Legislature:
Category:
Reset
Active:

WSC/T/025/2025 - SERVICES - RECRUITMENT SERVICES FOR THE PROVISION OF ADMINISTRATIVE AND OPERATIONAL PERSONNEL TO THE WATER SERVICES CORPORATION’

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta hu maħsub (xahar u sena) li terġa’ toħroġ is-sejħa pubblika: ‘WSC/T/025/2025 – SERVICES - RECRUITMENT SERVICES FOR THE PROVISION OF ADMINISTRATIVE AND OPERATIONAL PERSONNEL TO THE WATER SERVICES CORPORATION’?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li min-naħa tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qegħdin isiru l-preparamenti meħtieġa biex is-sejħa tinħareġ fiż-żmien li ġej.

Ftuħ ta’ krematorju

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 30738 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol u tgħid xi pjanijiet hemm biex jinfetaħ krematorju tal-bnedmin f’Malta?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.

Baġit 2026 – Line Item 5079

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk is-somma ta’ €11.2 miljun, taħt Line Item 5079 – Domestic Battery Storage Scheme fil-Baġit 2026, tkoprix biss skemi kompletament ġodda jew hux se jintuża wkoll għall-back log ta’ dawn il-batteriji minn snin preċedenti?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Enemalta – Allowances tal-ETS

Question

Fid-dawl tad-dikjarazzjonijiet tal-Kap Eżekuttiv tal-Enemalta, li l-kumpanija qed taħdem ma’ konsulenti legali Maltin, Brittaniċi u Svizzeri biex tirkupra allowances nieqsa li kienu nnegozjati taħt is-Sistema Ewropea tal-Kummerċ ta’ Emissjonijiet (ETS) permezz ta’ intermedjarju Svizzeru, u fid-dawl tal-fatt li f’Awwissu lil Enemalta rriżultalha li madwar €60 miljun f’ċertifikati tal-karbonju ma setgħux jinstabu, tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra informazzjoni sħiħa dwar l-intermedjarju Svizzeru involut f’dawn it-tranżazzjonijiet, u b’mod partikolari, tista’ l-Ministru tipprovdi: i.    L-identità sħiħa tal-intermedjarju Svizzeru, inkluż l-indirizz legali u l-istruttura korporattiva tiegħu li turi min huma l-Beneficial Owners; ii.    Kopji tal-ftehimiet, kuntratti, jew arranġamenti li bihom Enemalta kienet qed tikkummerċjalizza l-allowances tal-ETS permezz tiegħu; iii.    Kronoloġija dettaljata tat-tranżazzjonijiet kollha tal-ETS magħmulin permezz tal-intermedjarju; iv.    Kopji jew sommarji tad-due diligence u l-verifiki regolatorji li saru qabel ma sar l-ingaġġ tal-intermedjarju; v.    Rekords tal-komunikazzjonijiet bejn Enemalta u l-intermedjarju, inklużi emails u minuti ta’ laqgħat; u vi.    Dettalji dwar il-passi legali li qegħdin jittieħdu biex jiġu rkuprati l-allowances nieqsa u dwar il-livell ta’ kooperazzjoni li Enemalta jew il-Gvern irċevew mingħand dan l-intermedjarju Svizzeru?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa Enemalta, fuq parir tal-avukati u l-konsulenti tagħha, qed timxi fit-termini tal-ftehim viġenti bejn iż-żewg partijiet sabiex il-parti l-oħra twettaq l-obbligi tagħha skont l-imsemmi ftehim. F’dawn iċ-ċirkostanzi, f'dan l-istadju kkunsidrati l-obbligi kuntrattwali tal-Enemalta skont l-imsemmi ftehim, kif ukoll l-interessi kummerċjali tal-Enemalta fiċ-ċirkustanzi u l-proċessi kuntrattwali li qed tadopera, mhux fl-aħjar interess tal-Enemalta jew tal-azzjonisti tagħha li t-taghrif u d-dokumenti li qed jintalbu jinġiebu fid-dominju pubbliku. Ninforma wkoll lill-Onor. Interpellant li kif għidt diġá f’dan il-Kamra, dwar is-suġġett tkellimt ukoll mal-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Enerġija fejn infurmajtu bid-disponibbiltà tat-tmexxija tal-Enemalta għal komunikazzjoni diretta f’każ li jħoss il-ħtieġa.

