Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 13 PQ #17838 Sitting 413 2021-01-11 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Rapport tal-Awditur Ġenerali — nuqqasijiet fl-għoti tal-kuntratti ta’ xogħol tal-bini tal-iskola primarja ta’ Marsaskala

Question

B’referenza għar-rapport tal-Awditur Ġenerali u n-nuqqasijiet li sab fl-għoti tal-kuntratti ta’ xogħol tal-bini tal-Iskola Primarja ta’ Marsaskala, li nstab li ma mxewx mal-proċeduri, tista’ l-Ministru tgħid x’passi qed tieħu?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor, interpellant li l-Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada analizzat ir-rapport tal-Awditur Ġenerali u qed tieħu l-azzjonijiet neċessarji skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-istess rapport.
Leg 13 PQ #17839 Sitting 413 2021-01-11 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Rapport tal-Awditur Ġenerali – nuqqasijiet fl-MCAST

Question

B’referenza għar-rapport tal-Awditur Ġenerali u n-nuqqasijiet li sab fl-MCAST u b’referenza għal nuqqasijiet oħra li nstabu fl-aħħar snin, tista’ l-Ministru tgħid x’passi ttieħdu biex jissaħħu l-istrutturi ta’ governanza fl-MCAST?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-MCAST iddiskuta r-rakkomandazzjonijiet li ħarġu mir-rapport (li sar fl-2020) tan-NAO fuq is-sena bażi 2019 u fassal pjan biex dawn ir-rakkomandazzjonijiet jiġu implimentati mhux aktar tard minn Jannar 2021. Xi wħud minn dawn ir-rakkomandazzjonijiet fil-fatt diġà ġew implimentati.
Leg 13 PQ #17865 Sitting 413 2021-01-11 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Università ta’ Malta – Full Professors u Associate Professors

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm Full Professors u Associate Professors fl-Università ta’ Malta? Tista’ tgħid ukoll kemm kien hemm applikazzjonijiet għal Associate Professor u Full Professor fl-Università ta’ Malta mill-2013 sal-lum, sena b’sena? Kemm ingħataw minn dawn il-promozzjonijiet fl-istess perjodu, sena b’sena? Kemm baqa’ applikazzjonijiet pendenti? Kemm ilhom pendenti? Kemm ittieħed żmien biex ġew ipproċessati l-applikazzjonijiet, mid-data tal-applikazzjoni sat-tħabbir tar-riżultat?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninsab infurmata li n-numru ta' Professors u Associate Professors fl-Università ta' Malta huwa kif se nsemmi: Professors: 127 Associate Professors: 142 It-tagħrif l-ieħor mitlub mill-Onor. Interpellant huwa kif muri fiż-żewġ tabelli li qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 13 PQ #17572 Sitting 411 2020-12-15 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Il-Fgura – Skejjel Primarji – studenti reġistrati

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien hemm studenti reġistrati fl-Iskejjel Primarji fil-Fgura għas-sena akkademika 2020/2021 u kemm kien hemm għalliema fl-istess skola?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninsab infurmata li fl-Iskejjel Primarji A u B tal-Fgura hemm 39 Għalliema u 21 Kindergarten Educators. In-numru ta’ studenti huwa 579 fil-Primarji u 235 fil-Kinder.
Leg 13 PQ #17574 Sitting 411 2020-12-15 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Il-Gudja – Skola Primarja – Studenti reġistrati

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien hemm studenti reġistrati fl-Iskola Primarja fil-Gudja għas-sena akkademika 2020/2021 u kemm kien hemm għalliema fl-istess skola?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninsab infurmata li fl-Iskola Primarja tal-Gudja hemm 8 Għalliema u 5 Kindergarten Educators. In-numru ta’ studenti huwa 89 fil-Primarja u 51 fil-Kinder.
Leg 13 PQ #17681 Sitting 411 2020-12-15 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Ċentru tal-Università ta’ Għawdex – korsijiet li jwasslu degree jew dottorat

