Legislature:
Category:
Reset
Active:

Aġenzija Sapport: Residenzi għal Persuni b’Diżabilità

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 8080, jista’ l-Ministru jgħid fid-dettal x’kienu r-rakkomandazzjonijiet tal-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali li saru dwar ir-Residenzi għal Persuni b’Diżabilità u jekk dawn ir-rakkomandazzjonijiet twettqux mill-Aġenzija Sapport?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onerevoli Interpellant li t-tweġiba għal din il-mistoqsiaj se tingħata waqt seduta oħra.

Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali — direct orders

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 12600 u jgħid kemm-il direct order ingħatat kull sena matul l-2017, 2018 u 2019 mill-Ministeru u d-dekasteru tiegħu inkluż dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu? Jista' jgħid kemm kienet iċ-ċifra ta' flus globali sena b’sena?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-ONOR Interpellant li r-risposta ta' din il-mistoqsija se tkun qed tingħata f'seduta oħra.

Children’s Allowance – tfal reġistrati

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm ġew reġistrati ulied għall-fini tal-benefiċċju taċ-Children’s Allowance tul is-sena li għaddiet?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-informazzjoni mizmuma mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali turi li matul is-sena 2019 tħallsu 3,599 każ ġdid ta’ Allowance tat-Tfal.

Persuni bid-Dijabete — kartuna roża

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 12235 u 12173 li oriġinarjament saru lill-Ministru għas-Saħħa u li issa ġew riferuti lilu u ċjoè: B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 11276 u 11706, jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni fuq il-kartuna r-roża li għandhom il-kundizzjoni tad-dijabete?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta` persuni li għandhom il-karta r-roża ‘l għaliex huma ċċertifikati li jbatu mill-kundizzjoni tad-dijabete jammonta għal 3450.

Servizz ta' Social Workers mal-Anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm social workers li jaħdmu mal-anzjani fis-snin 2016 sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija? Kemm hemm social workers neqsin f’dan il-qasam tant importanti? X’qiegħed jagħmel il-Ministeru sabiex jimpjiega aktar social workers ( full-time jew part-time) f’dan il-qasam?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-informazzjoni mitluba minnu dwar in-numru ta’ ħaddiema soċjali li jaħdmu fil-qasam tal-anzjani, hija kif qed ikun elenkat hawn taħt: Fl-2016 - 8 Ħaddiema Soċjali Fl-2017 - 7 Ħaddiema Soċjali Fl-2018 - 4 Ħaddiema Soċjali Fl-2019 - 7 Ħaddiema Soċjali u 2 Social Welfare Professionals Id-dipartiment tal-Anzjanita’ Attiva u Kura fil-Kommunita’ teħtieġ li jkollha ħaddiem soċjali ieħor fuq ba¿i full-time sabiex dan id-Dipartiment ikun f’pożizzjoni aħjar sabiex ilaħħaq mal-każijiet u jara li jkompli jagħmel follow-ups xierqa fuq kull każ. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, fl-2018 ġie ffirmat kuntratt bejn id-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità u l-Fondazzjoni għas-Servizzi għall-Ħarsien Soċjali, sabiex l-Aġenzija Appoġġ, jipprovdu lill-Anzjanita’ Attiva u Kura fil-Kommunita, skont il-bżonnijiet fil-qasam tal-Anzjani.

