Legislature:
Category:
Reset
Active:

Awtorità tal-Ippjanar – flus mill-commuted Parking Payment scheme

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inġabru flus f'Għawdex mill-Awtorità tal-Ippjanar mill-2010 'l hawn permezz tal-Commuted Parking Payment Scheme u kemm minnhom intefqu u kif?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.

Fomm ir-Riħ – Awtorità tal-Ippjanar — applikazzjoni għall-kanċell

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx applikazzjonijiet (mill-Gvern jew mill-privat) quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar biex isir xi forma ta’ kanċell jew struttura oħra sabiex jingħalaq l-aċċess għall-pubbliku f’Fomm ir-Riħ (limiti tar-Rabat), liema post huwa wieħed mis-siti Natura 2000 f’pajjiżna?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mhemm l-ebda applikazzjoni ma’ l-Awtorità tal-Ippjanar f’dan ir-rigward.

Mellieħa – Master Plan tal-Park tal-Majjistral

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokument relatat mal-Master Plan għall-Park tal-Majjistral limiti tal-Mellieħa?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fir-rigward tal-Park tal-Majjistral, il-ħidma li qed titwettaq kont spjegajtha fid-dettal fit-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari 14612, fejn anke kont poġġejt fuq il-Mejda tal-Kamra diversi dokumenti li jirrelataw ma’ din il-ħidma. Fost l-oħrajn dawn kienu jinkludu l-ftehim għall-ġestjoni tal-park u ftehim ieħor milħuq bejn l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi u l-Bord tal-Park. Fir-rigward tal-Master Plan mitlub, nixtieq ngħarraf li dan għadu fi stadju ta’ tħejjija u għaldaqstant ikun jista’ jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra la darba jkun addottat. Madankollu, irrid niċċara li, minħabba l-fatt li t-territorju tal-Park tal-Majjistral huwa fil-biċċa l-kbira tiegħu sit Natura 2000, il-ħidma kollha li saret kienet iggwidata mill-Pjanijiet tat-Tmexxija jew Management Plan tas-sit inkwistjoni (L-Irdumijiet ta’ Malta) li hu ppubblikat mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi.

Park tal-Majjistral – Environmental Rangers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm Environmental Rangers impjegati fil-Park tal-Majjistral u kemm hu l-vot allokat mill-Gvern għall-istess impjegati biex iwettqu l-ħidma tagħhom?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-Park tal-Majjistral ma joperawx Environmental Rangers ta' Ambjent Malta. Peró, fil-post imsemmi joperaw ħames Majjistral Park Rangers li huma impjegati mill-Heritage Parks Federation. Il-finanzjament ta' dawn tal-aħħar joħroġ mill-grant annwali li jagħti l-Gvern, skont il-provvedimenti tal-Ftehim ta’ Ġestjoni u minn sorsi oħra li tiġġenera l-Federazzjoni. Fir-rigward tal-Ftehim ta’ Ġestjoni u l-grant annwali nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-tweġiba li kont tajt għall-Mistoqsija Parlamentari 14612.

Iż-Żejtun – inħawi ta’ Bulebel – trab iswed

Question

Fid-dawl li wasluli ilmenti dwar trab iswed fl-inħawi ta’ Bulebel fiż-Żejtun, jista’ l-Ministru ġentilment jgħid jekk hux infurmat dwar dan u jekk iva saritx investigazzjoni dwar dan il-fatt? Jekk iva, jista’ jgħid x’kien l-eżitu?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li la l-ufficcju tiegħi u lanqas l-ERA, bħala l-Awtorità kompetenti, ma rċevjna ilmenti ta’ trab iswed. Jekk l-Onorevoli Interpellant jgħaddi d-dettalji neċessarji lill-uffiċċju tiegħi jew anke lill-ERA tkun trid issir investigazzjoni skont il-każ.

Ġnien l-Għarusa tal-Mosta

Question

Jista’ l-Ministru jara li l-Ġnien l-Għarusa tal-Mosta jingħata l-attenzjoni li tixraqlu mill-entitajiet responsabbli li jistgħu jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu? Dan peress li partijiet minnu jinsabu fi stat mitluq

Response (FARRUGIA, AARON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Fomm ir-Riħ – Aċċess għall-pubbliku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif u x’inhi r-raġuni li l-aċċess għall-post magħruf bħala Fomm ir-Riħ u li hu sit Natura 2000 ingħalaq għall-pubbliku hekk kif jidher fil-filmat li qed jingħata separatament?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. interpellant li, waqt li l-bajja ta’ Fomm ir-Riħ u l-kosta huma pubbliċi, l-aċċess għaliha jinsab f’art privata, liema passaġġ bħalissa huwa ta’ periklu.

Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar — lista ta' proġetti kapitali

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ proġetti kapitali lil jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu jew xi entità li taqa' taħtu li huma għaddejjin bħalissa jew se jibdew fit-12-il xahar li ġejjin?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, fil-Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar, id-Diviżjoni u l-entità b’responsabbiltà ewlenija għat-twettieq ta’ proġetti kapitali huma Ambjent Malta u l-kumpanija Wasteserv (Malta) Ltd. Fir-rigward tal-proġetti li qed jitwettqu mill-kumpanija Wasteserv (Malta) Ltd fil-qasam tal-ekonomija ċirkolari diġà, f’din il-Kamra, kelli opportunità li nispjega l-portata ta’ dawn il-proġetti u l-importanza tagħhom sabiex pajjiżna jagħmel il-qabża li jmiss f’dan is-settur tant vitali. Irrid insemmi, fost l-oħrajn, il-kullana ta’ proġetti li flimkien se jifformaw l-Ecohive. Dawn jinkludu l-Waste-to-Energy Plant, il-Material Recovery Facility, l-Organic Processing Plant u t-Thermal Treatment Facility. Minbarra dan l-investiment straordinarju, l-kumpanija qed tibni wkoll Multi-Material Recovery and Storage Facility u Skip Management Facility, filwaqt li b’mod kontinwu qed tinvesti f’xogħlijiet kbar sabiex ittejjeb u tkabbar kif meħtieġ il-faċilitajiet eżistenti tagħha. Sadanittant il-Wasteserv tinsab għaddejja b’xogħlijiet fl-eks-miżbliet ta’ Wied Fulija u l-Qortin fejn, minbarra r-riabilitazzjoni tas-siti, il-proġetti jinkludu wkoll tħaddir estensiv. Irrid ngħid li dawn tal-aħħar m'humiex l-unika proġetti ta’ tħaddir li daħlet għalihom il-Wasteserv għax, kif konna ħabbarna s-sena l-oħra, l-kumpanija issa għandha wkoll driegħ ta’ operat fil-qasam tal-infrastruttura ekoloġika li permezz tiegħu se jitwettqu proġetti ta’ tħaddir urban f’Ħal Qormi, l-Mosta, l-Ħamrun u Ħaż-żabbar, kif ukoll ir-restawr u r-riabilitazzjoni ta’ Ġnien Romeo Romano f’Santa Venera. Se jkunu qed isiru wkoll investigazzjonijiet ġeo-tekniċi fir-rigward tal-proġetti tat-trasformazzjoni ta’ Triq Sant’Anna fil-Furjana f’żona pedonali mħaddra u tat-tisqif ta’ Triq Reġjonali f’Santa Venera. Min-naħa tad-Diviżjoni Ambjent Malta, il-lista ta’ proġetti li qed jitwettqu jew li se jinbdew fit-tnax-il xahar li ġejjin ukoll hija waħda tabilħaqq konsiderevoli. Din tinkludi r-restawr tal-Grotta tal-Buskett u l-ftuħ ta’ uffiċċju informattiv għall-viżitaturi f’dik li hi magħrufa bħala l-Kamra Agrarja, l-bini ta’ faċilitajiet sanitarji fil-Park Nazzjonali tas-Salina u ta’ faċilitajiet simili fuq Kemmuna, sabiex jipprovdu għas-sit tal-ikkampjar f’Tal-Ful, u x-xogħlijiet ta’ restawr u rijabilitazzjoni fi Ġnien San Filippu fil-Furjana. Se jittieħdu wkoll bosta inizjattivi ta’ tħaddir urban fosthom f’Ta’ Dbieġi, f’San Ġwann, fil-villaġġ tal-artiġġjanat f’Ta’ Qali u f’Tal-Pietà. Aktar konsiderevoli huma l-interventi ta’ Ambjent Malta f’siti Natura 2000 u żoni rurali oħra fejn b’kontinwu d-Diviżjoni tinsab għaddejja bir-restawr tal-ħitan tas-sejjieħ, it-tneħħija ta’ speċi aljeni invasivi u t-tħawwil ta’ siġar u arbuxelli indiġeni b’mod ġenerali. Dwar dawn l-interventi tajt diġà spjegazzjoni fit-tul b’risposta għall-Mistoqsija Parlamentari 16215. Fl-aħħarnett, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi bħalissa tinsab għaddejja bi proġett sabiex tinstalla stazzjon għall-monitoraġġ tal-arja fix-Xemxija u sabiex ittejjeb iż-żona madwar l-istazzjon tal-monitoraġġ tal-Għarb. Dan minbarra t-tfassil ta’ proġett għar-riabilitazzjoni ta’ Ġnien Spencer fil-Marsa u, fi sforz sabiex ittejjeb is-servizz li ttoffri, l-Awtorità tinsab għaddejja wkoll bi proġetti ta’ titjib tal-faċilitajiet tagħha fosthom il-laboratorji.

