Legislature:
Category:
Reset
Active:

servizz ta' facilitor

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li l-persuna, li dettalji qed jintbagħtu separatament, li tattendi l-iskola tal-Għarb Għawdex għadha sal-lum ma ngħatax is-support ta' learning support assistant (facilitator) għaliha biss li tant għandha bżonn imma qiegħda taqsam dan is-support ta' LSA (facilitator) ma student ieħor tal-year 5?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-iStatementing Moderating Panel ra lil din il-persuna darbtejn, darba f’Ottubru 2003 u darba f’Marzu 2006. Skont ir-rapporti mediċi, fosthom dak tal-psikologu, il-persuna m'għandha l-ebda kundizzjoni li tirrikjedi sapport ta’ Learning Support Assistant (facilitator) għaliha biss. Biex l-iStatementing Moderating Panel jerġa’ jara lil din il-persuna, hemm bżonn ta’ rapport ġdid mingħand il-psikologu. L-iskola diġà infurmata b’dan.

Artisti — applikazzjoni għall-Funds

Question

Tista' l-Ministru tindika kemm applikaw artisti għal xi wieħed mill-funds li twaqqfu riċentement li jgħinu lill-artisti fix-xogħol tagħhom? Kemm ingħataw għajnuniet b'kollox? Kemm fadal fondi mill-budgets oriġinali rispettivi x'jiġu distribwiti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti irċieva sebgħa u erbgħin (47) applikazzjoni minn individwi jew organizzazjonijiet wara li ġie mniedi l-Malta Arts Fund is-Sajf li għadda. L-applikazzjonijiet għall-ewwel sejħa għalqu fit-30 ta’ Ottubru 2009 u dawn qegħdin fil-proċess ta’ evalwazzjoni. Minn dan il-fond għadha ma ngħatat l-ebda għotja. L-applikazzjonijiet għall-proġetti żgħar li n-numru tagħhom huwa tlieta u ghoxrin (23) ħa jingħataw tweġiba sal-aħħar ta’ Novembru 2009. Il-fond għal din l-allokazzjoni se jkun ta’ € 15,500. Il-proġetti l-kbar (24 applikazzjoni) se jingħataw tweġiba dwar l-għotja sa nofs Diċembru 2009. Il-fond allokat se jkun ta’ € 100,000.

Żabbar Primary School

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhuma r-raġunijiet li għalihom l-istudenti li jattendu l-iskola Żabbar Primary B fil-ħames sena ilhom mingħajr internet għal xhur sħaħ? Meta hemm il-ħsieb li s-servizz ta' l-internet jingħata lil dawn l-istudenti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Minħabba f’abbużi li seħħu minn numru ta’ studenti ta’ klassi partikolari fl-iskola Żabbar B, u li dawn l-istess studenti ma setgħux ikunu identifikati minkejja l-investigazzjonijiet li għamlet l-istess Skola, fis-16 ta’ Frar, 2009, il-Kap tal-iskola informa b’dan lis-superjur tiegħu, b’dan tal-aħħar jagħti struzzjonijiet li l-iskola għandha timxi skont il-proċeduri msemmija fl-Acceptable Use Policy, u li għalhekk l-aċċess għall-internet għandu jkun ristrett. Minkejja dan, l-istudenti xorta setgħu jagħmlu użu mill- computers u jaċċessaw l- internet taħt il-gwida u fil-preżenza tal-għalliema tal- Information Technology . Kif bdew in-nofs ta' nhari, meta allura ma kiex hemm iżjed il-waqfa ta’ nofs in-nhar, l-istudenti tħallew mill-ġdid jaċċessaw l-internet. Għalhekk, minkejja li l-iSkola imxiet mal-proċeduri stabbiliti, ma twaqqafx l-aċċess iggwidat u moniterjat tal-internet.

Għalliem b'warrant temporanju

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta se jingħata l-permanent warrant l-għalliem, li ismu qed jidher separatament, li għadu b'warrant temporanju mill-1992, ilu jgħallem full time mill-1995 u ggradwa MA f'Novembru li għadda u fl-istess xahar applika għall-permanent warrant? Jekk idum sena biex jingħata din il-permanent warrant dan l-għalliem se jitlef sena increment?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Din il-persuna applikat għall-warrant permanenti f’Jannar 2009. Huwa kien infurmat bin-numru tal-warrant. Kien mistieden għaċ-ċerimonja tal-għoti tal-warrants u ġabar dan il-warrant waqt din iċ-ċerimonja, fil-21 ta’ Mejju 2009. Barra minn hekk il-kunsill informa lid-Direttur konċernat li dan l-applikant inħariġlu l- warrant .