Aġenzija Sapport — Kors ta' taħriġ lil carers tal-persuni b'diżabilità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Aġenzija Sapport għandhomx lista tal-carers tal-klijenti tagħhom u jekk jorganizzawlhomx korsijiet ta’ taħriġ lil dawn il-carers tal-persuni b’diżabilità? Jekk iva, fiex jikkonsisti dan il-kors ta’ taħriġ u meta saru dawn il-korsijiet?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-Aġenzija Sapport timpjega carers li jkunu kwalifikati u/jew ta’ esperjenza. Dan minbarra li l-Aġenzija tipprovdi u tħallas għal opportunitajiet ta’ taħriġ għall-impjegati tagħha minn żmien għal żmien, inkluż taħriġ speċjalizzat għal dawk li jaħdmu f‘kuntatt dirett mal-persuni b’dizabilità. Dan it-taħrig jinkludi, fost oħrajn, First Aid Course, Food Handling Course, Safer Moving and Handling Course, Crisis Prevention Intervention, Mental Health First Aid, Infection Control u Dementia Training. Dan it-taħriġ jingħata minn istituzzjonijiet akkreditati. Dan it-taħriġ jinkludi wkoll taħriġ liċenzjat fuq livell internazzjonali, fosthom dak ta’ NAPPI, li jgħin lill-impjegati jaħdmu ma’ persuni b’diżabilità li jesebixxu imġieba magħrufa bħala challenging behaviour jew behaviour of concern. L-Aġenzija Sapport madankollu ma żżommx lista ta’ carers li jagħtu servizz lil persuni b’diżabilità meta dawn jiġu mqabbda minnhom stess jew mill-familjari tagħhom.

Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità — kors ta' taħriġ lil carers tal-anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità għandhomx lista tal-carers tal-klijenti tagħhom u jekk jorganizzawlhomx xi korsijiet ta’ taħriġ lil dawn il-carers tal-anzjani ? Jekk iva, fiex jikkonsisti dan il-kors ta’ taħriġ u meta saru dawn il-korsijiet?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li d-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità iżżomm id-dettalji tal-carers impjegati mill-anzjani li jibbenefikaw mill-iskema tal-Carer at Home. Id-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Kommunita, ma jorganizzax korsijiet ta’ taħriġ għal dawn il-carers li jaħdmu mal-anzjani fil-kommunita’, hekk kif waħda mill-kundizzjonijiet sabiex anzjan/a jibbenefika mill-iskema hija li l-persuna impjegata trid tissodisfa kriterja li titlob li l-carer magħżula jkollha kwalifika rikonoxxuta.

Tqassim ta' tagħmir domestiku lill-familji foqra

Question

Jista’ l-Ministru jgħid il-kriterji sabiex persuni/familji foqra jistgħu jkunu eleġibbli għat-tqassim ta’ tagħmir domestiku? Lil min għandhom dawn il-familji jikkuntattjaw biex jingħataw dan is-servizz?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, matul is-snin, l-Fondazzjoni Għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) nidiet diversi inizjattivi sabiex familji li huma fil-bżonn ta’ xi tagħmir domestiku jigu megħjuna. Dan is-servizz jingħata skont il-bżonn partikolari tal-familji li jagħmlu u¿u minn wieħed mis-servizzi varji li toffri l-istess Fondazzjoni. Il-Ħaddiema Soċjali u Professjonisti tal-Ħarsien Soċjali ( Social Welfare Professionals ) ġeneralment jinnutaw dan il-bżonn waqt li tkun qiegħda issir żjara fid-dar tal-individwu / familja kkonċernata u minn hemm jibda proċess sabiex tali bżonnijiet li jiġu nnutati, fejn huwa possibli, jiġu kkonretizzati. Ta’ spiss il-Fondazzjoni tigi wkoll offruta tagħmir domestiku li jkun għadu jiffunzjona u f’kundizzjoni tajba u l-ħaddiema tad-Dipartiment tas-Servizzi Korporattivi tal-Fondazzjoni tara kif tista’ tagħmel jitqassam fuq rakkomandazzjoni tal-Ħaddiem Soċjali u Professjonisti tal-Ħarsien Soċjali. Bejn l-2017 u l-2019, l-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali (FSWS) ikkolaborat mal- Water & Energy Agency fejn permezz ta’ eżerċizzju ta’ żjarat fi djar fost persuni li kienu eliġibbli għall-għajnuna tal-ikel mill-Unjoni Ewropea (FEAD) u / jew għall-isema tal-ikel minn għand il-Gvern ta’ Malta ( State Funded Food Distribution – SFFD ) ġew iddentifikati familji vulnerabbli f’Malta u Għawdex li għandhom bżonn jinbidlilhom it-tagħmir domestiku li ma kienx energy efficient u allura jaħli ħafna konsum ta’ enerġija. Fil-fatt, ġew iddentifikati 250 familja li, mingħajr ma jafu, kienu qed jikkonsmaw konsum għoli ta’ enerġija minħabba appliances antiki li jaħlu ħafna aktar dawl minn dawk moderni.

