Legislature:
Category:
Reset
Active:

Provision of spare capacity electricity

Question

Jista’ l-Ministru jispjega x’inhi l-partita baġitarja nru 5789 imsejħa “Provision of spare capacity electricity”? Jista’ jgħid l-allokazzjoni ta’ €14-il miljun għal reserve capacity għalxiex intużat fil-passat jew ser tintuża?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-parti baġitarja Nru 5789 imsejħa ‘’Provision of Spare Capacity Electricty’’ hija providiment tal-Public Service Obligation (PSO), ffirmat bejn il-Gvern Malti u Enemalta plc fit-2 t’Ottubru 2014, bħala kumpens għal Enemalta plc b’risq iż-żamma ta’ spare capacity fejn għandha x’taqsam il-ġenerazzjoni tal-elettriku. Din l- ispare capacity hija essenjzali sabiex Enemalta tkun tista tkopri għat-telf tas-sistemi ta’ ġenerazzjoni li normalment ikunu qed joperaw, kif ukoll hija neċessarja, f’sitwazzjonijiet bħal total shutdown , sabiex il-provista tal-elettriku tkun tista’ tiġi ristabilita fl-iqsar żmien possibbli.

Investigazzjoni dwar kontijiet tad-dawl u l-ilma

Question

Fejn jidħlu l-anomaliji li hemm fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma, issa li l-Prim Ministru ammetta u ġie fi kliem l-Oppożizzjoni, u fuq ix-xandir nazzjonali ħabbar li s-sena d-dieħla din se tissolva, jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju waslet l-investigazzjoni li qed jagħmlu f’dan ir-rigward? Jista’ jinfurmana jekk il-familji u n-negozji li qed jinsterqu humiex ser jiġu kkumpensati? Jekk iva, kif, kemm u meta? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport li sar dwar il-kontijiet tad-dawl u l-ilma?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din is-sistema li qed tintuża mill-ARMS ilha tintuża minn żmien l-Aministrazzjoni Nazzjonalista. Jekk l-Onor. Interpellant qed jallega li l-konsumaturi nsterqu, allura bl-istess argument tiegħu stess, fiż-żmien meta kien hemm Amministrazzjoni Nazzjonalista, li huwa stess kien jagħmel parti minnha, kien qed jassumi li l-konsumatrui kienu qed jinsterqu u baqa’ ma tkellimx.

ARMS – cumulative consumption per annum

Question

Jista’ l-Ministru jispjega l-ARMS x’qed jifhmu bi cumulative consumption per annum hekk kif miktuba fil-legal notice? Jista’ jgħid ukoll meta tibda u tispiċċa s-sena, għal skop ta’ kontijiet tad-dawl u l-ilma, skont kif jikkalkulawha l-ARMS, jekk hux minn Jannar sa Diċembru, minn Jannar sa Jannar ta’ wara, jew sempliċement 12-il xahar konsekuttiv? Jista’ jgħid kif?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ta r-Regolatur dwar l-ilment imressaq mill-Oppożizzjoni f’dan ir-rigward.

Birżebbuġa – sistema tad-drenaġġ — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħarraf lill-Kamra jekk hemmx ippjanati xogħlijiet fis-sistema tad-drenaġġ f’Birżebbuġa u meta dawn ix-xogħlijiet huma maħsuba li jinbdew?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm xogħlijiet ippjanati biex tittejjeb is-sistema tad-drenaġġ ġewwa Birżebbuġa, liema xogħlijiet diġa bdew fl-inħawi ta’ Dawret il-Qalb Imqaddsa. B’din l-inizjattiva, mhux biss ser tissaħħaħ is-sistema biex tlaħħaq aħjar mat-tkabbir fl-ekonomija u popolazzjoni, imma ukoll ser taċċerta li l-ibħra fil-viċinanzi jkunu ta’ kwalita eċċellenti u jitnaqqas ukoll l-influss tal-ilma baħar fis-sistema tad-drenaġġ.