Il-Pietà u l-Ħamrun - Triq Oscar Zammit, Triq il-Franġiskani u Triq Roger Debattista - Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 31993 u 32179, li oriġinarjament saru lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi u lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali rispettivament, u jgħid kemm ilhom għaddejjin ix-xogħlijiet fit-toroq Triq Oscar Zammit, il-Pietà, Triq il-Franġiskani u Triq Roger Debattista, il-Ħamrun?  Jista’ jagħti r-raġuni għal dan id-dewmien?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fiż-żona indikata l-ewwel saru xogħlijiet ta’ rinfurzar tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku, u sussegwentement twettqu xogħlijiet ta’ titjib tal-infrastruttura għad-distribuzzjoni tal-ilma għax-xorb kif ukoll saru bankini ġodda.  Ninsab infurmata li x-xogħlijiet kienu kompluti fil-ġimgħat li għaddew fejn anke sar l-asfaltar tat-toroq.

Project Green – Direct Orders

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 32096 u tagħti lista tad-direct orders kollha li tat Project Green minn meta bdiet tiffunzjona sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Tista’ tgħid ukoll meta ngħata d-direct order, lil min, kemm kien l-ammont, għal liema skop ingħata u għaliex ingħata bħala direct order?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Contracting Authority tippubblika din l-informazzjoni fuq il-Gazzetta tal-Gvern għal kull procurement li jsir għal kull perjodu ta’ sitt xhur, skont ir-Regolament 111(2) tal-Public Procurement Regulations. (Informazzjoni Addizzjoni: Ara Dokument PL6306 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta 420, nhar l-Erbgħa 10 ta' Diċembru 2025)

Miżuri dwar skart

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 32012 u tgħid x’miżuri tieħu l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) biex jiġu evitati każijiet fejn jiġu imposti multi lil persuna żbaljata għal boroż/kaxxi/konenituri b’isem u/jew dettalji ta’ xi ħadd stampat fuqhom li jiġu mormija, deliberatament jew le, f’post pubbliku minn persuna terza?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-uffiċjali tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) primarjament jippruvaw jaqbdu persuna fil-fatt, iżda meta dan ma jkunx possibbli, l-multa tinħareġ fuq kwalunkwe dettalji li jinstabu li jistgħu jwasslu għall-identifikazzjoni ta’ persuna.

Policy dwar skart

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 32011 u tgħid jekk l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) għandhiex policy jew linji gwida uffiċjali li jgħidu li f’każ li tinsab borża ta’ skart b’indirizz jew dettalji oħra ta’ identifikazzjoni stampati fuqha f’post pubblika, din waħedha titqiesx bħala ‘sufficient evidence’ biex tinħareġ Notice of Intent to Impose an Administrative Fine? Jekk teżisti tali policy, tista’ l-Ministru tgħid meta ġiet approvata, fejn tinsab fuq is-sit elettroniku tal-awtorità? Jekk jirriżulta fin-negattiv, fuq liema bażi qed jinħarġu dawn il-multi?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-proċedura f’tali każijiet hija li tintuża l-aktar prova b’saħħitha li twassal għall-identifikazzjoni tal-persuna li tkun ikkommettiet il-kontravenzjoni, fejn f’ċerti istanzi din tkun indirizz fuq borża jew kaxxa. Il-proċedura legali li twassal għall-ħruġ ta’ Notifikazzjoni tal-Intenzjoni biex tiġi imposta multa aministrattiva (Notice of Intent to Impose an Administrative Fine) hija fil-kamp legali amministrattiv, u allura hija prova suffiċjenti. Dawn il-multi jinħarġu in linea mal-proċedura f’artikoli 80 u 81 tal-Att Dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent (KAP549), li jistipula wkoll ir-rimedji legali li persuna għandha f’każ li tirċievi tali notifika.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika - Fondi u Programmi tal-Unjoni Ewropea

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32106, tista’ l-Ministru tgħid jekk fil-fatt il-Ministeru kienx benefiċjarju tal-fondi u programmi tal-Unjoni Ewropea li bbenefika l-Ministeru, d-dipartimenti u l-aġenziji relattivi matul dawn l-aħħar tliet snin u jindika l-ammont finanzjarju u komplessiv għalihom?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32106.