Emendi biex min jilħaq l-età tal-pensjoni jkunu jistgħu jaħdmu part-time

Question

Jista’ l-Ministru jikkonsidra li jsiru l-emendi sabiex persuni li jilħqu l-età tal-Pensjoni jkunu jistgħu jkomplu jaħdmu part-time mill-ewwel u mhux jistennew?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, persuna li tilħaq l-età tal-pensjoni, bi ftehim ma’ min iħaddimha, jew inkella tkun taħdem għaliha nnifisha, tista’ tibqa’ taħdem kemm fuq bażi part-time kif ukoll full-time.

Children’s allowance — ħlas

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien in-numru ta’ persuni li tħallsu Children’s Allowance f’Malta u kemm kien l-ammont komplessiv tul is-sena li għaddiet?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-informazzjoni mitluba minnu tinsab fit-tabella t’hawn taħt: 2019 BenefiċċjuNumru ta’ BenefiċjarjiAmmont Imħallas Allowance għat-Tfal skont id-dħul tal-familja17,403€ 20,260,964.80 Allowance għat-Tfal (l-inqas rata)25,423€ 17,233,147.95 Allownce għat-Tfal b’Diżabilità1,659€ 2,164,109.12 Allowance għat-Tfal Fostered192€ 1,233,658.27 Total44,677€ 40,891,880.14

Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali — Rapporti ta' serqiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' serqiet li ġew rapportati lill-Pulizija li saru mill-Ministeru, dipartimenti, id-dekasteru u awtoritajiet oħra li jaqgħu taħtu kull sena matul l-2017, 2018 u 2019?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul il-perjodu msemmi, kien hemm dawn il-kazijiet ta’ serq li ġew irraportati lill-Pulizija: - Fid-Dar tal-Anzjani tal-Imsida saru tlett rapporti matul is-sena 2017 u tlett rapporti matul l-2019; - Fid-Dar tal-Anzjani tal-Mellieħa sar rapport wieħed matul is-sena 2018 u erbgħa rapporti matul l-2019; - Fid-Dar tal-Anzjani tal-Imtarfa sar rapport wieħed matul is-sena 2019; - Fid-Dar tal-Anzjani tal-Mosta saru żewġ rapporti matul is-sena 2019. - Matul l-2019 sar rapport mal-pulizija minn anzjana fiċ-Ċentru għall-Anzjanità Attiva ta' Santa Venera fuq anzjana oħra membru tal-istess Ċentru fuq allegat serq; Il-każijiet imsemmija ġew irraportati kollha lill-Anzjanità Attiva u Kura fil-Kommunità. Ebda dipartiment ieħor jew entita’ oħra li taqa’ taħt l-istess Ministeru ma rreġistra rapporti ta’ serqiet.

In work benefit – Persuni minn Santa Luċija li bbenefikaw

Question

Jista’ l-Ministru jindika kemm persuni f’Santa Luċija (Malta) bbenefikaw mill-In work benefit tul is-sena 2019? Jista’ jindika kemm kienu nisa u kemm kienu rġiel u kemm tħallsu?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-informazzjoni mitluba minnhu hi kif murija fit-tabella t’hawn taħt: Santa Luċija Benefiċjarji Nefqa Nisa 13 €13,874.70 Irgiel 8 €2,477.01 Total 21 €16,351.71

In work benefit – Persuni mill-Gudja li bbenefikaw

Question

Jista’ l-Ministru jindika kemm persuni fil-Gudja bbenefikaw mill-In work benefit tul is-sena 2019? Jista’ jindika kemm kienu nisa u kemm kienu rġiel u kemm tħallsu?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-informazzjoni mitluba minnhu hija kif murija fit-tabella t’hawn taħt: Gudja Benefiċjarji Nefqa Nisa 12 €3,958.71 Irgiel 16 €14,056.41 Total 28 €18,015.12

