Legislature:
Category:
Reset
Active:

Burmarrad – Inħawi ta’ Wied Qannotta – Rapporti dwar wire tal-elettriku

Question

Tista' l-Ministru tgħid għalfejn ir-Regolatur għall-Enerġija u s-Servizzi tal-Ilma (REWS) għadu ma ħa l-ebda azzjoni dwar wire tal-elettriku li għaddej jaqsam l-għelieqi b'mod illegali u perikoluż għall-ħajja tan-nies fl-inħawi ta' Wied Qannotta, f’Burmarrad, San Pawl il-Baħar, u li ġie infurmat bih f'Mejju 2026?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajtu għall-mistoqsija parlamentari 1998.

Burmarrad – Inħawi ta’ Wied Qannotta – Rapporti dwar wire tal-elettriku

Question

Tista' l-Ministru tgħid għalfejn l-Enemalta għadha ma ħadet l-ebda azzjoni dwar wire tal-elettriku li għaddej jaqsam l-għelieqi b'mod illegali u perikoluż għall-ħajja tan-nies fl-inħawi ta' Wied Qannotta, f’Burmarrad, San Pawl il-Baħar, u li l-Enemalta ġiet infurmata bih b'ittra legali datata 4 ta' Ġunju 2024?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li ttieħdet azzjoni mill-Enemalta u lill-konsumatur konċernat kienet issospendietlu l-provvista tal-elettriku minħabba l-irregolarità relatata mas-servizz. Infurmata wkoll li sussegwentement, il-konsumatur rregolarizza s-sitwazzjoni u, wara li ġew sodisfatti r-rekwiżiti meħtieġa, il-provvista ngħatat lura.

Is-Swieqi, Pembroke, San Ġiljan u l-akkwati – Stazzjonijiet ta’ monitoraġġ tal-kwalità tal-arja

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk il-Gvern għandux il-ħsieb li jżid l-istazzjonijiet ta’ monitoraġġ tal-kwalità tal-arja fiż-żona tas-Swieqi, Pembroke, San Ġiljan jew lokalitajiet fil-viċin fejn qed jiġu rrappurtati rwejjaħ qawwija, dħaħen u emissjonijiet li allegatament ġejjin mill-impjant li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, u jippubblika b’mod regolari r-riżultati sabiex ir-residenti jkunu infurmati dwar il-livelli ta’ tniġġis u l-konformità tal-impjant mal-kundizzjonijiet tal-permessi tiegħu?

Response (DALLI, MIRIAM)

B’żieda mat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 1958, ninforma lill-Onor. Interpellanta li għar-rigwarrd taż-żona msemmija, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) żiedet in-network għal monitoraġġ tal-arja b’diffusion tubes f’erba’ postijiet fl-Iklin u f’San Ġwann biex tkejjel il-livelli ta’ sustanzi li jniġġsu relevanti għall-każ u kif regolati mid-Direttiva tal-Unjoni Ewropea. Ir-riżultati minn Novembru 2023 s’Awwissu 2026 indikaw livelli ta’ benzin taħt il-limiti stabbiliti fid-direttiva.

Impjant – Miżuri biex titħares il-kwalità tal-ħajja tar-residenti

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema miżuri konkreti qed jittieħdu jew huma ppjanati sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet u l-irwejjaħ mill-impjant li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, jissaħħaħ l-infurzar u jiġu mħarsa aħjar is-saħħa u l-kwalità tal-ħajja tar-residenti li jgħixu fil-viċin?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1959.