Ħal Kirkop – sistema tad-drenaġġ — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħarraf lill-Kamra meta huwa mistenni li jsir ix-xogħol ippjanat fuq is-sistema tad-drenaġġ fi Triq Valletta Ħal Kirkop?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol hu maħsub li jsir matul is-sena d-dieħla. B’din l-inizjattiva ser naċċertaw li s-sistema tad-drenaġġ ser tkopri mat-tkabbir ekonomiku tal-pajjiż.

Ministeru għall-Enerġija u Immaniġjar tal-Ilma -nefqa fuq reklamar fuq Facebook

Question

Jista' l-Ministru jgħid, kemm kienet in-nefqa mill-Ministeru tiegħu u mill-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu, f'reklamar fuq is-sit soċjali Facebook, xahar b'xahar, mit-3 ta' Ġunju 2017 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-imsemmija reklami?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-nefqa f’reklamar fuq is-sit soċjali Facebook hija skont is-segwenti tabella. Entita’ Ammont (eskl. VAT) WSC €820.91 EWA €2,030.40 L-informazzjoni mitluba għandha valur kummerċjali għal Enemalta plc u għal Enemed Co. Ltd. Minħabba f’hekk l-iżvelar tat-tagħrif mitlub jista’ jippreġudika n-negozju tal-istess Kumpaniji.

Użu tal-E10

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-użu tal-E10 jistax inaqqas l-emissjonijiet sa 10%, minbarra li jnaqqas il-prezz tal-fuel? Jista’ jispjega x’sar minnha s-Sitt Skeda tal-Avviż Legali 68 tal-2011, dwar il-kontenut minimu ta’ biofuel bħala perċentwali tal-petroleum? Jista’ jgħid jekk din is-sena wasalniex biex ikollna 8.5% ta’ biofuel fil-petrol, skont l-iSkeda? Jista’ jgħid x’qed jistena l-gvern biex iħalli l-importazzjoni u l-użu tal-ethanol imħallat mal-petrol (10%) magħruf bħala E10?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li s-Sitt Skeda tal-Avviż Legali 68 tal-2011 qegħda tiġi osservata minn kull importatur li jpoġġi fis-suq Malti tal-karburanti għall-użu fit-trasport. Il-perċentwali ta’ biofuel huwa kkalkulat fuq it-total tal-karburanti kollha użati fit-trasport, kemm petrol u kif ukoll diesel . Il-perċentwali ta’ 7.5% għas-sena 2017 intlaħaq u l-ammont neċessarju ta’ biofuel ġie kollu mħallat mad- diesel . L-ammont għas-sena 2018 jiġi kkalkulat meta tagħlaq is-sena. Is-suq tal- biofuels huwa liberaliżżat u ma teżisti l-ebda restrizzjoni għar-rigward tal-importazzjoni tiegħu, salv it-tħaris tal-i standards tekniċi obbligatorji u rilevanti.

Enemalta – collective agreement għall-ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ġiex iffirmat collective agreement ġdid għall-ħaddiema tal-Enemalta? Jekk iva, jista' jgħid meta ġie ffirmat u min kienu l-firmatarji tiegħu? Jista' jgħid liema perjodu jkopri dan il-collective agreement?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li ma ġie ffirmat l-ebda collective agreement għall-ħaddiema tal-Enemalta plc.

Wied il-Għajn – Enerġija Elettrika b’xejn mill-Impjant ta’ Sant’Antnin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il familja f’Wied il-Għajn irċeviet enerġija elettrika b’xejn mill-enerġija ġġenerata mill-impjant ta’ Sant’Antnin mill-2013 sal-lum, maqsuma sena b’sena?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

L-Għarb, Għawdex – Triq Franġisk Portelli – tieni kisja ta’ tarmak

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux ippjanat li tingħata t-tieni kisja ta' tarmak fi Triq Franġisk Portelli ġewwa l-Għarb, Għawdex sal-aħħar tas-sena 2018 u jekk le meta hu ppjanat li tingħata t-tieni kisja ta' din it-triq peress li x-xogħol fuq din it-triq ġejt infurmat f’risposta għall-mistoqsija parlamentari oħra li qed issir mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li t-tieni kisja ta’ tarmak fi Triq Franġisk Portelli ġewwa l-Għarb, Għawdex hija prevista li ssir fl-ewwel xhur tas-sena d-dieħla.