Slielem tal-baħar

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta jitneħħew is-slielem tal-baħar wara x-xhur tas-sajf? Tista’ tgħid ukoll x’inhi l-possibilità li dawn is-slielem jitneħħew iktar tard fis-sena hekk kif numru ta’ persuni għadhom qegħdin jgħumu?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li s-slielem madwar il-kosta jinqalgħu wara x-xhur tas-sajf hekk kif ikun hemm l-ewwel sinjali ta’ maltemp jew irjieħat qawwija. Hemm numru ta’ slielem li jkunu mwaħħlin f'postijiet kennija li jitħallew hemmhekk anke matul ix-xhur tax-xitwa. Wiehed irid japprezza li dawn is-slielem issirilhom ħsara irreparabbli jekk jitħallew imwaħħlin fil-maltemp.

ERA – Taħrikiet maħruġa

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm ħarġet taħrikiet l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) f’dawn l-aħħar sentejn u f’liema żoni?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li bejn l-2024 u s-6 ta’ Novembru 2025, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) ħarġet total ta’ 2,558 taħrika. Fis-sena 2024 inħarġu total ta’ 1,303 taħrika li minnhom 1,264 inħarġu f’Malta, 34 inħarġu fuq Għawdex, u 5 taħrikiet ma jkoprux żona speċifika. Din is-sena (mill-1 ta’ Jannar sas-6 ta’ Novembru 2025) inħarġu total ta’ 1,255 taħrika, li minnhom 1,241 inħarġu f’Malta, 7 inħarġu f’Għawdex, u 7 taħrikiet ma jkoprux żona speċifika.

San Pawl il-Baħar - Manutenzjoni ta’ faċilitajiet għal-logħob tat-tfal

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29466 dwar manutenzjoni ta’ faċilitajiet għal-logħob tat-tfal fil-parti ta’ fuq tal-Park tas-Salina kif ukoll fil-parti t’isfel magħrufa aħjar bħala Kennedy Grove, tista’ l-Ministru tgħid meta hu ppjanat li se jibda u jispiċċa dan ix-xogħol?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li tajtha għall-mistoqsija parlamentari 32059.

Salina, San Pawl il-Baħar - Bdil tat-turf

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx pjan li jinbidel it-turf fiż-żona tas-Salina, f’San Pawl il-Baħar? Jekk iva, meta hu ppjanat li jsir dan ix-xogħol? Jekk le, tista’ l-Ministru taċċerta li ssir spezzjoni sabiex jiġi żgurat li ma hemmx postijiet fejn it-turf hemm bżonn li jinbidel?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġibiet li tajtha għall-mistoqsijiet parlamentari 26547 u 32059.

Il-Marsa – Inċineratur – Fly ash

Question

Tista’ l-Ministru tgħid xi jsir mill-fly ash iġġenerat mill-inċineratur tal-Marsa u x’inhi l-ispiża biex dan jiġi dispost?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-fly ash mill-inċineratur tal-Marsa jigi esportat u fl-2024 dan sewa lill-WasteServ €87,268.90 (eskluż il-VAT).