Operat ta’ impjant – Spezzjonijiet/investigazzjonijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk sarux spezzjonijiet jew investigazzjonijiet dwar l-operat tal-impjant li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament u x’kienu r-riżultati tagħhom, inkluż jekk instabx xi ksur tal-permessi ambjentali jew tal-limiti tal-emissjonijiet?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li mill-1 ta’ Jannar sa nofs Settembru 2026, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) wettqet seba’ spezzjonijiet fil-faċilità li qed issir referenza għaliha. F’erbgħa minn dawn l-ispezzjonijiet, speċifikament fis-17 ta’ Jannar, fil-11 ta’ Marzu, fit-23 t’April u fit-28 ta’ Lulju, ġew ikkonfermati rwejjaħ li kienu attribwiti ma’ konsenji tal-qatran u t-tagħbija tat-tarmak fuq trakkijiet għat-trasport. L-obbligu ta’ permess ambjentali ġie stabbilit bl-introduzzjoni tar-Regolamenti dwar il-Permessi Ambjentali (Proċedura għall-Applikazzjonijiet u d-Determinazzjoni Tagħhom) (LS549.172) li obbligat lil operaturi diġà eżistenti biex tinġieb clearance sakemm jottjenu l-permess ambjentali. Dan japplika f’dan il-każ peress li l-impjant ilu stabblilit snin qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dawn ir-regolamenti. L-operatur ġie mitlub janalizza s-sorsi fl-operat li jistgħu iwasslu għal riħa u kif ser jiġu mitigati. Dan huwa eżerċizzju biex iservi bħala qafas li fuqu jista’ jinbeda l-proċess tal-applikazzjoni ambjentali.

San Ġwann – Ġnien Hibiscus – Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet ta’ manutenzjoni saru fi Ġnien Hibiscus, f’San Ġwann, sa qabel ir-riġenerazzjoni fl-2022?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qabel ma sar il-proġett ta’ Ġnien Hibiscus, dan il-post fil-qalba tal-lokalità ta’ San Ġwann kien abbandunat u b’mod abbużiv fih kien jintrema l-iskart. Minflok ħloqna spazju miftuħ li jagħti nifs lir-residenti li jgħixu f’din iż-żona urbana. Ix-xogħlijiet tal-proġett li sar fl-2022 kienu jinkludu t-tħejjija tal-ħamrija, it-tħawwil ta’ pjanti, l-installazzjoni ta’ sistema ta’ irrigazzjoni, kif ukoll il-kostruzzjoni ta’ tinda tal-injam fuq vaska tal-ħut. Ġnien il-Hibiscus huwa magħruf għad-diversi pjanti tal-Hibiscus, li matul l-istaġun tar-rebbiegħa joffru dehra mill-isbaħ. Dan il-ġnien joffri opportunità lill-viżitaturi tiegħu jesploraw passaġġi aċċessibbli li jagħtu għal żoni tematiċi b’tipi differenti ta’ din il-pjanta. F’dan il-ġnien issib ukoll bankijiet għad-dell biex b’hekk il-viżitaturi jkunu jistgħu jirrilassaw.

Gwardamanġa – Santwarju tal-Madonna ta’ Fatima – Roof Garden – Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet ta’ manutenzjoni saru fir-Roof Garden tas-Santwarju tal-Madonna ta’ Fatima, f’Gwardamanġa, sa qabel ir-riġenerazzjoni fl-2022?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qabel Ambjent Malta wettqet il-proġett ta’ riġenerazzjoni u tisbiħ ambjentali fuq il-bejt tas-Santwarju tal-Madonna ta’ Fatima fl-2022, is-sit ma kienx joffri spazju aħdar aċċessibbli għall-pubbliku kif jeżisti llum. Permezz tal-proġett saru xogħlijiet ta' restawr, tisħiħ u protezzjoni tas-saqaf sabiex dan ikun adattat għall-ħolqien ta' roof garden. L-interventi inkludew ukoll l-installazzjoni ta' tankijiet għall-ġbir u l-ħażna ta' madwar 15,000 litru ilma tax-xita, sistema ta' irrigazzjoni, tagħmir tad-dawl, il-kostruzzjoni ta' planters u l-introduzzjoni ta' għamara urbana, kif ukoll it-tħawwil ta' siġar, arbuxelli u pjanti ornamentali. Permezz ta' dawn l-interventi nħoloq spazju miftuħ u aċċessibbli għall-komunità filwaqt li ġew introdotti miżuri li jtejbu l-ġestjoni sostenibbli tal-ilma u l-kwalità ambjentali tal-inħawi.

Ministeru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir – Lista ta’ konsulenzi

Question

Tista' l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-konsulenzi kollha mogħtija mill-Ministeru u l-entitajiet tagħha matul l-2025 u l-2026 relatati mal-Intelliġenza Artifiċjali, it-trasformazzjoni diġitali jew il-Malta Business Wallet, flimkien mal-valur ta' kull kuntratt, il-metodu ta' akkwist u l-isem tal-fornitur?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsba infurmata li, matul l-2025 u l-2026, il-Ministeru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir u l-entitajiet li jaqgħu taħtu ma taw l-ebda konsulenza relatata mal-Intelliġenza Artifiċjali.