Park tal-Inwadar

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra: 1. min huma l-membri tal-Bord ta’ Ġestjoni tal-Park tal-Inwadar, ir-remunerazzjoni li jingħataw, in-numru ta’ drabi li ltaqgħu minn mindu ġew appuntati skont il-leġislazzjoni Sussidjarja 549.109?; 2. min huma l-membri tal-Korp ta’ implimentazzjoni tal-Park tal-Inwadar ir-remunerazzjoni li jingħataw, in-numru ta’ drabi li ltaqgħu minn mindu ġew appuntati skont il-leġislazzjoni sussidjarja 549.109? 3. u jippreżenta kopji tal-pjan ta’ ġestjoni/ħidma tal-park kif ukoll il-pjan ta’ negozju għall-park?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-pre¿ent il-Bord ta’ Ġestjoni tal-Park Nazzjonali tal-Inwadar huwa kompost mis-Sur Steve Borg, li huwa ċ-Chairperson, is-Sinjuri Mario Calleja, Joyce Abela, Kathleen Grima, Remigio Schembri, Jason Mangani u Bryan Degabriele li huma l-membri, u s-Sur Matthew Chetcuti li huwa s-Segretarju. L-onorarja li titħallas hija ta’ disgħat elef, disgħa mija u erbgħa u erbgħin ewro (EUR 9,944) fis-sena għaċ-Chairperson u ta’ tliet elef, sitt mija u sitta u erbgħin ewro (EUR 3,646) fis-sena għall-membri u s-segretarju. Sa minn mindu twaqqaf, f’Novembru 2016, il-Bord iltaqa’ wieħed u tletin (31) darba; dan minbarra l-ħafna żjarat fuq is-sit u laqgħat bilaterali oħra li l-persuni maħtura fuq il-bord kienu involuti fihom. Ninforma wkoll lill-Onorevoli Interpellant li, sa minn meta s-sit tal-Inwadar ġie ddikjarat bħala Park Nazzjonali, il-funzjonijiet tal-Korp tal-Implimentazzjoni dejjem ġew assorbiti minn Ambjent Malta li twettaq il-ħidma tagħha b’koordinament sħiħ mal-Bord ta’ Ġestjoni. Fuq il-Mejda tal-Kamra qed inpoġġi wkoll kopja tal-Management Plan Brief tal-Park Nazzjonali tal-Inwadar.

Wied Għomor – applikazzjoni biex isir demanju pubbliku

Question

Jista’ l-Ministru jagħti d-data, meta wara l-2017, il-Ministeru tiegħu għamel talba sabiex Wied Għomor ikun dikjarat żona ta’ demanju pubbliku (public domain)?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li t-talba biex Wied Għomor ikun iddikjarat żona ta’ demanju pubbliku (public domain), kienet ġiet sottomessa lill-Awtorità tal-Ippjanar nhar it-30 ta’ Marzu 2017.

Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar – restrooms għal persuni bi bżonnijiet speċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il restroom fil-binja tal-Ministeru tiegħu hija aċċessibbli għal persuni bi bżonnijiet speċjali?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-uffiċċju tiegħi u dak tas-Segretarju Parlamentari joperaw minn Casa Leoni f’Santa Venera. Din hija binja storika skedata u għaldaqstant il-possibilità li jsiru fiha alterazzjonijiet strutturali sabiex jipprovdu għal aktar aċċessibilità hija waħda limitata. Madankollu l-binja hija mgħammra b’restroom (1) aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità fil-pjan terran. Barra minn dan, il-Ministeru tiegħi jopera wkoll minn binja oħra f’Santa Venera fejn hemm l-uffiċini tas-Segretarjat Permanenti. F’din il-binja, n-numru ta’ restrooms aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità huwa ta’ tnejn (2).

