Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur
Question
B’referenza għat-tweġiba ta’ mistoqsija parlamentari 23296 tal-Leġiżlatura XIII, tista’ l-Ministru tgħid meta saret it-traspożizzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/2161 dwar l-infurzar aħjar u mmodernizzar tar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur li skont l-istess direttiva kellha tiġi trasposta sat-28 ta’ Novembru, 2021? Tista’ telenka liema huma l-liġijiet nazzjonali li jimplimentaw il-miżuri ta’ din id-direttiva? Tista’ tgħid ukoll jekk saritx xi forma ta’ konsultazzjoni pubblika dwar it-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva u jekk iva, ma’ min u x’kien l-eżitu? U jekk le, għalfejn ma saritx tenut kont ta’ dak li ġie mwiegħed fit-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 23296?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Abbozz ta’ Liġi għat-traspożizzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/2161 dwar l-infurzar aħjar u mmodernizzar tar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur għandha tiġi mressqa quddiem il-Parlament fil-ġranet li ġejjin. Id-Direttiva ser tiġi trasposta permezz ta’ emendi fl-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur, fir-Regolamenti dwar Prezzijiet Indikati skont l-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur (L.S. 378.09) u r-Regolamenti dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur (L.S. 378.15). Kif kien indikat fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 23296, konsultazzjoni pubblika dwar it-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva saret bejn is-7 ta’ Diċembru 2021 u l-10 ta’ Jannar 2022, fejn kien hemm risposta waħda mingħand l-Għaqda tal-Konsumaturi.
Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur — ħaddiema mqabbda ma' kuntratturi
Question
Tista' l-Ministru tagħti n-numru ta' impjegati li huma mqabbda ma' kuntratturi privati li għandhom kuntratti għal servizzi mal-Gvern ta' Malta li jaqa' taħt il-Ministeru? Għal kull post, tista' l-Ministru tagħti n-numru rispettiv ta’ ħaddiema? Tista' tagħti l-grad u l-paga tal-ħaddiema rispettivi skont il-kuntratt? Tista' tagħti l-lista ta' gradi ekwivalenti ta' ħaddiema ċivili li għandhom l-istess job description u l-paga tagħhom?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninsab infurmat li mhux fil-kompitù tal-Gvern li jidħol f’kemm jimpjegaw nies dawn il-kumpaniji privati.
Kap. 378 – talba biex għaqda tal-konsumaturi reġistrata timpjega nies
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk mill-2017 s’issa qatt saritx xi talba lill-Gvern biex għaqda tal-konsumaturi reġistrata a tenur tal-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur, Kap. 378, tkun tista’ timpjega persuni professjonisti fuq bażi part-time jew full-time biex dawn jassistu fil-ħidma favur il-konsumatur? Jekk saret xi talba, x’kien l-eżitu? U jekk qatt ma saret talba ta’ din ix-xorta, lest il-Gvern li jqis li jassisti f’dan ir-rigward?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li saret talba minn għaqda tal-konsumaturi reġistrata a tenur tal-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur, Kap. 378 fejn talbet biex tingħata għajnuna f’riżorsi umani, liema talba saret f’April tal-2021. Saret talba oħra f’Jannar tal-2022 mill-istess għaqda, li, iżda, m’għaddietx direttament lill-Awtorità konċernata mill-ewwel.
Din l-għaqda ġiet iggwidata biex tagħmel użu mill-iskema li nħarġet mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru fejn ħaddiema fis-settur pubbliku jistgħu japplikaw li jaħdmu ma’ għaqdiet volontarji.
Min-naħa tal-Awtorità tingħata għajnuna lil waħda mill-għaqdiet permezz ta’ użu ta’ uffiċċju, servizz tal-internet u linja tat-telefon mingħajr ħlas kif ukoll il-ħlas ta’ servizzi ta’ dawl, ilma u indafa. L-għaqda l-oħra qatt ma għamlu xi tip ta’ talbiet għall-għajnuna.
Il-Belt Valletta – Pjazza Tritoni – Tactile walkway
Question
Tista’ l-Ministru tara li t-tactile walkway fi Pjazza Tritoni, il-Belt Valletta, li hu maħsub biex jintuża minn persuni neqsin mid-dawl jibqa’ dejjem mingħajr l-ebda tip ta’ ingombru waqt kull attività organizzata jew awtorizzata minnu jew minn xi entità li taqa’ taħtu? Kemm-il rapport irċeviet matul l-aħħar sena dwar ingombru fl-istess żona waqt xi attività organizzata jew awtorizzata minnu jew minn xi entità li taqa’ taħtu?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità rċeviet 3 rapporti dwar ingumbrament tat-tactile walkway. Dawn kienu riferuti lill-awtorità responsabbli biex tittieħed kull prekawzjoni.
Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur — Direct orders
Question
Tista’ l-Ministru tgħid, minn Jannar 2021 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm-il direct order ħarġet mill-Ministeru tagħha u kull entità li taqa’ taħtha u kemm kien il-valur totali ta’ dawn id-direct orders? Lil min inħarġet u x’kien il-valur ta’ kull direct order?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Contact Authority tippubblika din l-informazzjoni fuq il-Gazzetta tal-Gvern għal kull procurement li jsir għal kull perjodu ta' sitt xhur, skont ir-Regolament 111(2) tal-Public Procurement Regulations.
Tista’ l-Ministru tgħid x’miżuri ttieħdu s’issa fir-rigward tat-traspożizzjoni tad-Direttiva (UE) Nru 2020/1828? Peress li d-Direttiva fl-anness tagħha tinkludi diversi normi tal-UE li jirrelataw ma’ liġijiet amministrattivi minn diversi entitajiet pubbliċi, ittieħdu xi miżuri biex il-proċess effettiv tat-traspożizzjoni tad-Direttiva jiġi faċilitat f’dan ir-rigward?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur fi ħdan l-Awtorita’ ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur bħalissa għaddej bil-ħidma fuq it-traspożizzjoni tad-Direttiva (EU) Nru 2020/1828 li tinkludi l-konsultazzjoni Inter-Ministerjali neċessarja. Ninforma wkoll lill-Onor. Interpellant illi l-Ministeri u l-entitajiet pubbliċi kkonċernati diġa ġew ikkonsultati fil-fażi meta l-proposta ta’ din id-Direttiva kienet għadha qed tiġi diskussa.
Tista’ l-Ministru tagħti l-lista tal-entitajiet f’Malta li s’issa ġew notifikati lill-Kummissjoni Ewropea a tenur tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2009/22/KE? F’kull każ, kif applikabbli, tista’ telenka l-liġi jew liġijiet nazzjonali fir-rigward ta’ kull waħda minn dawn l-entitajiet fejn allura l-entità konċernata tista’ tieħu passi a tenur tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija Direttiva kif riflessi fil-liġi Maltija?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-entitajiet Maltin li ġew notifikati lill-Kummissjoni Ewropea a tenur tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2009/22/KE u skont il-liġijiet rispettivi elenkati fil-ġurnal uffiċjali tal-Unjoni Ewropea huma l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur, l-Awtorità Maltija tat-Turi¿mu, l-Awtorità tax-Xandir, l-Awtorità tal-Mediċini, l-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni, l-Għaqda tal-Konsumaturi u l-Assoċjazzjoni għad-Drittijiet tal-Konsumatur.
Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) — ħruġ ta' ordni ta' tħaris
Question
B'referenza għall-artikolu 12G(8) tal-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur, Kap. 378, tista’ l-Ministru tispjega jekk id-dritt mogħti lid-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) meta jitlob il-ħruġ ta’ ordni ta’ tħaris, dan ma għandux bżonn għalfejn jipprova:
(a) telf jew ħsara attwali, jew
(b) it-traskuraġni, negliġenza jew ħtija attwali min-naħa tal-persuna konċernata, jekk tali dritt hux ukoll mogħti lill-entitajiet kwalifikati bħalma huma l-għaqdiet tal-konsumatur reġistrati a tenur tal-Kap. 378? Jekk dan mhux il-każ, tista’ l-Ministru tgħid għalfejn?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-artikolu 12G (8) tal-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur (Kap. 378) huwa limitat għad-Direttur Ġenerali peress li dak l-artikolu qabel l-emendi permezz tal-Att XLIV tal-2019, kien l-artikolu 99 tal-Att u kien jistabilixxi l-istess dispożizzjonijiet tal-artikolu preżenti 12G(8). Għaldaqstant, ma kienx hemm lok għal emendi ta’ tali dispożizzjonijiet ħlief għall-renumerazzjoni tiegħu.
Special Olympics: Ċerimonja tal-Ftuħ – rendikont tal-infiq
Question
Tista' l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra rendikont tal-infiq kollu li sar fiċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-iSpecial Olympics, lil min sar il-ħlas u b'liema proċedura (direct order, tender eċċ.)?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 22775 tal-Leġiżlatura XIII, tista’ l-Ministru tgħid fil-kuntest tal-implimentazzjoni tar-Regolament UE 2017/2394, x’passi sussegwenti għat-tweġiba mogħtija u x’miżuri leġiżlattivi ttieħdu fir-rigward tal-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta, l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu u l-Awtorità tax-Xandir fejn allura kien ġie spjegat li kienu qed jiġu mħejjija l-emendi leġiżlattivi neċessarji? Tista’ tindika liema liġijiet saru f’kull każ?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta ħejjiet Regolamenti ġodda li ser jiġu promulgati taħt l-Att dwar l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta (Kap. 330 tal-Liġijiet ta’ Malta), liema Regolamenti ser ikomplu jassiguraw il-konformità mar-Regolament (UE) 2017/2394. Dawn ir-Regolamenti ġodda qegħdin bħalissa għaddejjin mill-proċess leġiżlattiv rispettiv li huwa relatat mal-pubblikazzjoni ta’ Avviż Legali.