Tħaddim tal-iskema BCRS

Question

Tista’ l-Ministru tagħti aġġornament dwar it-tħaddim tal-iskema BCRS, inkluż kemm inġabru kontenituri tax-xorb minn meta bdiet titħaddem l-iskema? Fid-dawl tal-miżuri li ttieħdu biex il-kwalità tal-ilma tal-vit f’Malta titjieb u jiżdied il-konsum tiegħu, tista’ l-Ministru tgħid kemm hu stmat li ntużaw inqas jew ġew evitati fliexken tal-plastik b’riżultat ta’ konsum aktar għoli tal-ilma tal-vit?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Iskema BCRS kompliet tissaħħaħ kemm fuq livell operattiv kif ukoll regolatorju, b’enfasi partikolari fuq it-titjib tas-servizz offrut lill-pubbliku. Fost il-miżuri ewlenin li ttieħdu, ġew introdotti standards aktar stringenti dwar l-uptime tal-magni (RVMs) u l-ħin li fih magna tkun “bin full”, flimkien ma’ żieda fil-frekwenza tat-tindif u tal-ġbir. Il-Licence Agreement aġġornat jistabbilixxi, għal kull RVM, uptime ta’ mill-inqas 90% fuq bażi ta’ ġimgħa matul il-ħinijiet stabbiliti ta’ operat, filwaqt li “bin full” m’għandux jaqbeż 4% fuq bażi ta’ ġimgħa. Sar ukoll titjib fir-rotot sabiex tiżdied il-frekwenza tat-tbattil tal-magni, u matul is-sajf f’lokalitajiet b’domanda għolja l-ġbir isir filgħodu u filgħaxija, filwaqt li żdiedu wkoll ir-rotot ta’ billejl. Mill-bidu tal-Iskema f’Novembru 2022 sat-tmiem ta’ Ġunju 2026, inġabru kumulattivament madwar 817.7 miljun kontenitur. Fl-istess waqt, tnediet skema ta’ għajnuna permezz ta’ Malta Enterprise biex tħeġġeġ aktar investiment f’RVMs mill-bejjiegħa bl-imnut u b’hekk tkompli tissaħħaħ in-network ta’ punti ta’ ġbir. Fir-rigward tat-tnaqqis fil-fliexken tal-plastik attribwibbli għal konsum ogħla tal-ilma tal-vit, ninforma lill-Onor. Interpellant li wieħed mill-għanijiet tal-investimenti u l-miżuri li ttieħdu sabiex titjieb il-kwalità tal-ilma tal-vit huwa proprju li aktar persuni jagħżlu l-ilma tal-vit bħala alternattiva sostenibbli għall-ilma bbottiljat, bil-benefiċċji ambjentali li dan iġib miegħu permezz ta’ tnaqqis fil-ġenerazzjoni tal-iskart u fl-użu tal-plastik. Madankollu, għandu jiġi ċċarat li l-ilma ma jiġix ikkunsmat esklussivament minn kontenituri li jaqgħu taħt l-Iskema BCRS u għalhekk id-dejta tal-Iskema tista’ tagħti biss stampa parzjali. Id-dejta disponibbli tindika li bejn l-2024 u l-2025, it-total ta’ kontenituri PET imqiegħda fis-suq naqas minn 174.83 miljun għal 173.12 miljun, tnaqqis ta’ madwar 1.72 miljun kontenitur. Fl-istess perjodu, il-fliexken PET ta’ ilma mhux aromatizzat naqsu minn 114.97 miljun għal 113.73 miljun, jiġifieri tnaqqis ta’ madwar 1.24 miljun flixkun. Għaldaqstant, madwar 71% tat-tnaqqis kollu fil-PET kien attribwibbli għat-tnaqqis fil-fliexken tal-ilma, filwaqt li fl-istess sena t-tqegħid fis-suq lokali tal-kontenituri kollha taħt l-Iskema żdied b’madwar 2.9 miljun. Dawn iċ-ċifri huma konsistenti mal-għanijiet tal-politika tal-Gvern li tinkoraġġixxi għażliet aktar sostenibbli fil-konsum tal-ilma u tnaqqis fid-dipendenza fuq prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss.