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'korsijiet li jwasslu għal degree jew dottorat saru fiċ-Ċentru tal-Università ta' Għawdex matul is-snin 2018 u 2019? Kemm kien in-numru ta' studenti li kien hemm f'kull kors u kemm minnhom iggradwaw? Tista' tgħid preżentement kemm hu n-numru ta' korsijiet li hemm fiċ-Ċentru tal-Università ta' Għawdex u kemm hu n-numru ta' studenti f'kull kors? Tista' tgħid ukoll kemm kienet l-ispiża rikorrenti għas-snin 2018, 2019 u 2020 tal-Università ta' Malta fuq iċ-Ċentru tal-Università ta' Għawdex?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ngħarraf lill-Onorevoli interpellant li qed inqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra l-lista tal-korsijiet li jwasslu għal degree li saru fiċ-Ċentru tal-Università ta' Għawdex matul is-snin 2018 u 2019. Infurmata wkoll li l-ispiża tal-Università ta' Malta fuq iċ-Ċentru tal-Università ta' Għawdex kienet kif ġej: 2018: €150,598 2019: €181,134 2020 (sal-11 ta’ Diċembru): €112,663
Leg 13 PQ #17716 Sitting 411 2020-12-15 Oral · Final From: KEVIN CUTAJAR To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Ta’ Sannat Special Unit — studenti

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhi l-età li fiha t-tfal jew studenti b'diżabilità li jattendu l-ispecial unit ġewwa Ta' Sannat Għawdex iħallu din l-iskola? Tista' tispjega kemm hemm tfal jew studenti b'diżabilità li laħqu din l-età u għadhom jattendu l-ispecial unit imsemmiha? F'każ li hemm tfal jew studenti f'din is-sitwazzjoni, tista' tgħid għala qed jiġri dan u x'qed jagħmel biex jirremedja s-sitwazzjoni?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ngħarraf lill-Onorevoli interpellant li l-istudenti b'diżabilità jattendu programm minn età bikrija ta' tliet (3) snin sa tnejn u għoxrin (22) sena. Infurmata li f’dawn l-aħħar seba’ snin qatt ma kellna studenti li għalqu t-tnejn u għoxrin (22) sena u baqgħu jattendu Ta’ Sannat Special Unit . Minn sena għall-oħra dejjem issir transizzjoni xierqa tal-istudenti mis- Sannat Special Unit, bis-sapport tad-Dipartiment Servizzi Nazzjonali ta’ Sapport għall-Iskejjel flimkien mal-Aġenzija Sapport. Rigward l-aħħar parti tal-mistoqsija, m’aħniex inħallu li tinqala’ din is-sitwazzjoni għax sa minn meta jagħlqu l-wieħed u għoxrin (21) sena nikkoordinaw tajjeb u fi żmien stipulat mal-Aġenzija Sapport biex issir din it-transizzjoni xierqa. S’issa dejjem ikkollaborajna flimkien.
Leg 13 PQ #17717 Sitting 411 2020-12-15 Oral · Final From: KEVIN CUTAJAR To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Learning Support Educators

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 17438, tista’ l-Ministru tgħid minn min hu kompost il-bord li jiddeċiedi fuq każijiet umanitarji? Tista' tispjega wkoll xi proċedura jew kriterji jsegwi dan il-bord biex jistabbilixxi jekk Learning Support Educator b'każ umanitarju timmeritax li taqbeż il-waiting list u tmur taħdem direttament f'Għawdex?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninsab infurmata li dan il-bord ma jaqax taħt il-Ministeru għall-Edukazzjoni. Għaldaqstant, ġentilment nitlob lill-Onorevoli interpellant sabiex jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Leg 13 PQ #17567 Sitting 410 2020-12-14 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Raħal Ġdid – Skejjel Primarji – studenti reġistrati

