Direttorat tat-Toroq u l-Infrastruttura — messenger driver
Question
Jista' l-Ministru jagħti spjega ta' x'inhi r-raġuni li l-messenger driver fid-Direttorat tat-Toroq u l-Infrastruttura jieħu l-karozza tat-Transport Malta d-dar inkluż fil-weekends? Jista' jgħid għaliex din il-karozza ma sarilix logos tal-awtorità bħal tal-massengers drivers sħabu? X'inhuma d-duties tax-xogħol li dan il-massenger driver jipprovdi lill-awtorità kull jum kemm matul il-ġimgħa u kif ukoll fil-weekends? Jista' jipprovdi l-ħinijiet tax-xogħol li ħadmet din il-persuna mill-2010 sal-lum? Jista' jindika l-benefiċċji flimkien mal-overtime li ġew provduti lilu?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-messaġġier li qed issir referenza għalih, huwa assenjat biex jagħmel xogħol mad-Deputy Chairman li huwa wkoll iċ-Chairman tal-Kumitat tat-Toroq u Infrastruttura fuq bażi 24/7, u għalhekk dan il-messaġġier għandu bżonn li jkollu aċċess għall-karozza ta’ Transport Malta matul il-weekend ukoll.
Ninsab infurmat ukoll, li hemm diversi vetturi oħra mikrija minn, jew proprjeta` ta’ Transport Malta li m’għandhomx logo ta’ Transport Malta.
Id-dmirijiet ta’ dan il-messaġġier jinkludu:
· Iwassal impjegati ta’ Transport Malta fuq dmirijiet uffiċċjali
· Iwassal posta lil direttorati oħra fi ħdan l-Awtorita' u entitajiet oħra
· Jieħu karozzi għal tiswija
· Xogħol ta’ xufier għal viżitaturi barranin meta jkun hemm bżonn għall-konferenzi li torganizza Transport Malta
· Xogħol ta’ xufier minn u lejn l-ajruport
· Ħasil ta’ karozzi
· Servizz ta’ xufier mad-
Deputy Chairman/Chairman
tal-Kumitat tat-Toroq u Infrastruttura fuq bażi 24/7 kif ikun meħtieġ.
Il-ħinijiet uffiċċjali ta’ dan l-impjegat huma bejn it-Tnejn u l-Ġimgħa bejn is-07:30 u l-16:05 (mis-07:30 sa t-14:55 bejn Awissu u l-ewwel ġimgħa ta’ Settembru).
Matul dawn l-aħħar tliet snin tħallas dawn l-ammonti f’
overtime:
· 2012 € 2471 (sa l-aħħar ta’ Settembru 2012)
· 2011 € 640
· 2010 € 1927
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa l-perjodu sabiex wieħed jitlaq l-impjieg tiegħu minn ġewwa Transport Malta b’unpaid leave? Jista' l-Ministru jindika wara kemm ġimgħat jew snin wieħed jista' jagħmel ir-ritorn tiegħu wara li jkun għamel użu mill-istess unpaid leave?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li unpaid leave jingħata skont il-ftehim kollettiv f'każi fejn impjegati huma koperti minn dan il-ftehim. F'każi oħrajn mhux koperti minn ftehim kollettiv, dan jingħata abbażi tal-mertu ta' kull każ.
Jista' l-Ministru jipprovdi l-lista ta' dawk il-persuni minn Transport Malta li attendew għall-konferenza tal-5+5 u jekk dawn l-istess persuni kellhomx għalfejn jew id-dritt li jattendu? Jista' jgħid min ħa l-inkarigu sabiex jiġu magħżula dawn il-persuni?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li ħadd minn Transport Malta m'attenda s-summit tal-5 + 5.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu l-ammont li qed jitħallas kull xahar għas-servizz ta' Transport Malta call centre? Min hi l-persuna ġewwa Transport Malta responsabbli mill-operat ta' dan il-call centre?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għall-ewwel parti tat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 32598.
Infurmat ukoll li l-operat tal-call centre huwa mmoniterat mill-Unit tal-Media u Customer Care fi ħdan id-Direttorat għas-Servizzi Korporattivi ta' Transport Malta.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36495 u jagħti lista ta' impound centre? Għal kull impound centre, jista' jipprovdi rendikont ta' flus li ġew imħallsa lil kull operatur mis-sena 2007 sal-lum?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li fil-preżent Transport Malta għandha impound centre wieħed li jinsab fis-sit tal-ex-Malta Shipyards. Transport Malta ma tħallas l-ebda flus għal dan is-sit.
Jista' l-Ministru jindika jekk hemmx pjan li nies li ma jaħdmux fil-Ministeru tiegħu jiġu allokati f'xi dekasteru ieħor? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jipprovdi l-lista tan-nies, il-posizzjoni preżenti tagħhom, il-posizzjoni u l-isem tad-dekasteru li se jkunu qed jaħdmu fih?
Response (GATT, AUSTIN)
Naħseb illi rrid inkun kjaroveġġenti biex inkun naf x'se jiġri b' "nies li ma jaħdmux fid-dekasteru" tiegħi!
