Ħal Far Industrial Estate — tender ta' skavar fi plot
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-Malta Industrial Parks, fis-6 ta' Diċembru 2018 ħarġet tender għal skavar fi plot 039 f'Ħal Far Industrial Estate? Jista' jagħti aktar dettalji fuq dan il-proġett u min ħa jiffinanzja l-proġett kollu fuq din l-art?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-proġett jirrigwarda plot HHF 039 li ħa tiġi diviża fi skema ta’ plots iżgħar sabiex dawn jiġu eventwalment żviluppati mill-fondi tal-inkwielini.
Għaldaqstant it-
tender
li nħareġ mill-MIP jirrigwarda l-preparamenti għall-infrastruttura komuni u cjoè,
site clearance
sal-livelli tat-triq,
service ducts
, bankini u toroq komuni.
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk hemmx ħaddiem/ħaddiema li jagħmlu xogħol tas-Security Guards ġewwa s-siti magħrufin bħala tal-Ħofra u l-ex-fabbrika tal-Ħalib fix-Xewkija Għawdex fejn bħalissa għaddej xogħol ta' kostruzzjoni b'fondi tal-Unjoni Ewropea? Kemm hemm security guards b’kollox f’kull sit? X'ħinijiet jaħdmu dawn is-securities? Ma’ min huma impjegati? Kif intgħażlu biex jagħmlu dan ix-xogħol u fejn ħarġet is-sejħa? X’kienet tirrikjedi s-sejħa? Minn liema lokalità huma l-persuni magħżula? Kemm ilhom jagħmlu dan ix-xogħol f'dawn iż-żewġ siti fix-Xewkija Għawdex u min qed iħallas għal dawn il-ħaddiema? X’kienu r-raġunijiet għala ġew imqabbda dawn is-Securities?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor Interpellant li dawn iż-żewġ proġetti għadhom fi stadju ta' kostruzzjoni. Il-pussess tas-siti partikulari kif ukoll is-sigurtà u xogħlijiet pertinenti huma fir-responsabiltà tal-kuntratturi rispettivi u dan sakemm jitlestew ix-xogħolijiet.
Għaldaqstant il-MIP kif ukoll il-Ministeru ma jimpjegaw l-ebda ħaddiem/ħaddiema sabiex jagħmlu xogħol ta'
Security Guards
f'dan ir-rigward.
Ministeru għall-Ekonomija, l-Investiment u n-Negozji ż-Żgħar — trasferimenti/pagamenti f’bank
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk sarux trasferimenti u/jew pagamenti, inkluż iżda mhux biss, ta' pagi, f'kontijiet li jinsabu fil-bank li l-isem u d-dettalji tiegħu qegħdin jingħataw separatament, mill-Ministeru u/jew mill-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari,? Jekk iva, jista' jgħid dwar xiex kienu dawn it-trasferimenti u/jew pagi u kemm kien it-total tal-ammont li ġie trasferit?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk jew meta, il-Port Ħieles ser jinstalla x-shore to vessel supply tal-enerġija għal vapuri sabiex tibda tiġi mmitigata l-problema ta’ ħsejjes enormi li qed ikunu ġġenerati minħabba l-ġeneraturi u li minħabba fihom ir-residenti ta’ Birżebbuġa qed ibatu ħafna?
Response (CARDONA, CHRIS)
Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista’ l-Ministru jgħarraf lill-Kamra kemm hemm art okkupata minn fabbriki f’Ħal Far? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm art li hija meqjusa bħala industrial area f’Ħal Far? Jista’ jindika permezz ta’ pjanti, liema art hija meqjusa industrijali, liema art hija vakanti u liema art hija okkupata b’fabbriki?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar – spiża tas-servizz tal-mobile tal-Ministru
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża għas-servizz ta' mobile telephone li jintuża minnu stess bħala Ministru u li jitħallas mill-Gvern xahar b'xahar mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar – impjegati li kienu impjegati ma’ bank
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il entità fi ħdanu għandhom impjegati li fl-aħħar tliet snin kienu impjegati mal-bank li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, u x'inhu x-xogħol tagħhom illum?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ebda entità fi ħdan il-Ministeru tiegħi, m’għandha mpjegati li fl-aħħar tliet snin kienu impjegati mal-bank li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament.
Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3076 u ċjoe: Jista’ l-Ministru jelenka liema direct orders ingħataw u l-ħlas rispettiv għalihom, minn kull entità li għaliha huwa responsabbli matul l-2017, xahar b’xahar separatament?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qiegħda ppublikata fil-Gazzetta tal-Gvern kif mitlub mill-Public Procurement Regulations.
Jista' l-Ministru jgħid x’qed isir sabiex jiġu megħjuna negozji Maltin fir-rigward ta’ Brexit?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-Malta Enterprise għadha kemm nehdiet l-iskema tal-Get Ready. Din l-iskema toffri l-possibilta biex negozji jqabbdu konsulenti biex jgħinuhom jippreparaw rwieħhom għal kull evantwalita fir-rigward ta’ Brexit.
L-assistenza ser tkun tikkonsisti f’
cash grant
sa massimu ta’ €4,000 biex ikopru sa 50% mill-ispejjeż inkorporati. Din l-iskema ser tibqa miftuħa sal-31 ta’ Jannar 2019.
Barraminhekk hemm skemi oħra li ntrapriżi jistgħu jibbenifikaw minnhom sabiex ikabbru s-swieq tagħhom. Dawn jinkludu Knowledge Transfer (re-training tal-impjegati); Cooperate for Growth (biex jattendu fieri u business meetings barra minn Malta) kif ukoll Enterprise Europe Network li tgħin biex kumpaniji jidħlu fi swieq ġodda.
Malta Enterprise – letter of intent għall-kumpaniji għall-produzzjoni tal-kannabis għal skopijiet mediċinali
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista sħiħa ta’ dawk il-kumpaniji kollha li ngħataw Letter of Intent mill-Malta Enterprise skont kif provdut f’Artikolu 4. (2b) tal-Att dwar il-Produzzjoni tal-Kannabis għal Skopijiet Mediċinali u ta’ Riċerka, Kap. 578? F’kull każ, jista’ jgħid ukoll fejn hi l-faċilità li minnha kull kumpanija se tkun qed topera?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Malta Enterprise koperta bil-kunfidenzjalità imposta skont l-Artiklu 21(5) tal-Att dwar l-Intrapriża ta’ Malta (Malta Enterprise Act) u l-Artiklu 33 tal- Att dwar il-Promozzjoni ta’ Negozji (Business Promotion Act) u għalhekk ma tistax telenka l-ismijiet tal-kumpaniji li huma approvati għajr dawk li huma diġà pubbliċi li jinkludu MGC Pharma; Affinity Energy & Health; Wayland; Aurora; Alvit LCS Pharma; Aphria u Columbia Care.
Malta Industrial Parks – żoni identifikati għall-produzzjoni tal-Kannabis għal skopijiet mediċinali
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti ta’ dawk iż-żoni li l-Malta Industrial Parks identifikat bħala żoni li fihom jistgħu jsiru l-faċilitajiet li minnhom joperaw l-azjendi li se jkunu qed jipproduċu l-kannabis għal skopijiet mediċinali?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa għaddejjin b’ħidma biex jiġu ddentifikati żoni/faċilitajiet għal dawn l-ażjendi. Il-probabilta li l-maġġor parti tagħhom jkunu bbażati ġewwa Ħal Far.
Regolamenti għall-produzzjoni tal-kannabis għal skopijiet mediċinali
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-regolamenti li jirregolaw il-faċilitajiet li jipproduċu l-kannabis għal skopijiet mediċinali skond kif provdut f’Artikolu 11 tal-Att dwar il-Produzzjoni tal-Kannabis għal Skopijiet Mediċinali u ta’ Riċerka, Kap 578?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li filwaqt li l-Malta Enterprise tagħmel due dilgence fuq l-applikazzjonijiet li tirċievi biex tassikura li l-proġetti approvati huma ta’ kwalita, il-Medicines Authority hija responsabbli għar-regolamenti li jirregolaw dawn il-facilitajiet.
Memorandum of Understanding iffirmat bejn il-Gvern Malti u kumpanija
Question
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Memorandum of Understanding li ġie ffirmat f'Lulju 2015 bejn il-Gvern Malti u l-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?
Response (CARDONA, CHRIS)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Ftehim ta’ kollaborazzjoni bejn il-Gvern Malti u kumpanija
Question
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim ta’ kollaborazzjoni li ġie ffirmat nhar is-16 ta' April 2016 mis-Segretarju Parlamentari għall-Kompetittività u Tkabbir Ekonomiku f'isem il-Gvern Malti u l-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?