Iċ-Ċittadella – latrini pubbliċi — aċċessibilità għal persuni b’diżabilità

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 10729 li saret fit-25 ta’ Ġunju 2019 u jgħid jekk, peress li meta sar il-proġett taċ-Ċittadella mhux il-latrini pubbliċi kollha tranġaw biex ikunu aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità, il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilità ħaditx passi biex il-latrini pubbliċi kollha li jinsabu ġewwa ċ-Ċittadella jkunu aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-latrini pubbliċi eżistenti li jinsabu f’kantuniera ma’ Triq il-Bieb tal-Imdina mhumiex tali li jistgħu jiġu kkonvertiti skont l-Istandards għal Ambjent Mibni Aċċessibbli. Dan ġie kkonstatat ukoll minn uffiċċjali tal-Kummissjoni li marru fuq il-post u li kejlu l-infrastruttura preżenti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ġiet infurmata li ċ-Ċittadella Administration Office, fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex, daħħal applikazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar sabiex kamra fi Triq iż-Żenqa fiċ-Ċittadella tiġi kkonvertita f’latrina pubblika aċċessibbli. Filfatt il-Kummissjoni vvetjat l-applikazzjoni u oġġezzjonat għall-applikazzjoni peress li l-pjanti ma kienux konformi mal-imsemmija standards . Tajjeb li wieħed jirrimarka ukoll li, l-latrina pubblika fiċ-Ċentru għall-Interpretazzjoni taċ-Ċittadella hija aċċessibbli.

Servizzi lill-Anzjani li jgħixu waħidhom fil-komunità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma s-servizzi li jingħataw mill-Gvern lill-anzjani li jgħixu waħidhom fil-komunità? Kemm huwa n-numru ta’ dawn l-anzjani li qegħdin jgħixu waħidhom?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-servizzi offruti lill-anzjani kif ukoll in-numru ta’ benefiċjarji li jagħmlu u¿u minnhom fi ħdan l-Anzjanita’ Attiva u Kura fil-Komunita’ huma dawn kif spjegat fit-tabella hawn taħt: Servizzi fil-Komunità Benefiċjarji Servizzi tal- Allied Health 9638 Servizz tal-Ispeċjalista tal-Anzjani fil-Komunità 9 Carer at Home 396 Respite at Home 321 Sezzjoni CommCare 11,981 Servizz tal-Flebotomija 99 Dementia Intervention Team 625 Servizz ta’ Konsulent Psikoġerjatra fil-Komunità 23 Servizz Respite 269 Servizz ta’ Għajnuna fid-Dar – Home Help 4093 Taqsima tas-Servizz Handyman 938 Servizz Meals on Wheels 693 Servizz Tas-Silver T (Tuk Tuk) 6383 Servizz ta’ Scooter 3 Servizz ta’ Kontinenza 6320 Servizz ta’ Roħs fuq il-Linja tat-Telefon ( telephone rebate) 1942 Sezzjoni Ħidma Soċjali - Social Work 688 Taqsima Anzjanità Attiva 1799 Servizz tat- TelecarePlus 7908 Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità ma tiddistingwix bejn anzjani li huma waħidhom u dawk li mhumiex meta toffri s-servizzi mitluba, skont il-bżonnijiet tal-anzjani li jkunu qegħdin japplikaw għas-servizzi kkonċernati..

Aġenzija Appoġġ – Family Workshops

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Aġenzija Appoġġ għadhiex torganizza Family Workshops għal ġenituri li qed jesperjenzaw diffikultajiet f’ħajjithom? Jekk iva, fejn saru dawn il-workshops is-sena l-oħra u fejn sejrin jiġu organizzati din is-sena?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, l-Aġenzija Appoġġ torganizza dawn il-workshops għal ġenituri u familji li jgħaddu minn diversi diffikultajiet fil-ħajja tagħhom. Dawn il-workshops jikkonsistu f’serje ta’ laqgħat dwar il-familja, bil-għan li nilħqu il-bżonnijiet u nifhmu d-diffukultajiet li jkunu għaddejin minnhom il-familja, fosthom, bilanċ bejn il-ħajja familjari u x-xogħol, it-trobbija tal-ulied u r-relazzjonijiet bejn l-aħwa. Fost il-Family Workshops organizzati, fl-31 ta' Jannar 2019 gie organizzat workshop li kkonsista f'10 sessjonijiet. Għal dan il-workshop attendew 8 parteċipanti. Fil-5 ta’ Marzu 2020, ser ikun qiegħed jiġi organizzat workshop ieħor minn ġewwa ċ-Ċentru Leap f’Ħal-Qormi.