Il-Marsa – Proġett ta’ riġenerazzjoni – Xogħlijiet mill-Enemalta u WSC

Question

Tista’ l-Ministru tgħid fiex jikkonsistu x-xogħlijiet li qed iwettqu l-Enemalta u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) bħala parti mill-proġett ta’ riġenerazzjoni fiċ-ċentru tal-Marsa? Tista’ tagħti dettalji dwar l-investiment fin-network tad-distribuzzjoni tal-elettriku, inkluż il-cables ġodda ta’ vultaġġ medju u baxx, kif ukoll dwar ix-xogħlijiet fuq il-pajpijiet tal-ilma tax-xorb u l-infrastruttura tad-drenaġġ, u tgħid x’benefiċċji se jġibu dawn ix-xogħlijiet għar-residenti u n-negozji fiż-żona?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan mhuwiex sempliċiment proġett biex il-qalba tal-Marsa jkollha dehra ġdida, imma proġett li qed jgħaqqad ir-riġenerazzjoni tal-ispazji ta’ barra ma’ investiment fl-infrastruttura essenzjali li taqdi lill-lokalità. Qed nużaw din l-opportunità biex inġeddu l-infrastruttura taħt it-toroq tagħna, intejbu l-ispazji pubbliċi u l-aċċessibbiltà, u noħolqu ambjent aħjar għar-residenti, għan-negozji u għal kull min juża din iż-żona. Huwa important li dawn l-interventi differenti jsiru b’mod kordinat bħala parti minn proġett wieħed komprensiv, u għalhekk il-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir qed tikkoordina x-xogħlijiet f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Enemalta, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, il-kumpaniji tat-telekomunikazzjoni, il-Kunsill Lokali tal-Marsa u l-komunità lokali. Min-naħa tal-Enemalta qed isir investiment ta’ madwar €400,000 biex issaħħaħ in-netwerk tad-distribuzzjoni tal-elettriku fiż-żona. Dan jinkludi tqegħid ta’ 2.5 kilometri ta’ cables ta’ vultaġġ medju u ta’ vultaġġ baxx. Filwaqt li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qed tagħmel investiment ta’ madwar €690,000 biex tbiddel il-pajpijiet prinċipali tal-ilma tax-xorb eżistenti u tinstalla pajp prinċipali ġdid ta’ 350mm qrib il-knisja u tul Triq is-Salib tal-Marsa. Il-Korporazzjoni se ttejjeb ukoll l-infrastruttura tad-drenaġġ f’din l-istess żona.

Manoel Island, White Rocks u Fort Campbell – Rapport tal-konsultazzjoni pubblika

Question

Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport sħiħ tal-konsultazzjoni pubblika dwar il-parks nazzjonali proposti f’Manoel Island, White Rocks u Fort Campbell?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-konsultazzjoni pubblika dwar it-tliet parks nazzjonali proposti għal Manoel Island, il-White Rocks u Fort Campbell saret bejn Diċembru 2025 u April 2026 permezz tal-pjattaforma ParksinMalta.mt. Matul dan il-proċess, ġew sottomessi aktar minn 6,000 kontribuzzjoni. Project Green organizzat madwar 100 workshop u focus groups li fihom ħadu sehem madwar 6,000 persuna oħra, fosthom residenti, studenti, familji, anzjani, Kunsilli Lokali u għaqdiet mhux governattivi. B’hekk, il-proċess ta’ konsultazzjoni wassal għal madwar 12,000 kontribuzzjoni u parteċipant u qed jgħin biex jiġu identifikati l-prijoritajiet, l-aspettattivi u l-ideat tal-pubbliku qabel ma jiġu żviluppati aktar il-pjanijiet ta’ riġenerazzjoni għat-tliet siti. Il-feedback ta’ din il-konsultazzjoni qed tgħin biex ikunu żviluppati l-pjani għat-tliet parks nazzjonali proposti.