Fil-każ taż-żewġ Awtoritajiet l-oħra, nikkonferma wkoll li x-xogħol fuq l-emendi għadu għaddej kif indikat fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari 22775 li hi tal-Leġiżlatura XIII.
Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) – rapporti jew ilmenti
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk qattx sar xi rapport jew ilment minn xi għaqda tal-konsumaturi lid-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) a tenur tal-artikolu 37 tal-Kap. 378? Jekk saru, tista’ tgħid dwar xiex kien jittratta kull rapport jew ilment, u l-eżitu f’kull każ?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi f’dawn l-aħħar snin l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur qatt ma rċieva talbiet li saru speċifikament a tenur tal-imsemmi artikolu 37, stante illi l-artikolu huwa ta’ natura penali u ma ġiex invokat mill-għaqdiet tal-konsumaturi. Minkejja dan, ma jfissirx li l-għaqdiet tal-konsumaturi ma jressqux rapporti jew ilmenti lill-Uffiċċju tal-Konsumatur.
Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur – konsulenti
Question
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 289 u tgħid kemm hemm persuni li ġew impjegati bħala konsulenti mal-Ministeru u/jew Segretarjati sal-14 ta’ Mejju 2022, u kemm dawn jitħallsu?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Ministeru għandu tliet (3) persuni impjegati bħala konsulenti. Il-ħlas tat-tliet konsulenti jammonta għal €104,390.50 fis-sena, skont il-kuntratti rispettivi.
Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur — Taħriġ lill-ħaddiema fil-kura ta' saħħa mentali
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux qed jingħata taħriġ fuq il-Kura fis-Saħħa Mentali, magħruf bħala Mental Health First Aid, lill-ħaddiema li jaħdmu fid-dipartiment tiegħu?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Għaqdiet Volontarji – Skema tal-Gvern bl-Isem Kwalità tal-Ħajja
Question
Tista’ l-Ministru tagħti tagħrif dwar liema għaqdiet volontarji lokali ssottomettew applikazzjoni għall-iskema tal-Gvern bl-isem Kwalità tal-Ħajja? Dawk l-għaqdiet volontarji li applikaw, għal liema proġetti applikaw, x’kienet l-istima ta’ kull proġett, u kemm kien l-ammont li ntalab biex jiġi ffinanzjat mill-istess fond? Liema għaqdiet volontarji bbenefikaw u għal liema proġett/i? Hemm possibilità li dawk l-għaqdiet volontarji li applikaw jistgħu jibbenefikaw minn dan il-fond matul is-sena li ġejja? Hemm ħsieb li din l-iskema terġa’ tinħareġ u meta?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għall-ewwel parti ta’ din il-Mistoqsija Parlamentari qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Minn żmien għal ieħor dan il-Ministeru joħrog diversi Skemi sabiex jgħin Għaqdiet Voluntarji bi proġetti ġodda bil-għan li jtejbu l-kwalita’ tal-ħajja fil-kommunitajiet u għaldaqstant l-għaqdiet volontarji dejjem jistgħu japplikaw.
Tista’ l-Ministru tgħid mill-2017 s’issa, sena b’sena, kemm-il ilment ta’ interess ġenerali saru a tenur tal-artikolu 12B tal-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur, Kap. 378, minn entità kwalifikata? F’kull każ tista’ l-Ministru tgħid liema kienet l-entità kwalifikata li għamlet l-ilment, dwar xiex kien jittratta l-ilment u l-eżitu - jekk kien hemm - sussegwenti għall-ilment?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi mill-2017 sal-lum ma ġewx imressqa lmenti ta’ interess ġenerali a tenur tal-artikolu 12B tal-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur, Kap. 378, minn entità kwalifikata.
Tista’ l-Ministru tgħid attwalment min huma ċ-chairperson, id-deputy chairperson u l-membri tal-Bord tal-Gvernaturi tal-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA)? Tista’ tgħid f’kull każ meta kull persuna ġiet maħtura u għal kemm żmien kienet il-ħatra attwali, u jekk il-ħatra attwali hiex l-ewwel jew it-tieni ħatra tal-persuna konċernata?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur — impjegati li daħlu mal-Gvern
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm daħlu nies jaħdmu mal-Gvern fil-Ministeru u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħt l-istess Ministeru minn Jannar 2022 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.
Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur — chairpersons ta' Bordijiet - spiża fuq safar, mobiles u fuel
Question
Tista’ l-Ministru telenka l-ispejjeż tas-safar, mowbajls u fjuwil, miċ-Chairpersons tal-Bordijiet li jaqgħu minn 2017 sal-jum li fih tiġi mwieġba din l-interpellanza?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant bħala Chairperson tal-Bord tal-MCCAA, tal-Bord tal-Aġenzija Sapport kif ukoll tas-CRPD, ma sar l-ebda ħlas f’safar, mowbajl u fjuwil minn 2017 sakemm ġiet imwieġba din il-mistoqsija.