Response (CARDONA, CHRIS)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar -nefqa fuq reklamar fuq Facebook
Question
Jista' l-Ministru jgħid, kemm kienet in-nefqa mill-Ministeru tiegħu u mill-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu, f'reklamar fuq is-sit soċjali Facebook xahar b'xahar, mit-3 ta' Ġunju 2017 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-imsemmija reklami?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar — konsulenti
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1116 u jelenka l-ismijiet u l-ħlas rispettiv ta' kull konsulent li kull entità li għaliha hu responsabbli, għandha? Jista' jgħid liema huma dawk li bdew wara t-3 ta' Ġunju 2017?
Response (CARDONA, CHRIS)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 4302.
Ministeru għall-Ekonomija, l-Investiment u n-Negozji ż-Żgħar – Ħatra ta’ Bordijiet ta’ Inkjesta
Question
Jista' l-Ministru jgħid, mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il Bord ta' Inkjesta ġie maħtur minnu bħala Ministru skont dak li jipprovdi l-Att dwar l-Inkjesti (Kap. 273 tal-Liġijiet ta' Malta)? Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-imsemmija Bordijiet ta' Inkjesta li ġew maħtura minnu u għal kull wieħed minnhom jindika s-suġġett u l-għan tal-inkjesta, it-termini tal-ħatra tal-inkjesta, l-isem, il-kunjom u l-kariga u/jew professjoni tal-persuni li ġew maħtura bħala Chairman u/jew Membri tal-Bord, id-data ta' meta ġie/ġew maħtur/a ċ-Chairman u l-Membri tal-Bord u d-data ta' meta ġie ppreżentat ir-rapport finali?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mis-sena 2013 l’hawn ma kien hemm l-ebda Bord ta' Inkjesta li ġie maħtur minni skont dak li jipprovdi l-Att dwar l-Inkjesti (Kap. 273 tal-Liġijiet ta' Malta).
Ix-Xewkija — area tal-Ħofra - xogħol ta' kostruzzjoni
Question
Jista' l-Ministru jgħid fl-area tal-Ħofra ġewwa x-Xewkija fejn preżentement qiegħed issir ix-xogħol ta' kostruzzjoni:
a. min se jkun responsabbli mit-tqassim/allokazzjoni ta' spazju għall-SMEs f'dan il-park;
b. min huma d-ditti jew kumpaniji li ntgħażlu s'issa biex jingħataw spazju f'din l-area;
c. x'kriterji se jkun hemm għal min se jkun eleġibbli li jista' japplika għal post f'dan il-park; u
d. xi ħlas se jkun mitlub iħallas min se japplika għal post f'dan il-park għall-SMEs f'Għawdex?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-proċess t'allokazzjoni ta' spazju għall-SME's f'dan il-park għadu għaddej u qiegħed jitmexxa mill-Korporazzjoni Malta Enterprise skond kriterji stabiliti fl-Att dwar il-Promozzjoni ta’ Negozji.
Inkwantu għar-rati tal-kera dawn ġew stabiliti wara ezerċizzju ta’ cost benefit analysis liema ezerċizzju jifforma parti minn analizi u studji oħra kif huma rikjesti waqt il proċess tal- applikazjoni għall proġetti ta’ ko-finazjament mill fondi Ewropej.
Regolamenti dwar il-Programm ta’ Malta dwar Residenza u Visa – nuqqas ta’ konformità
Question
Jista' l-Ministru jgħid mis-sena 2017 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u maqsuma xahar b'xahar, kemm-il darba eżerċita s-setgħa mogħtija lilu b’mod konġunt mal-Ministru għall-Finanzi sabiex flimkien jaħfru xi nuqqas ta' konformità ma' xi waħda mill-kondizzjonijiet imniżżla fis-subregolament 9 (1) tar-Regolamenti dwar il-Programm ta’ Malta dwar Residenza u Visa (Leġislazzjoni Sussidjarja 217.18)? Jista' jgħid għal kull darba li eżerċita din is-setgħa mogħtija lilu, x'kienet il-kondizzjoni li dwarha ġiet maħfura n-nuqqas ta' konformità?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din is-setgħa qatt ma ġiet eżerċitata.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-kuntratt tal-konslu li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament għalaqx? Jista’ jgħid jekk għadhiex taħdem mal-Malta Enterprise?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament m’għandix kuntratt ta’ mpjieg mal-Malta Enterprise. Rigward il-rwol tagħha ta’ Konslu l-mistoqsija għandha tiġi rreferuta lill-Ministru kkonċernat.