Aġenti tar-Real Estate – kodiċi ta’ etika

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk bediex jitfassal kodiċi ta' etika għall-aġenti tar-real estate hekk kif is-sena l-oħra daħlet fis-seħħ il-liġi dwar din il-professjoni? Jekk iva, x'konsultazzjoni saret, qed issir jew ser issir u meta hu maħsub li jitlesta dan il-kodiċi? Jekk le, meta hu maħsub li jibda x-xogħol fuq dan il-kodiċi?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, kif kien spjega l-Onorevoli Segretarju Parlamentari f'din il-Kamra meta kien qed jiġi diskuss l-Abbozz tal-Att dwar l-Aġenti tal-Proprjetà Immobbli u tas-Sensara u Konsulenti tal-Proprjetà, il-ħsieb tal-Gvern sa mill-bidu nett kien li flimkien mal-Att u r-Regolamenti li joħroġu taħtu jkun hemm ukoll żewġ kodiċijiet: Kodiċi ta' Prattika u Kodiċi ta' Etika u dan sabiex ikun assigurat li l-operat fis-settur isir skont standards stabbiliti u jkun wieħed tal-ogħla professjonalità u etika. Fil-preżent, permezz tal-proċess ta' reġistrazzjoni li beda din is-sena qed jiġu identifikati l-operaturi fis-settur, ħalli imbagħad dawn ikunu parteċipi fil-proċess ta' konsultazzjoni li jeħtieġ li jsir. Hu mistenni li din il-konsultazzjoni timxi b'mod aktar mgħaġġel minn wara Marzu ta' din is-sena.

Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar – komunikazzjonijiet bil-miktub aċċessibbli għall-persuni neqsin mid-dawl

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'miżuri qed jieħu l-Ministeru tiegħu u entitajiet li jaqgħu taħtu sabiex jara li komunikazzjonijiet bil-miktub ta' kull tip li jintbagħtu bil-posta jew mezzi oħra, ikunu f'format aċċessibbli li jinqara minn persuni neqsin mid-dawl?

Response (FARRUGIA, AARON)

L-Onorevoli interpellant għandu jkun mgħarraf li, waqt li l-ebda ministeru jew entità fi ħdan il-Gvern m’għandu aċċess għal informazzjoni dwar persuni b’diżabilità u x’tip ta’ diżabilità jsofru minnhom, hu prattikament impossibbli li kull korrispondenza li tintbagħat bil-posta tradizzjonali tkun ukoll f’format aċċessibbli li jinqara minn persuni neqsin mid-dawl. Minkejja dan, fil-każ ta’ korrispondenza diġitali, nixtieq intenni li l-entità governattiva Fondazzjoni għall-Aċċessibilità tat-Teknoloġika tal-Informatika (FITA) toffri dan is-servizz lil kull individwu jew entitaijet li jitolbu din l-għajnuna biex jaqdu l-klijentela tagħhom bi spiża mħallsa mill-individwu jew l-entità. Fil-fatt dawk li, minn jeddhom jitolbu l-assistenza tal-istess Fondazzjoni, jiġu ggwidati fl-installazzjoni ta’ programm apposta (software) biex il-kompjuter personali tagħhom ikun jista’ jaqralhom kull imejl li jirċievu, inkluż bl-ilsien Malti. It-taħriġ hu bi ħlas, filwaqt li l-programm hu b’xejn. Nenfasizza li kull każ jiġi kkunsidrat fuq il-ba¿i individwali, inkluż biex tintuaża l-aħjar teknoloġija assistiva, li tvarja minn Optical Character Recognition (OCR), Screen Reader, Braille jew anke tipa mkabbra. L-istess assistenza tvarja wkoll skont l-apparat li jkun se jintuża għal dan il-għan, bħal PC/laptop, mobile u/jew tablet, u anke skont il-platform użat, jiġifieri Windows jew MAC, Android jew Apple, eċċ.

Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar – tender/direct orders lil kumpanija/individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu jew xi entità li taqa’ taħtu taw xi tender jew direct order lill-kumpanija jew l-individwu li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament mill-2013 sa issa? Jekk iva, jista’ jaqsam din l-informazzjoni sena b’sena?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar, kif ukoll l-entitajiet li jaqgħu taħtu, ma taw l-ebda tender jew direct order lill-kumpanija jew l-individwu li d-dettalji tagħhom ingħataw separatament u għaldaqstant it-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari hija nil.

Ix-Xemxija – Triq Piscopo Macedonia u Triq il-Maqdes Megalitiku – Applikazzjoni għal żvilupp

Question

Jista’ l-Ministru jindika jekk fuq is-sit/wesgħa li tinsab bejn Triq Piscopo Macedonia u Triq Il-Maqdes Megalitiku fix-Xemxija limiti ta’ San Pawl il-Baħar hemmx xi applikazzjoni għal xi tip ta’ żvilupp?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninsab infurmat li l-Awtorità tal-Ippjanar m’għandha l-ebda applikazzjoni għall-iżvilupp fuq is-sit in kwistjoni.