Il-Buskett – Latrini Pubbliċi – Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk is-sejħa għall-offerti marbuta max-xogħlijiet fuq il-latrini pubbliċi fil-Buskett ġietx aġġudikata? Jekk iva, tista’ tgħid jekk dawn ix-xogħlijiet bdewx u f’liema data, meta huma mistennija li jitlestew u meta huma mistennija li jkunu operattivi għall-użu pubbliku?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sejħa għall-offerti relatata mal-upgrading u r-riġenerazzjoni tal-faċilitajiet sanitarji pubbliċi fil-Buskett waslet fl-aħħar stadji tal-proċess ta’ aġġudikazzjoni, bil-perjodu għall-preżentazzjoni ta’ appelli skada fil-5 ta' Ottubru 2026. Suġġett għall-konklużjoni tal-proċeduri kollha previsti mil-liġi u għall-finalizzazzjoni tal-proċess ta’ aġġudikazzjoni, Ambjent Malta tkun tista’ tipproċedi bl-għoti tal-kuntratt u l-bidu tal-implimentazzjoni tal-proġett. Il-kuntratt jipprevedi perjodu ta’ sitt xhur għat-twettiq tax-xogħlijiet mill-ħruġ tal-ordni tal-bidu. Għalhekk, huwa mistenni li x-xogħlijiet jitlestew fl-2027, sabiex il-faċilitajiet ikunu jistgħu jitqiegħdu għas-servizz tal-pubbliku.

Birżebbuġa – Riżorsi mid-Dipartiment għall-Indafa Pubblika

Question

Tista' l-Ministru tindika r-riżorsi umani u finanzjarji mogħtija mid-Dipartiment għall-Indafa Pubblika lill-Kunsill Lokali ta' Birżebbuġa għaż-żamma tal-istess lokalità?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.

Birżebbuġa – Immaniġġjar tal-iskart – Pjanijiet għall-ġejjieni

Question

Tista' l-Ministru tgħid xi pjanijiet hemm għall-ġejjieni sabiex isir l-investiment meħtieġ sabiex tittejjeb is-sitwazzjoni tal-immaniġġjar tal-iskart fil-lokalità ta' Birżebbuġa?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.

Birżebbuġa – Immaniġġjar tal-iskart – Riżorsi allokati

Question

Tista' l-Ministru tindika r-riżorsi allokati għall-immaniġġjar tal-iskart fil-lokalità ta' Birżebbuġa tramite r-Reġjun Nofsinhar, liema lokalità qed tiffaċċja sfidi kbar fl-immaniġġjar tal-iskart domestiku u kummerċjali?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.

Is-Swieqi - Charging pillars għall-iċċarġjar ta’ vetturi elettriċi

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm charging pillars pubbliċi għall-vetturi elettriċi fis-Swieqi? Kemm minnhom huma operattivi u fejn jinsabu?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-lokalità tas-Swieqi hemm14-il charging point, li jinsabu fi Triq is-Swieqi, Triq l-Istasija, Triq tal-Ibraġġ, Triq ix-Xiber, Triq il-Miżura c/w Triq l-Istasija, Triq Slielem u Triq Keffa.

San Ġiljan - Charging pillars għall-vetturi elettriċi

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm charging pillars pubbliċi għall-vetturi elettriċi f’San Ġiljan? Kemm minnhom huma operattivi u fejn jinsabu?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-lokalità ta’ San Ġiljan hemm12-il charging point, li jinsabu fi Triq Ta’ Giorni, Spinola Bay Parking Lot (quddiem Tigullio), Triq Lapsi c/w Triq San Mark, Triq il-Qalb Imqaddsa, Triq Mikiel Anġ Borġ (Tigullio Parking) u fi Triq Manwel Dimech (Pjazza tal-Balluta).

Tas-Sliema - Charging pillars għall-vetturi elettriċi

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm charging pillars pubbliċi għall-vetturi elettriċi f’Tas-Sliema? Kemm minnhom huma operattivi u fejn jinsabu?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-lokalità ta’ Tas-Sliema hemm 14-il charging point, li jinsabu tnejn fi Triq ix-Xatt, Xatt ta’ Qui Si Sana, Triq Ċensu Xerri, Triq Sir Adrian Dingli, Triq Bisazza (Parking lot) u Għar id-Dud.