Servizz tad-Djar tal-Anzjani u ċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum — Ilmenti

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 12561, jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità tal-Istandards Soċjali tad-Djar tal-Anzjani u ċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum infurmatx bil-miktub lill-klijenti kollha kif ukoll il-carers tagħhom dwar x’għandhom jagħmlu f’każ li jridu jressqu xi ilment?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lil Onor. Interpellant li, l-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali permezz tal-Uffiċju tal-Quality Assurance għaddejja b’kampanja kontinwa mal-klijenti, carers kif ukoll qraba tas-servizzi ta’ Ħarsien Soċjali sabiex ikun hawn iktar għarfien dwar kif wieħed jista’ jgħaddi tgħarif dwar xi ilment għall-attenzjoni tal-Awtorità. L-inforamzzjoni tista’ tgħaddi lill-Awtorità permezz tal-emajl fuq feedback.scsa@gov.mt, permezz ta’ kuntatt telefoniku fuq 25494345 kif ukoll permezz tal-mezzi soċjali tal-Awtorita’.

Aġenzija Sapport: Stennija għaċ-Ċentri ta' Matul il-Jum u Djar Residenzjali

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 12943, jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandu biex jindirizza, inaqqas u jekk jista' jkun jelimina l-listi ta' stennija msemmija għaċ-Ċentri ta' Matul il-Jum u għal Servizzi Residenzjali? Jista' jgħid ukoll kemm minn dawn l-każijiet huma f'Malta u kemm minnhom huma f'Għawdex?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor Interpellant li b’referenza għall-mistoqsija Parlamentari 12943, il-lista ta’ stennija għas-servizzi ta’ Matul il-Jum u għal Servizzi Residenzjali tal-Aġenzija Sapport hija maqsuma kif ġej: Servizzi ta’ Matul il-Jum Servizzi Residenzjali 159: Malta - 119 -ilkaż Għawdex: 24 każ Każijiet oħra: 16-il każgħal servizzi speċjalizzati li jingħataw biss minn Malta 291: Dawn il-każijiet ma jinqasmux skont jekk hux minn Malta jewminn Għawdex peress li t-talba tintlaqa’ skont is-servizz li japplikaw għalih u mhux għal residenza partikolari. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant, li persuna tista’ tkun qed tapplika għal aktar minn servizz wieħed u għaldaqstant l-istatistika mgħotija hawn fuq, maqsuma għas-servizzi ta’ matul il-jum u għas-servizzi residenzjali, tista’ tkun qiegħda tinkludi l-istess individwi li jkunu madanakollu qed japplikaw għal servizzi differenti. Huwa ta’ min jirrimarka li, persuni b’diżabilità li jilħqu l-età ta’ 61 sena, jibqgħu jingħataw servizzi speċjaliżżati fiċ-Ċentri u r-residenzi tal-Aġenzija Sapport u mhux ikunu referuti għal servizzi jew dipartimenti oħra. L-Aġenzija Sapport fil-preżent qiegħda taħdem sabiex tiftaħ aktar djar residenzjali fil-komunità bħala parti mill-Proġett Soċjetà Ġusta mmexxi mis-Segretarjat Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva. Dan minbarra li l-Aġenzija għandha ukoll ftehim ma’ diversi entitajiet non-governattivi kif ukoll mas-settur privat, sabiex tkun tista’ tirreferi persuni b’diżabilità lejn servizzi residenzjali immexxija minnhom, kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex. Fil-każ tas-servizzi ta’ Matul il-Jum, qed isir eżerċizzju ta’ profiling tal-persuni b’diżabilità kollha li jattendu ċ-Ċentri. Dan l-eżerċizzju ser iwassal li nsiru nafu min huwa interessat li jibqa’ jirċievi dan is-servizz minħabba li jkun hemm min huwa reġistrat maċ-Ċentri imma jew l-attendenza tiegħu tkun waħda irregolari jew ikun waqaf milli jattendi. Dan l-eżerċizzju qed jgħin ukoll lill-Aġenzija fl-assessjar ta’ abbiltajiet tal-istess persuni sabiex il-professjonisti jkunu jistgħu jinkoraġġixxu lill-klijenti isibu mpjieg waqt li ssir ħidma mal-familjari sabiex inħeġġuhom jagħtu sapport lill-persuni b’diżabilità biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol, waqt li ngħinuhom jindirizzaw xi biżgħat li jista’ jkun li dawn il-persuni ikunu qed jaffaċċjaw.