Delimara – tanker tal-gass

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba t-tanker tal-gass f’Delimara ġie mimli mill-ġdid minn mindu bdiet taħdem il-power station tal-Electrogas sal-jum li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li minn meta wasal l-LNG Tanker fil-bajja ta’ Marsaxlokk sal-lum, kien hemm total ta’ ħmistax-il transfer ta’ LNG.

Il-Mellieħa – xogħlijiet relatati mas-sistema tad-drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta mistenni jibda x-xogħol relatat mat-tqegħid tas-sistema tad-drenaġġ fiż-żona magħrufa bħala x-Xatt ta' Santa Marija fil-Mellieħa?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li x-xogħlijiet ser jibdew fil-ġranet li ġejjin. Bħal issa qed isiru l-aħħar taħdidiet u ftehim mal-kuntrattur, mal-kunsill u mal-entitajiet konċernati.

Ministeru għall-Enerġija u Immaniġjar tal-Ilma – Ħatra ta’ Bordijiet ta’ Inkjesta

Question

Jista' l-Ministru jgħid, mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il Bord ta' Inkjesta ġie maħtur minnu bħala Ministru skont dak li jipprovdi l-Att dwar l-Inkjesti (Kap. 273 tal-Liġijiet ta' Malta)? Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-imsemmija Bordijiet ta' Inkjesta li ġew maħtura minnu u għal kull wieħed minnhom jindika s-suġġett u l-għan tal-inkjesta, it-termini tal-ħatra tal-inkjesta, l-isem, il-kunjom u l-kariga u/jew professjoni tal-persuni li ġew maħtura bħala Chairman u/jew Membri tal-Bord, id-data ta' meta ġie/ġew maħtur/a ċ-Chairman u l-Membri tal-Bord u d-data ta' meta ġie ppreżentat ir-rapport finali?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jien bħala Ministru ma ħtart l-ebda Bord ta’ Inkjesta.

Ministeru għall-Enerġija u Immaniġġar tal-Ilma – konsulenzi mogħtija b’direct order

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 133 u jgħid min huma l-persuni/kumpaniji/partnerships li ngħataw kuntratt jew appointment ta' konsulenza mill-11 ta' Marzu 2013 sal-lum mill-Ministeru, id-Dipartimenti jew entitajiet pubbliċi li hemm fi ħdanu permezz ta' direct order? X'kien ix-xogħol li ġew mitluba jagħmlu għal kull kuntratt jew appointment ta' konsulenza? X'inhu l-valur ta' kull kuntratt jew appointment ta' konsulenza?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Ta’ min jgħid li dawn id- direct orders ingħataw skont l-Artiklu 103 tar-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku.