Provvista tal-elettriku

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 1764 u tgħid: i.    jekk il-Gvern iqisx li t-tieni interconnector bejn Malta u Sqallija huwa biżżejjed sabiex jindirizza r-riskji li jistgħu jirriżultaw minn kriżi internazzjonali li taffettwa kemm il-provvista tal-elettriku minn Sqallija kif ukoll il-provvista tal-LNG; ii.   x’inhu l-pjan ta’ kontinġenza tal-Gvern f’każ li, minħabba kriżi internazzjonali jew ġeopolitika, Malta tiffaċċja diffikultajiet kemm fl-importazzjoni tal-elettriku kif ukoll fil-provvista tal-LNG; iii.   jekk sarux studji jew stress tests dwar ir-reżiljenza tas-sistema tal-enerġija ta’ Malta f’xenarju fejn il-provvista tal-elettriku minn Sqallija u l-importazzjoni tal-LNG jiġu affettwati fl-istess ħin u jekk iva, meta saru u x’kienu l-konklużjonijiet ewlenin tagħhom; u iv.   x’miżuri addizzjonali qed jippjana l-Gvern sabiex isaħħaħ is-sigurtà tal-enerġija għal Malta u jnaqqas id-dipendenza tagħha fuq sorsi ta’ enerġija importati?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sistema tal-enerġija ta’ Malta hija mfassla biex tissodisfa standards internazzjonali ta’ sigurtà tal-provvista u hija sostnuta minn taħlita ta’ ġenerazzjoni lokali, interkonnessjoni ma’ Sqallija u miżuri operattivi ta’ mitigazzjoni tar-riskju. F’dan il-kuntest it-tieni interconnector, li x-xogħol fuqu huwa avvanzat sew, huwa investiment importanti li jkompli jsaħħaħ ir-reżiljenza u s-sigurtà tal-provvista tal-elettriku. Is-sistema tinkludi wkoll arranġamenti ta’ kontinġenza u kapaċitajiet ta’ ġenerazzjoni li jistgħu jintużaw permezz ta’ fuels alternattivi f’ċirkostanzi eċċezzjonali, bħala parti mill-miżuri nazzjonali għas-sigurtà tal-provvista. Bħalma jsir f’ġurisdizzjonijiet oħra, il-kunsiderazzjoni tal-kontinġenzi trid iżżomm bilanċ bejn il-livell ta’ reżiljenza meħtieġ, il-probabbiltà ta’ avvenimenti simultanji eċċezzjonali u l-ispejjeż involuti. Is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija hija indirizzata kemm permezz tal-miżuri nazzjonali kif ukoll fil-kuntest tal-qafas Ewropew dwar is-sigurtà tal-provvista, li jippromwovi koperazzjoni, kordinazzjoni u assistenza reċiproka bejn l-Istati Membri fil-ġestjoni ta’ sitwazzjonijiet ta’ kriżi. Infakkar lill-Onor. Interpellant li l-prassi applikabbli fl-industrija tal-enerġija hija li l-kapaċità tal-impjanti ta’ ġenerazzjoni tkopri eventwalità ta’ N-1, jiġifieri, per eżempju, meta jintilef sors ewlieni wieħed tal-provvista. L-eventwalità indikata mill-Onor. Interpellant tirreferi għal okkorrenza ta’ N-2, li tmur lil hinn mill-kriterji standard ta’ pjanar adottati fis-settur tal-enerġija. L-entitajiet u l-operaturi responsabbli mill-infrastruttura tal-enerġija jwettqu b’mod regolari valutazzjonijiet tar-riskju u eżerċizzji ta’ pjanar biex jassiguraw is-sigurtà u r-reżiljenza tas-sistema. F’dan il-kuntest, il-Gvern jieħu l-informazzjoni u l-pariri tekniċi meħtieġa billi jistrieħ ukoll fuq il-kompetenzi u l-għarfien speċjalizzat tal-entitajiet u l-operaturi rilevanti, inklużi l-Energy and Water Agency, ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma, l-Enemalta plc, l-Interconnect Malta u l-International Energy Services Centre. Fejn ikun meqjus neċessarju, il-Gvern jagħmel użu wkoll minn konsulenza u kompetenza internazzjonali sabiex jissaħħu l-proċessi ta’ pjanar, valutazzjoni u reżiljenza tas-sistema tal-enerġija. L-investimenti fil-ġenerazzjoni lokali, fit-tieni interconnector u f’infrastruttura relatata jkomplu jsaħħu l-kapaċità tas-sistema biex tindirizza firxa ta’ xenarji ta’ riskju u jassiguraw livell għoli ta’ sigurtà tal-provvista. Il-Gvern jibqa’ kunfidenti li, bis-saħħa tal-investimenti li saru u li qed isiru fl-infrastruttura tal-enerġija, Malta tinsab f’pożizzjoni tajba sabiex tkompli tassigura provvista stabbli, sigura u affidabbli tal-elettriku. Infakkar ukoll li l-Gvern qed ikompli jinvesti b’mod sostanzjali fl-enerġija rinnovabbli, bil-għan li Malta tilħaq madwar 350MW ta’ enerġija mix-xemx sal-2030 u madwar 300MW addizzjonali minn enerġija mir-riħ fis-snin ta’ wara. Qegħdin isiru wkoll investimenti fis-sistemi ta’ ħażna tal-enerġija permezz ta’ batteriji biex l-enerġija ġenerata minn sorsi rinnovabbli tkun tista’ tintuża f’ħinijiet differenti tal-ġurnata. Barra minn hekk, il-Gvern qed ikompli jsaħħaħ l-infrastruttura enerġetika, inkluż permezz tat-tieni interconnector u l-ippjanar ta’ interkonnessjoni addizzjonali mal-grid Ewropea. Fl-istess waqt, il-Gvern qed joffri għajnuna lis-settur domestiku u dak kummerċjali biex jinvestu f’miżuri ta’ effiċjenza enerġetika u teknoloġiji ta’ ħażna tal-enerġija, inklużi batteriji. Dawn il-miżuri jikkontribwixxu biex tiżdied il-kapaċità ta’ ħażna tal-enerġija ġenerata lokalment, jitnaqqsu l-quċċati tad-domanda u tkompli tissaħħaħ is-sigurtà tal-provvista.