Ċentru tal-Konferenzi tal-Mediterran/Teatru Manoel — Uffiċjal ewlieni eżekuttiv

Question

Tista' l-Ministru tgħid min inħatar uffiċjal ewlieni eżekuttiv kemm taċ-Ċentru tal-Konferenzi tal-Mediterran u tat-Teatru Manoel? X'salarju ġie offrut, kif ukoll allowances oħrajn? Tista' tpoġġi kopja tal-kuntratt tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra? Kemm applikaw persuni għal din il-kariga? Min kienu? Meta ħarġet sejħa biex timtela' din il-kariga u meta mtliet?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-persuna li ġiet offruta l-kariga huwa s-Sur Ray Attard. Il-kuntratt tiegħu beda b’seħħ mill-4 ta’ Mejju, 2009. Il-pakkett offrut huwa ta’ €39,600 fis-sena flimkien ma’ performance bonus ta’ €2,400, petrol allowance ta’ €115 fix-xahar u mobile phone expenses ta’ €115 fix-xahar. Għal dan il-post applikaw 43 persuna. L-avviż fil-gazzetti lokali ħareġ fl-1 ta’ Frar, 2009. L-applikanti għal dan il-post ma jistgħux ikunu ppublikati għall-finijiet tal-Liġi tad- Data Protection . Kopja tal-kuntratt qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kundizzjoni tat-tfal Maltin

Question

Peress li stħarriġ li sar fuq il-kundizzjoni tat-tfal Maltin juru li 21% minnhom jgħixu fil-faqar u li din is-sitwazzjoni titfagħhom lura ħafna fl-edukazzjoni, tista' l-Ministru tgħid x'passi konkreti qed jittieħdu mill-Ministeru biex titjieb is-sitwazzjoni ta' dawn it-tfal ħalli ma jibqgħux jaqgħu lura fl-edukazzjoni tagħhom u biex jingħataw l-opportunitajiet biex joħorġu mill-kundizzjoni ta' faqar li jgħixu fiha?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ir-riforma sħiħa fl-Edukazzjoni li fost l-oħrajn tikkonsisti fit-twaqqif tal-Kulleġġi, d-Direttorati, t-transizzjoni bejn il-Primarja u s-Sekondarja, il-proċess estensiv ta’ reklutaġġ, ir-Review ta’ Kurrikulu Nazzjonali, r-Review tal-iskejjel speċjali u r-riforma fiċ-Ċertifikat għal Tmiem l-Iskola (School Leaving Certificate) kollha jwasslu għall-għan aħħari li kull tifel u tifla jingħataw l-opportunità sabiex jirnexxu, ma jibqgħux lura u jekk jgħixu f’riskju tal-faqar, għada pitgħada jkollhom il-ħiliet u l-kompetenzi sabiex joħorgu minnu.

Ħlas lill-organizzazzjoni biex issir promozzjoni fil-qasam edukattiv

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk minn Marzu 2008 sal-lum il-Ministeru ħallasx lil xi kumpanija/individwu/organizzazzjoni biex issir promozzjoni ta' miżuri li jkunu qed jittieħdu jew se jittieħdu fil-qasam edukattiv? Kemm kien il-ħlas f'kull każ? X'servizz ingħata? Min kienu l-kumpaniji/individwu/organizzazzjonijiet li tħallsu għal dan is-servizz?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Politika nazzjonali għax-xandir

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk matul l-aħħar ħames snin ġietx aġġornata l-politika nazzjonali għax-xandir imfassla mill-Gvern għall-Public Broadcasting Services? Jekk iva, meta ġiet aġġornata u tista' tpoġġi kopja tal-politika aġġornata fuq il-Medja tal-Kamra?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Matul dawn l-aħħar ħames snin il-Politika Nazzjonali tax-Xandir ma ġietx aġġornata.

Ministeru għall-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hu t-total ta' impjegati bit-teleworking f'kull dipartiment u uffiċċju separatament, li jaqa' taħt id-dekasteru tagħha? Tista' tgħid x'faċilitajiet ingħataw lill-ħaddiema biex ikunu jistgħu jagħmlu dan ix-xogħol minn ġo djarhom u jgħid ukoll x'software jew sistema qed titħaddem minn dawn il-ħaddiema biex isir dan ix-xogħol?

Response (CRISTINA, DOLORES)

In-numru ta’ impjegati bit-teleworking fid-dekasteru tal-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport huwa hekk: Il-Malta College for Arts, Science and Technology għandu tliet impjegati bit- teleworking , tnejn minnhom ingħataw laptop u internet filwaqt li l-impjegat l-ieħor ingħata laptop biss. L-Istitut għall-Istudji Turistiċi għandu impjegat wieħed li jaħdem bit- teleworking u ma ingħatalu ebda faċilitajiet oħra. Fid-Direttorati tal-Edukazzjoni hemm disa’ impjegati bit- teleworking , fejn erba’ minnhom ingħatawlom laptop u/jew aċċess għal software .