Santa Venera - Triq Reġjonali - Tisqif tal-mini

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 31981 u tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-istudji kollha relatati mat-tisqif tal-mini ta’ Triq Reġjonali, f’Santa Venera?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dwar il-Proġett tal-Mina ta’ Santa Venera saru diversi konsultazzjonijiet u ġew ippreżentati Investigazzjonijiet Ġeotekniċi (Geotechnical Investigations) li kkonfermaw l-approċċ strutturali li għandu jiġi adottat. Qed inpoġġi kopja tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra. Wara dawn l-investigazzjonijiet, id-disinn tal-proġett ġie rfinut biex jottimizza kemm l-ispazji pubbliċi fil-wiċċ kif ukoll ta’ taħt il-ġnien. Saru konsultazzjonijiet estensivi ma’ Transport Malta, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), u Infrastructure Malta, li wasslu għal reviżjonijiet kontinwi u ftehim dwar l-aħjar approċċ li għandu jittieħed. Minħabba li t-triq fejn se jsir il-proġett hija arterja prinċipali li tifforma parti min-Netwerk TEN-T u d-disinn jinvolvi mina, hija meħtieġa l-kompetenza ta’ espert fl-Inġinerija tal-Mini. Proposta teknika biex dan l-espert jiġi ngaġġat ġiet approvata minn Infrastructure Malta u li issa qed jiġi evalwat il-mod tal-ingaġġar. Il-ħtiġijiet tal-ippjanar ġew identifikati, bi Transport Malta tissuġġerixxi l-bżonn ta’ Valutazzjoni tal-Impatt tat-Traffiku (Traffic Impact Assessment) flimkien ma’ studji potenzjali oħra. Dawn jinkludu, studji tal-ġestjoni tat-traffiku u tal-junctions prinċipali, analiżi tal-ilma tax-xita, studji tal-kwalità tal-arja u tal-istorbju. Kif ukoll, rapporti relatati mal-mina, bħal rapport dwar is-sigurtà tan-nar, valutazzjonijiet tad-dawl u l-ventilazzjoni, strateġiji ta’ kontroll tat-traffiku, u pjan ta’ ġestjoni tas-saħħa u s-sigurtà. It-termini finali li fuqhom se jiġu kummissjonati dawn l-istudji jiddependu mid-direttivi li għad iridu jingħataw minn Transport Malta.

Delimara – Impjant ta’ emerġenza - Użu

Question

Tista’ l-Ministru tgħid, meta u kemm-il darba intuża l-impjant ta’ emerġenza f’Delimara minn meta ġie installat? Tista’ tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li tindika d-dati u l-ħin meta dan l-impjant intuża, u f’kull każ tagħti r-raġuni għaliex kellu jintuża?

Response (DALLI, MIRIAM)

Enemalta topera bil-prinċipju N-1, biex tiżgura li s-sistemi tal-enerġija jkunu kapaċi jservu d-domanda, inkluż matul is-sigħat ta’ domanda għolja, inkluż f’każ fejn l-akbar sors ta’ ġenerazzjoni ma jkunx disponibbli. Enemalta ikkummissjonat l-impjant ta’ ġenerazzjoni temporanju biex jitħaddem f’każijiet ta’ emerġenza jekk tinqala’ ħsara f’wieħed mis-sorsi ewlenin ta’ ġenerazzjoni, matul perjodi fejn id-domanda tkun l-aktar għolja. Dan l-impjant kapaċi jiġġenera 60MW u qiegħed hemm biex jiżgura provvista mingħajr interruzzjoni f’każ li wieħed mis-sorsi ewlenin ta’ ġenerazzjoni ma jkunx disponibbli. Għalkemm Enemalta din is-sena laħqet peak demand ta’ kwazi 650MW, dan l-impjant ma ntużax. Dan l-impjant ser ikun qed jassigura l-prinċipju ta’ N-1 sakemm jiġi ikkummisjonat it-tieni interconnector.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Fondi u Programmi tal-Unjoni Ewropea

Question

Tista’ l-Ministru tgħid minn liema fondi u programmi tal-Unjoni Ewropea bbenefikaw il-Ministeru, id-dipartimenti u l-aġenziji relattivi tul dawn l-aħħar tliet snin u tindika l-ammont finanzjarju u komplessiv għalihom?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.

Project Green – Direct Orders

Question

Tista’ l-Ministru tagħti lista tad-direct orders kollha li tat Project Green minn meta bdiet tiffunzjona sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Tista’ tgħid ukoll meta ngħata d-direct order, lil min, kemm kien l-ammont, għal liema skop ingħata u għaliex ingħata bħala direct order?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tweġiba tingħata f’seduta oħra.