B'referenza għal kemm ilha tiġi organizzata l-Boat Show ġewwa Dock 1, għall kull sena jista' l-Ministru jindika min kien l-organizzatur u l-perjodi li ġiet organizzata l-Boat Show? Jista' jagħti rendikont ta' flus li rċeviet mill-kiri tad-Dock 1 għall-Boat Show u jindika l-ammont ta' flus li tħallsu għall-parteċipazzjoni? Jista' jgħid l-ammont ta' flus li tħallas bħala sponsorship u jgħid jekk kienx hemm xi spejjeż oħra li ġew imħallsa u kemm kien l-ammont? Jista' jgħid jekk hux se jingħataw post alternattiv?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Impjegati li jaħdmu fil-Ministeru għall-Infrastruttra, Trasport u Komunikazzjoni
Question
Jista' l-Ministru jipprovdi lista ta' nies li fl-aħħar sentejn kienu jaħdmu fil-Ministeru tiegħu u li ġew allokati f'xi impjeg ieħor fid-dekasteru tiegħu? Jekk fl-affermattiv, jista' jipprovdi l-posizzjoni li kull persuna qed tokkupa, filwaqt li jindika jekk f'kull każ kienx hemm call for application? Jista' jgħid jekk kull persuna ġietx impjegata fid-deskasteru fuq definite contract, indefinite contract, self employed eċċ.?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li kien hemm persuna waħda u din giet detailed skond “Section1.5.3 tal- Public Service Management Codeu allura ma kienx jirrikjedi call for application, fil-pożizzjoni ta’ Senior Manager fuq kuntratt definit.
Transport Malta — Traffic Impact Assessment fuq Kappara Junction
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36758 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-istudji kollha ambjentali u dawk ħolistiċi fuq traffic impact assessments li saru jew ġew ikkumissjonati minn Transport Malta qabel għamlet l-għażliet rakkmandati tagħha dwar l-iżviluppi proposti dwar Kappara Junction? Meta saru dawn l-istudji? Minn min saru, u meta ġew ikkummissjonati? Id-deċiżjonijiet ta' Transport Malta dwar din l-issue, fuq liema livell ittieħdu u jekk qabel sar dan kienx hemm konsultazzjoni ma Ministeri u entitajiet governattivi oħra?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni għada qed tinġabar u għalhekk ir-risposta tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu quddiem Transport Malta bejn l-2008 u l-aħħar ta’ Awwissu 2012, xahar b’xahar u b’mod separat, talbiet għal kumpens wara ħsarat u danni li sewwieqa Maltin u Għawdxin sofrew fil-vetturi tagħhom minħabba l-istat ħażin tat-toroq f’pajjiżna? Jista' jgħid minn liema lokalità sar kull ilment? Jista' jgħid fiex kien jikkonsisti kull ilment? Jista' jgħid każ b’każ x’kienet id-deċiżjoni ta’ Transport Malta ?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Xagħra Għawdex — Triq Parisott - miżuri biex titnaqqas il veloċità
Question
Peress li r-residenti ta' parti minn Triq Parisott fix-Xagħra Għawdex senjatament il-parti t'isfel fejn tidjieq it-triq qed jiltmentaw minħabba perikolu li l-vetturi jgħaddu b'veloċità qawwija, jista' jara li jittieħdu l-miżuri kollha opportuni sabiex il-vetturi jnaqqsu l-veloċità u b'hekk ma jkunux ta' periklu għan-nies t'hemmhekk?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li Transport Malta se tinforma lill-Kunsill Lokali tax-Xagħra Għawdex dwar din it-talba sabiex tara x'jista' jsir.
moll taċ-Ċirkewwa — sigurtà u standards internazzjonali
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-moll taċ-Ċirkewwa huwiex mgħammar bis-sinjali u strutturi kollha ta' sigurtà rikjesti mil-liġi u minn standards internazzjonali? Jista' jippubblika rapporti li jiċċertifikaw dan?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-moll taċ-Ċirkewwa huwa ddisinjat biex jaqdi l-ħtiġijiet tekniċi u strutturali u biex jilħaq il-funzjonalita` stabbilita u l-ispeċifikazzjonijiet tad-disinn. Miżuri ta' sigurta' huma ta' natura operattiva u jaqgħu taħt ir-responsabbilta` tal-Operatur.
moll tal-Imġarr — sigurtà u standards internazzjonali
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-moll tal-Imġarr huwiex mgħammar bis-sinjali u strutturi kollha ta' sigurtà rikjesti mil-liġi u minn standards internazzjonali? Jista' jippubblika rapporti li jiċċertifikaw dan?