Kulleġġi — sistemi ta' prattiċi

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema huma l-għaxar prattiċi li ġew identifikati bħala l-aħjar wara l-ewwel sena tas-sistemi tal-Kulleġġi? Kemm minnhom huma sostenibbli (ser jibqgħu jsiru kull sena)? Kemm minnhom huma ta’ natura sporadika (one off)? Kemm minnhom huma mifruxin fl-iskejjel differenti tal-istess kulleġġ? Kemm minnhom saru biss fi skola waħda tal-kulleġġ? Kemm minnhom huma kurrikulari? Kemm minnhom mhumiex kurrikulari? Kemm minnhom huma amministrattivi? Kemm minnhom qed isiru b'fondi mill-kulleġġ? Kemm minnhom qed isiru b'fondi speċjali mogħtija mid-Direttorati jew Ministeru? Liema oqsma qed jitqiesu bħala prijoritarji mill-kulleggi tal-Istat?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Università ta' Malta — Twaqqif tad-Dipartiment dwar il-Familja

Question

Tista' l-Ministru tagħti rendikont tal-ħidma li saret rigward it-twaqqif tad-Dipartiment dwar il-Familja fl-Università ta' Malta u tagħti d-dettalji relattivi kollha dwar il-korsijiet, l-intake ta' studenti, staff u riżorsi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Skejjel privati li għollew il-miżati

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 11109, tista' l-Ministru tgħid jekk tintalbax ġustifikazzjoni għaż-żieda fil-miżata? Jekk fl-affermattiv, tista' tagħti r-raġunijiet għal kull każ? Jekk le, għaliex ma tintalabx ġustifikazzjoni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ma tintalab l-ebda ġustifikazzjoni għaż-żieda fil-miżati tal-iskejjel privati. M’hemm l-ebda obligu skont il-Liġi tal-Edukazzjoni, li tintalab ġustifikazzjoni għaż-żieda fil-miżati.

restawr ta' faċċata ta' dar qadima — għajnuna mill-Gvern

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'ġara mill-proposta li kient tressqet fil-budget tas-sena l-oħra u li l-NGOs kienu laqgħu pożitittivament – dik ta' €2500 għajnuna mill-Gvern lil min jirrestawra l-faċċata ta’ dar qadima?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Mużewijiet ħajjin

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'sar s'issa matul din il-leġislatura biex jitwaqqfu mużewijiet ħajjin dwar il-ħajja f'Għawdex?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Sa llum ma hemmx pjan li jitwaqqfu aktar mużewijiet ta’ din ix-xorta. Il-ħajja f’Għawdex hija s-suġġett tal-wirjiet permanenti li hemm fil-Mużew tal-Folklor fiċ-Ċittadella u fil-Mitħna ta’ Kola fix-Xagħra.

Skejjel li jiftħu wara l-ħin normali

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hija l-ispiża fis-sena, bejn wieħed u ieħor, biex jibqgħu miftuħin l-iskejjel primarji ta' Birkirkara, Fgura u Naxxar bejn is-2.30p.m. u s-6 p.m.? Xi proċedura saret biex jinfetħu dawn l-iskejjel u mhux oħrajn?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-ispiża, s’issa, sabiex jingħata s-servizz ta’ ħarsien u appoġġ għat-tfal, Klabb 3-16, f’dawn iċ-ċentri hi kif ġejja (mill-bidu tal-proġett, Ottubru 2009, sal-lum): Pagi għall-ħaddiema (Kordinaturi, Home Tutors , Play Workers u Cleaners) - €1,863.78 Materjal Edukattiv sabiex jintuża waqt dan il-ħin - € 12,007.57 Dekorazzjoni taċ-ċentri ( fejn kien hemm bżonn) - € 12,033.17 Total: € 25,904.52 L-għażla fejn jinfetħu dawn iċ-ċentri saret wara diskussjoni fil-Bord tal-Fondazzjoni u diskussjoni mal-Prinċipali tal-Kulleġġi. Fattur importanti fid-deċiżjoni kien l-ispazju eżistenti fl-iskola li qed tintuża għal dan il-għan u kif ukoll il-lokalità sabiex jintlaħqu l-iżjed numru ta’ tfal possibli. Il-Fondazzjoni qed tippjana li tiftaħ żewġ ċentri oħra s-sena d-dieħla. Id-deċiżjoni fejn ser ikunu dawn iċ-ċentri għadha ma tteħdietx.

Studenti li applikaw l-MCAST

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk dawk l-istudenti li rċevew iċ-ċirkolari li qed tintbagħat separatament humiex deħlin din is-sena? Jekk le, meta?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Bħalma ntqal fiċ-ċirkulari li ntbagħtet lill-istudenti, l-MCAST jagħmel l-almu tiegħu biex l-istudenti jkunu jistgħu jibdew mill-aktar fis. Dan iżda ma jiddependix esklussivament mir-rieda tal-MCAST iżda mill-konklużjoni tal-proċess tal-għoti tat-tenders.