Aġenzija Appoġġ: Stennija għaċ-Ċentri ta' Matul il-Jum u Djar Residenzjali

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 12944, jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandu biex jindirizza, inaqqas u jekk jista' jkun jelimina l-lista ta' stennija għal dħul f'waħda mid-Djar Residenzjali tal-Anzjani? Jista' jgħid ukoll kemm minn dawn l-każijiet huma f'Malta u kemm minnhom huma f'Għawdex?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm diversi pjanijiet biex tiġi ndirizzata l-lista ta’ stennija għal dħul f'waħda mid-Djar Residenzjali tal-Anzjani. Kull sena qed jinxtraw iktar sodod fi Djar Residenzjali tal-Anzjani privati biex inkunu nistgħu nilħqu iktar anzjani. Waħda mill-miżuri tal-Baġit li d-Dipartiment ta’ l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità qed jaħdem fuqha fil-preżent, hija l-miżura li kienet titratta bini ta’ Dar għall-Anzjani ġdida ġewwa Birkirkara. Fil-preżent għaddejja ħidma kontinwa ukoll sabiex jitlesta il-kumpless il-ġdid ġewwa ir-Residenza San Vinċenz de Paule, li ser tkun qed jalloka madwar 500 sodda oħra, mas-sodod eżistenti li fil-preżent ir-Residenza għandha għad-dispożizzjoni tagħha. Id-dipartiment tal-L-Anzjanita’ Attiva u Kura fil-Komunita’, qiegħed jaħdem ukoll sabiex insaħħu u nżidu aktar servizzi fil-komunità bil-għan li ngħinu lill-anzjani u lill-qraba sabiex l-anzjani jibqgħu jgħixu fid-djar tagħhom għal aktar żmien, permezz tal-għajnuna neċessarja. Dan il-pass ‘il quddiem huwa meħtieġ u neċessarju hekk kif il-għan aħħari huwa li l-anzjani ikollhom kwalità ta’ ħajja aħjar ġewwa darhom, mingħajr il-bżonn li japplikaw għal kura fit-tul li tista’ tingħata mid-Djar Residenzjali tal-Anzjani Il-każijiet fuq il-lista ta’ stennija għal dħul f’waħda mid-Djar Residenzjani għall-Anzjani f’Malta jamminta għal 2342 każ. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-każijiet fuq il-lista ta’ stennija għal dħul f’waħda mid-Djar Residenzjali għall-Anzjani f’Għawdex, mill-2018, il-Ministeru għal Għawdex beda jieħu ħsieb l-applikazzjonijiet għal dħul f’residenzi tal-anzjani, b’mod dirett mal-Ministeru għal Għawdex.

Residenza San Vinċenz de Paul — tmexxija

Question

Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra min ħa jkun responsabbli għat-tmexxija tal-500 sodda ġdida li ser ikun hemm ġewwa r-Residenza San Vinċenż de Paul (SVPR)?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, ir-Residenza għal Kura fit-Tul San Vincenz De Paul innifisha ser tkun responsabbli mit-tmexxija tal-sodod il-ġodda.