin ta’ mezzi ta’ telekomunikazzjoni – misapprorijazzjoni – ħasil ta’ flus - falsifikar ta’ flus – offizi relatati ma’ immigrazzjoni llegali ta’ persuni - falsifikazzjoni ta’ dokumenti – reati relatati ma’ sigurtà fuq ix-xogħol – sekwestru – prostituzzjoni – żamma ta’ burdelli – rapporti foloz - ġuramenti foloz - fabbrikazzjoni ta’ evidenza falza – reati relatati ma’ pornografija tat-tfal – reati ta’ atti sesswali ma’ minorenni u reati oħra provduti mill-Kodici Kriminali jew liġijiet speċifici oħra. F’ħafna mill-kumpilazzjonijiet il-persuni akkużati jittressqu fuq aktar min reat wieħed.

Rapporti ta’ Vjolenza Domestika

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 30949 tat-12-il Leġiżlatura, jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ rapporti dwar vjolenza domestika li saru fl-2016 u s-sena l-oħra? Kemm minn dawn ir-rapporti ġew investigati u kemm tressqu persuni l-Qorti fuq vjolenza domestika f’dan il-perjodu?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi kien hemm elf, mitejn u tnejn u sebgħin (1,272) każ ta’ Vjolenza Domestika, li ġew irrapurtati lill-pulizija matul is-sena 2016. Fis-sena 2017 kien hemm elf, mitejn u sebgħa u ħamsin (1,257) rapport ta’ l-istess natura. Infurmat illi kif diġa ingħad fi tweġibiet għall-mistoqsijiet simili, fil-każijiet fejn irriżulta ksur tal-liġijiet relatati ma’ dawn ir-reati wara l-investigazzjonijiet tal-Pulizija, il-persuni responsabbli dejjem jitressqu l-Qorti. Madankollu m’hemmx sistema elettronika fejn il-figuri mitluba mill-Onor. Interpellant jistgħu jinġabru.