L-Imġarr – Qtugħ fil-provvista tal-elettriku

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il darba nqatgħet il-provvista tal-elettriku fl-Imġarr, Malta, mill-1 ta’ Ġunju 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? F’kull każ, tista’ tgħid fejn seħħ il-qtugħ u kemm dam? Tista’ tgħid ukoll x’azzjonijiet ittieħdu sabiex ma jerġax jinqata’ d-dawl f’dawn l-inħawi?

Response (DALLI, MIRIAM)

Enemalta kompliet tinvesti b’mod sostanzjali fit-tisħiħ tan-network tad-distribuzzjoni fl-Imġarr matul dawn l-aħħar sentejn. Fost l-oħrajn, tlestew żewġ kilometri ta’ cables ta’ vultaġġ medju ġodda taħt l-art fl-Imġarr bħala parti minn programm nazzjonali ta’ rinfurzar tan-network sabiex tiżdied ir-reżiljenza u l-flessibbiltà tas-sistema tad-distribuzzjoni. Barra minn hekk, il-lokalità bbenefikat minn investimenti oħrajn fin-network li kienu jinkludu substations ġodda, feeders ġodda u konnessjonijiet alternattivi biex titjieb l-affidabbiltà tal-provvista tal-elettriku. F’nofs Lulju u lejn l-aħħar t’Awwissu pajjiżna ffaċċja żewġ mewġiet ta’ sħana estrema li poġġew pressjoni bla preċedent fuq in-network tad-distribuzzjoni, tant li fl-ewwel okkażjoni d-domanda għall-elettriku laħqet livell rekord ta’ 741MW. Din is-sitwazzjoni affettwat l-infrastruttura tal-enerġija, kif ġara anke f’pajjiżi oħra fl-Ewropa. L-impjegati tal-Enemalta ħadmu bla waqfien u mmobilizzaw kull riżorsa biex taw lura l-provvista b’mod sigur u fl-iqsar żmien li kien umanament possibbli. Enemalta se tkompli twettaq aktar investimenti u xogħlijiet ta’ rinfurzar f’partijiet differenti tal-Imġarr bħala parti mill-programm kontinwu tagħha ta’ modernizzazzjoni u tisħiħ tan-network tad-distribuzzjoni, bil-għan li tkompli ssaħħaħ ir-reżiljenza tan-network u ttejjeb il-kwalità tal-provvista tal-elettriku għall-konsumaturi fil-lokalità.