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien hemm studenti reġistrati fl-Iskejjel Primarji f’Raħal Ġdid għas-sena akkademika 2020/2021 u kemm kien hemm għalliema fl-istess skola?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninsab infurmata li fl-iskola primarja ta’ Raħal Ġdid hemm 28 Għalliem u 12-il Kindergarten Educator. In-numru ta’ studenti huwa 320 fil-Primarja u 118 fil-Kinder.
Leg 13 PQ #17778 Sitting 410 2020-12-14 Oral · Final From: ROBERT ARRIGO To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Ħaż-Żebbuġ – Skola Thi Lakin

Question

Peress li l-iskola Thi Lakin li tinsab f’Ħaż-Żebbuġ se tagħlaq ħesrem, tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx xi soluzzjoni għal skola oħra bħal ri-allokazzjoni f’post ġdid jew ideat oħra biex studenti li se jiġu affetwati u l-familji tagħhom, ikollhom is-serħan tal-moħħ?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-ġenituri tal-istudenti li kienu jattendu t-Thi Lakin huma mħeġġa li jirreġistraw lil uliedhom fl-iskejjel tal-istat tal-Kulleġġ tal-lokal tagħhom. Madanakollu, il-Ministeru qiegħed f’kuntatt biex jassisti b’kull mod possibbli.
Leg 13 PQ #17103 Sitting 409 2020-12-09 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Ministeru għall-Edukazzjoni — Ħaddiema li ħarġu bil-kwarantina

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 16849, tista' l-Ministru tgħid kemm minnhom kienu ħaddiema mill-Ministeru u kemm kienu mill-entitajiet li jaqgħu taħt l-istess Ministeru?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

B’referenza għall-figura li tajna bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 16849, ngħarraf lill-Onor. interpellanta li ma kien hemm ħadd mill-Ministeru, imma kollha kienu mill-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru.
Leg 13 PQ #17560 Sitting 409 2020-12-09 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Skola Sekondarja ta’ Santa Luċija – studenti reġistrati

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien hemm studenti reġistrati fl-Iskola Sekondarja ta’ Santa Luċija (Malta) għas-sena akkademika 2020/2021 u kemm kien hemm għalliema fl-istess skola?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninsab infurmata li fl-Iskola Sekondarja ta’ Santa Luċija hemm 78 Għalliema filwaqt li n-numru ta’ studenti (Year 9 sa Year 11) huwa ta’ 432.
Leg 13 PQ #17585 Sitting 409 2020-12-09 Oral · Final From: IVAN BARTOLO To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Il-Mosta — Skola Primarja A u B - Tfal assenti mingħajr raġuni