Xagħra Għawdex – Pjazza l-Vittorja – flushing tad-drenaġġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, min meta tlesta l-proġett ta’ rinnovazzjoni, kemm-il darba sar flushing tad-drenaġġ ġewwa Pjazza l-Vittorja fix-Xagħra Għawdex, xahar b’xahar mil-ewwel ta’ Settembru 2016? Jista’ jikkonferma jekk hemmx xi problemi fis-sistema tad-drenaġġ f'din il-Pjazza? Jekk iva, jista’ jgħid x’inhuma dawn il-problemi fis-sistema l-ġdida tad-drenaġġ li saret reċentement ġewwa din l-istess Pjazza u x’inhuma l-pjanijiet biex jissolvew?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li l-ħaddiema tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma marru diversi drabi ġo Pjazza l-Vittorja fix-Xagħra Għawdex sabiex jagħmlu tindif ta’ xaħmijiet oriġinati minn ristoranti li jimblukkaw il-katusi u biex jissiġillaw tappieri għax titla’ riħa kkaġunata mill-ibblukar tax-xaħmijiet. Barra minn dan ma jirriżultax li hemm xi problema fis-sistema tad-drenaġġ tal-imsemmija Pjazza. Fit-tabella segwenti hawn dettalji tal- flushing tad-drenaġġ li sar: Ottubru 2016 2 Novembru 2016 2 Diċembru 2016 1 Jannar 2017 4 Frar 2017 1 April 2017 1 Ġunju 2017 2 Lulju 2017 2 Awwissu 2017 1 Settembru 2017 2 Jannar 2018 2 Awwissu 2018 1

Għawdex – Second Class Water

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess biex il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma toħroġ it-tenders meħtieġa ħalli tkun tista’ tikber il-firxa tan-network tas-Second Class Water ġewwa Għawdex sabiex jinqdew iżjed bdiewa? Jista’ jgħid f'liema xahar u sena huma ppjanati li joħorġu t-tenders għal dan il-proġett?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li t-tenders huma fi stadju avvanzat ta’ ppjanar. Id-dati ta’ meta ħa joħorġu t-tenders jitħabbar fil-ħin opportun.

Triq li tagħti għal Għar Lapsi – dawl

Question

Peress li t-triq li tagħti għal Għar Lapsi hija mdallma u hija ffrekwentata minn bosta Maltin u turisti, jista’ l-Ministru jassigura li jkun hemm id-dawl neċessarju matul l-istess triq?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex tirreferi l-Mistoqsija tagħha lill-Ministru kkonċernat.

Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika – dispożizzjonijiet fil-każ tar-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 6667, filwaqt li ssir referenza għall-artikolu 3 tal-Kap. 545 li jipprovdi li “r-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS) li jkun magħmul minn President u mhux inqas minn erbgħa u mhux iktar minn sitt membri oħra”, jista’ l-Ministru jgħid, fid-dawl ta’ dak li jingħad fl-imsemmi artikolu jekk ir-referenza għar-Regolatur fit-Tieni Taqsima tal-Ħames Skeda tal-Kap 497, tapplikax biss għall-President tar-Regolatur imsemmi jew inkella wkoll għall-membri l-oħra tar-Regolatur? Jekk tapplika biss għall-President, għalfejn tapplika għalih biss?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Għawdex – tkabbir tal-enerġija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, in vista li hemm bosta lmenti minn intraprendituri Għawdxin li ma jistgħux jiddependu biss fuq iċ-ċentri tad-distribuzzjoni tal-Qala u tax-Xewkija meta jiġu biex jippjanaw l-espansjoni tal-fabbriki tagħhom, kif jidħol Għawdex u x'hemm ippjanat b mod konkret għal Għawdex fis-settur tal-enerġija biex jiggarantixxi li d-domanda għall-enerġija ta' għada u l-ġejjieni biex l-intraprendituri tagħna jkunu jistgħu jippjanaw fit-tul, u Għawdex jilħaq il-potenzjal sħiħ fit-tkabbir ekonomiku? Jista’ jgħid Għawdex kif jidħol f'dan kollu, meta dan l-aħħar qal li l-pajjiż għandu bżonn viżjoni li jħares ‘il quddiem u viżjoni li tinkorpora l-aħħar teknoloġija fl-enerġija?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li l-kumpanija Enemalta plc ma rċiviet l-ebda lmenti mingħand intraprendituri Għawdxin rigward id-domanda għall-enerġija. Il-Kumpanija qed tkompli bil-ħidma tagħha fuq proġetti ġodda ġewwa l-gżira ta’ Għawdex u tibqa’ kommessa li tkompli taqdi l-ħtiġijiet tal-enerġija ta’ Għawdex illum u fil-futur.