Jista' l-Ministru jinvestiga, flimkien mal-kumpanija Arriva, l-ilmenti varji mingħand residenti fl-akwati tal-Ibraġġ li filwaqt li qabel kellhom ir-rotta 64 li kienet teħodhom il-Belt u Tas-Sliema b'regolarità kbira, u llum hemm il-bus 233 li teħodhom Tas-Sliema biss kull siegħa u n-numru 33 li teħodhom il-Belt, bir-riskju li jekk wieħed jitlef waħda minnhom għax kważi qatt ma jiġu fil-ħin u tant qed ikun hemm nuqqas ta' puntwalità li f'ħafna ċirkostanzi, r-residenti lanqas biss ikunu jafu l-karozza tal-linja tkunx diġà għaddiet mill-bus stop jew le u b'hekk jispiċċaw ikollhom idumu jistennew xi sagħtejn għad-destinazzjoni tagħhom?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li r-Rotta 33 topera b’servizz ta’ kull siegħa mill-lokalita’ tal-Ibraġġ lejn il-Belt Valletta u tgħaddi via l-Isptar Mater Dei. Ir-Rotta 233 topera wkoll kull siegħa u tgħaqqad il-lokalita` tal-Ibraġġ ma’ San Ġiljan u tas-Sliema. Ir-Rotta li kienet topera qabel it-3 ta’ Lulju 2011 kienet topera minn tal-Ibraġġ għall-Belt Valletta via tas-Sliema u San Ġiljan iżda r-residenti ma kellhomx servizz dirett lejn l-isptar Mater Dei. Dan it-tibdil fir-rotot kien sar wara konsultazzjoni mal-Kunsill Lokali tas-Swieqi.
Infurmat ukoll li minn stħarriġ li għamlet Transport Malta fuq iż-żewġ rotot imsemmija, jirriżulta li ma kinux irrappurtati każijiet fejn xi passiġġieri tħallew l-art għaliex ix-xarabank kienet mimlija.
Jista' l-Ministru jara jekk Transport Malta tistax tirrakmanda li jsir bus stop shelter fi Triq Sarria l-Furjana?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat lli l-bus stops fl-imsemmija triq jintużaw prinċipalment sabiex passiġġieri jtemmu l-vjaġġ tagħhom fuq dawn il-bus stops u mhux biex jibdew il-vjaġġ. Għaldaqstant, l-awtorità ma tarax il-bżonn illi jsiru bus shelters fuq dawn il-bus stops.
Bieb il-Belt, il-Parlament il-gdid u t-Teatru Rjal — flus minfuqa
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus fuq il-proġett ta' Bieb il-Belt, il-Parlament il-gdid u t-Teatru Rjal u kemm tħallsu b'mod separat sal-lum?
Minn fejn ġew finanzjati? Jista' jgħid f'liema stadju wasal kull wieħed minn dawn il-proġetti? Jista' jgħid jekk ix-xogħlijiet humiex
on schedule
?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li s'issa intefqu u tħallsu kif ġej:
€ 9,327,536 għal Bieb il-Belt;
€27,648,762 għal Bini tal-Parlament il-Ġdid; u
€ 6,700,018 għat-Teatru u l-Pjazza
Dawn l-ispejjeż kienu ffinanzjati mill-Grand Harbour Regeneration Corporation u Malita plc.
Il-progress fuq kull proġett miexi kif ippjanat u wasal fl-istadju kif ġej:
35% għal Bieb il-Belt;
58% għal Bini tal-Parlament il-Ġdid; u
60% għat-Teatru u l-Pjazza
Ix-xoghlijiet kollha huma
on schedule
.
Jista’ l-Ministru jagħti breakdown tal-flus li tħallsu lill-kumpanija tal-awditjar PWC mis-sena 2009 sal-lum, filwaqt li jindika d-deskrizzjoni tax-xogħol mitlub u l-ammont imħallas?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor Interpellant ikun aktar ċar fil-mistoqsija tiegħu.
Bormla u Wied il-Għajn — servizz tat-trasport pubbliku
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 35892, jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi progress rigward is-servizz pubbliku bejn Bormla u Wied il-Għajn?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li bejn Bormla u Wied il-Għajn hemm servizz bin-numru tar-Rotta 124 li topera kull siegħa, l-aħħar ħin minn Bormla jitlaq fit-8.27 ta’ filgħaxija filwaqt li l-aħħar ħin minn Wied il-Għajn jitlaq fit-8.08 ta’ filgħaxija.
Ninsab infurmat ukoll li Transport Malta evalwat din il-materja u ma nħassx il-bżonn li testendi l-ħin tal-operat ta’ din ir-rotta għall-iskeda tax-xitwa u dan minħabba li r-residenti ta’ dawn iż-żewġ lokalitajiet għandhom l-aċċess li jirkbu rotot oħra li jeħduhom ġewwa l-
interchange
ta’ Raħal Ġdid minn fejn jistgħu jibdlu r-rotta għal diversi lokalitajiet oħra u bi frekwenzi aktar spissi.
Jista' l-Ministru jindika kemm-il kumpanija tas-sigurtà offriet jew qed toffri s-servizzi tagħha lil Transport Malta? Jista' jgħid x'tip ta' sigurtà ġew offruti sa mill-2010? Jista' jagħti tagħrif dwar min huma l-kumpaniji flimkien ma' kull nefqa involuta ghal kull servizz?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Administration Department joperax fi ħdan it-Transport Malta? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jindika min huma u kemm jokkupa uffiċjali flimkien ma' impjegati ta' dan id-dipartiment?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li Transport Malta m' għandhiex
Administration Department
iżda dan ir-rwol huwa integrat fid-Direttorat tal-
Corporate Services.