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 17071 u 16918 li oriġinarjament saru lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi u jgħid kemm kien hemm tfal li assentaw ruħhom mingħajr raġuni fl-Iskola Primarja A u B tal-Mosta bejn l-2017 u 2019?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninsab infurmata li n-numru ta’ tfal li assentaw ruħhom mingħajr raġuni valida għal aktar minn 3 ijiem fix-xahar fl-Iskola Primarja A u B tal-Mosta fis-snin skolastiċi 2016-2017, 2017-2018 u 2018-2019 huwa kif ġej: Sena skolastikaMosta Primarja AMosta Primarja B 2016 - 201725 student51 student 2017 – 201849 student26 student 2018 - 201913-il student 10 studenti Għalkemm l-interpellanza talbet informazzjoni dwar assenteiżmu fi snin qabel il-pandemija, irrid inkompli nħeġġeġ lil dawk il-ġenituri kollha li mhux qed jibagħtu t-tfal l-iskola għal raġunijiet li m'humiex dawk ta’ vulnerabbilità tal-istudent jew għixien f'kuntest ta' vulnerabbilità biex jibagħtu t-tfal tagħhom l-iskola għaliex hu fil-klassi li student jieħu l-aqwa edukazzjoni.
Leg 13 PQ #17555 Sitting 408 2020-12-07 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Santa Luċija — Skola Sekondarja - Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x'xogħlijiet ta' natura ordinarja u straordinarja saru tul din is-sena fl-iskola sekondarja ta’ Santa Lucija (Malta)?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fl-Iskola Sekondarja ta' Santa Luċija, il-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada (FTS) bdiet il-proġett ta' bini tal-ewwel sala għall-iskola kif ukoll għall-faċilitajiet sportivi fuq ġewwa. Sadanittant, infurmata li tul din is-sena fl-iskola sekondarja saru dawn ix-xogħlijiet: · Żebgħa f’partijiet minn kurituri · Tiswija ta' pajpijiet tal-ilma · Tiswija tas-sistema ta’ drenaġġ · Tibjid ta' klassijiet · Tibjid ta’ turġien mad-dawra tal-iskola · Kamra b'faċilità sanitarja ġdida · Linji biż-żebgħa tal-parking tad-dawra tal-iskola · Inżebgħu l-bankijiet tal-grawnd tal-iskola b'kuluri differenti · Sar xogħol ta' ġardinaġġ inkluż il-qtugħ ta’ siġar tal-palm mejta u tħawwlu siġar ġodda · Manutenzjoni ta' dawl f'postijiet differenti · Inqala' grawnd fl-iskola u reġa' sarlu l-konkos mill-ġdid · Installazzjoni ta’ lift ġdid · Preparazzjoni għat-twettiq tal-protokol biex jinfetħu l-iskejjel fosthom sinjali fil-grawnd biex jifirdu d- designated areas, twaħħil ta' stickers skont il-linji gwida, irranġar ta' spazji fil-klassijiet u ċaqlieq ta' staff rooms.
Leg 13 PQ #17512 Sitting 407 2020-12-02 Oral · Final From: RYAN CALLUS To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Ministeru għall-Edukazzjoni — Bordijiet - attendenza ta' membri

Question

Tista' l-Ministru tagħti rendikont tal-attendenzi tal-membri fil-laqgħat ta' kull bord li huwa taħt ir-responsabilità tagħha matul din il-leġiżlatura?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ngħarraf lill-Onorevoli interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.
Leg 13 PQ #17549 Sitting 407 2020-12-02 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Skola Primarja Ħal Tarxien — studenti reġistrati

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm student registrati fl-iskola Primarji f’Ħal Tarxien għas-sena akkademika 2020/2021 u kemm kien hemm għalliema fl-istess skola?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninsab infurmata li fl-iskola primarja ta’ Ħal Tarxien hemm 17-il Għalliem u 8 Kindergarten Educators. In-numru ta’ studenti huwa 283 fil-Primarja u 101 fil-Kinder.
Leg 13 PQ #17439 Sitting 406 2020-12-01 Oral · Final From: KEVIN CUTAJAR To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Degree ta’ Learning Support Educator full-time u part-time

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm fil-preżent hemm persuni Għawdxin li qed jagħmlu d-Degree ta' Learning Support Educator kemm full-time kif ukoll part-time? Tista' tgħid x'se tagħmel biex tindirizza l-anomalija preżenti li min jagħmel il-kors full-time jaqbeż il-waiting list biex jiġi jaħdem Għawdex u dan a skapitu ta' Learning Support Educators oħra bi snin twal ta' ħidma f'Malta li proprju għax jaħdmu, ikunu kostretti jagħmlu l-kors part-time? Tista' tgħid ukoll għala l-esperjenza ta' dawn tal-aħħar mhix kriterju biex jimxu ’l quddiem fil-waiting list ħalli jiġu jaħdmu Għawdex?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninsab infurmata li l-kors ta’ BA in Inclusive Education qiegħed isir minn diversi istituzzjonijiet fosthom l-Università ta’ Malta u l-MCAST. LSEs li jispiċċaw b’suċċess dan il-kors, permezz tal-Ftehim Settorali (2017) jipprogressaw għal LSE III. Dan ifisser li bħala grad huwa ogħla minn LSE II u għalhekk anke bħala seniority. Meta edukaturi, mhux biss LSEs, jaslu biex jittellgħu Għawdex, dan isir skont il-lista tas-seniority u mhux bl-esperjenza. Dan il-kriterju kien ġie miftiehem mal-MUT. Infurmata wkoll li bħalissa fl-MCAST hemm 75 student Għawdxi fit-tielet sena tad-Degree in Inclusive Education fuq bażi part-time u tmien (8) studenti fuq bażi full-time fl-istess Degree. Fl-Università ta’ Malta, filwaqt li ma hemmx studenti Għawdxin li qed isegwu l-Bachelor of Arts (Honours) in Facilitating Inclusive Education fuq bażi full-time, hemm 38 student Għawdxi li qed isegwu l-kors fuq bażi part-time.
Leg 13 PQ #17440 Sitting 406 2020-12-01 Oral · Final From: KEVIN CUTAJAR To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Learning Support Educators Għawdxin li jaħdmu ġewwa Malta

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm fil-preżent hemm Learning Support Educators Għawdxin jaħdmu ġewwa Malta? Tista' tinforma wkoll kemm Learning Support Educators ġew trasferiti lejn Għawdex fis-sena kurrenti?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Infurmata li bħalissa Learning Support Educators Għawdxin jaħdmu Malta hemm mitejn u erbatax (214). Matul din is-sena mistenni jkunu trasferiti madwar tnax-il (12) Learning Support Educator għal Għawdex u dan dejjem skont il-ħtieġa li jkun hemm fis-servizz u l-proċeduri stabbiliti. Dawn ma jinkludux l-20 LSEs li qegħdin Għawdex fil-perjodu ta’ tqala.
Leg 13 PQ #17458 Sitting 406 2020-12-01 Oral · Final From: IVAN BARTOLO To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Pandemija – assenteiżmu fl-iskejjel

Question

Tista’ l-Ministru tgħid minn liema belt jew raħal ġie esperjenzat l-iktar assenteiżmu fl-iskejjel f’dan iż-żmien ta’ pandemija?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninsab infurmata li l-lokalità bl-ogħla persentaġġ ta’ assenteiżmu fl-iskejjel f’dan iż-żmien ta’ pandemija kienet il-Belt Valletta. Fl-istess waqt aħna qed inħeġġu lil dawk il-ġenituri kollha li mhux qed jibagħtu t-tfal l-iskola għal raġunijiet li m'humiex dawk ta’ vulnerabbilità tal-istudent jew għixien f'kuntest ta' vulnerabbilità biex jibagħtu t-tfal tagħhom l-iskola għaliex hu fil-klassi li student jieħu l-aqwa edukazzjoni.
Leg 13 PQ #17391 Sitting 405 2020-11-30 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni

Postijiet ta’ edukaturi vakanti

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm għandha postijiet ta’ edukaturi vakanti f’kull livell? L-għalliema ta’ liema suġġetti huma neqsin u f’liema skejjel huma neqsin? Kemm minnhom huma ta’ suġġetti vokazzjonali? Kemm mill-postijiet vakanti ta’ għalliema huma mimlija b’supply teachers? F’liema suġġetti huma? F’liema skejjel qegħdin?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

B’referenza għal din il-mistoqsija, ninsab infurmata li l-postijiet vakanti ta’ edukaturi f'dawn iċ-ċirkostanzi straordinarji li fihom infetħu l-iskejjel b'numru ta' miżuri restrittivi, huma kif se nsemmi: Skejjel Primarji: xejn Skejjel Medji: 3 Skejjel Sekondarji: 6 Is-suġġetti u l-iskejjel ta’ dawn il-postijiet vakanti huma: Pembroke Sec Physics ALP English Mosta Sec (ex Girls) English Pembroke Sec Maths Cospicua MS English Mriehel Sec Physics Hamrun Sec Engineering Handaq MS History Tarxien MS English Infurmata wkoll li fis-suġġetti vokazzjonali hemm post wieħed vakanti (Engineering Technology). Ġentilment nitlob l-Onor. Interpellant kjarifika dwar dik il-parti tal-mistoqsija li tgħid: “Kemm mill-postijiet vakanti ta’ għalliema huma mimlija b’supply teachers?”.