Ix-Xemxija – Triq Piscopo Macedonia u Triq il-Maqdes Megalitiku – sit skedat

Question

Jista’ l-Ministru jindika jekk is-sit/wesgħa li tinsab bejn Triq Piscopo Macedonia u Triq Il-Maqdes Megalitiku fix-Xemxija limiti ta’ San Pawl il-Baħar hijiex skedata jew le?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninsab infurmat li s-sit in kwistjoni mhux skedat.

Ix-Xemxija – Triq Piscopo Macedonia u Triq il-Maqdex Megalitiku – studju fuq sit

Question

Jista’ l-Ministru jindika jekk sarx xi tip ta’ xogħol/studju/eżerċizzju nhar il-Ħamis 14 ta’ Jannar 2021 u f’xi jiem qabel fuq is-sit/wesgħa li tinsab bejn Triq Piscopo Macedonia u Triq Il-Maqdes Megalitiku fix-Xemxija limiti ta’ San Pawl il-Baħar minn entità/entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabiltajiet tal-Ministeru li tiegħu hu responsabbli? Jekk iva jista’ jindika dan ix-xogħol, studju jew eżerċizzju fiex kien jikkonsisti?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, mill-verifiki li saru mal-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar, ma jirriżultax li xi waħda minn dawn l-entitajiet wettqet xi tip ta’ xogħol/studju/eżerċizzju fid-dati u s-sit imsemmija. Għaldaqstant ir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari hija nil.

Iċ-Ċirkewwa – miżuri ta’ sigurtà ma’ wieħed mill-mollijiet

Question

Jista’ l-Ministru jara x’passi/miżuri ta’ prekawzjoni jew sigurtà jistgħu jittieħdu mill-awtoritajiet konċernati fiż-żona ta’ wieħed mill-mollijiet taċ-Ċirkewwa indikat fil-link hawnhekk (https://fb.watch/310aVQd7IN/) u dan biex jiġu evitati traġedji wara li fl-aħħar ġimgħat, erba’ karozzi spiċċaw fil-baħar?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar – tender jew direct order lil kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu jew xi entità li taqa’ taħtu, tawx tender jew direct order lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? Meta ngħataw, ta’ kemm kienu u abbażi ta’ xiex?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jispeċifika t-talba tiegħu.

Żona tat-Trade Fair – toroq li ser jinfetħu jew jinbidlu

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17047 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid liema toroq se jinfetħu jew jinbidlu fiż-żona tat-Trade Fair, b’rabta mal-proġett ta’ żvilupp massiv f’din iż-żona?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninsab infurmat li s-sit in kwistjoni huwa kopert b’permess ta’ kontroll ta’ ppjanar PC 38/16 datat 6 ta’ Dicembru 2017: “To introduce new street alignments and exclude site from land covered by CMLP Policies NA01 and NA02 and confirm building height limitations at 17.50 metres. ” Qed inpoġġi wkoll fuq il-mejda tal-kamra kopja tal-pjanta approvata u li turi li dan il-permess ta’ kontroll ta’ ppjanar (Planning Control permit) jirriżulta fit-toroq elenkati hawn taħt: 1. Tkabbir tal-“ junction ” bejn Triq San Pawl u Triq il Marki¿ Giuseppe Scicluna u ntroduzzjoni ta’ “ roundabout ”: 2. Estensjoni ta’ Triq San Timotju fid-direzzjoni Xlokk il-Lvant sakemm tinfed ma’ triq ġdida li tibda mill-“ junction ” ma’ Triq San Pawl u taqsam is-sit b’mod lonġitudinali fid-direzzjoni Nofsinhar; 3. Estensjoni ta’ Triq it-Torri tal-Kaptan fid-direzzjoni ta’ l-Lvant li taqsam is-sit b’mod latitudinali sakemm tinfed ma Triq il-Markiż Giuseppe Scicluna faccata ta’ Triq il-Ġiżwiti ; 4. Triq ġdida li minn Triq San Pawl taqsam is-sit b’mod lonġitudinali lejn in-nofsinhar sakemm tasal ma l-estensjoni ta’ Triq it-Torri tal-Kaptan fejn tifred iż-żewġ toroq li jibqgħu neżlin lejn in-Nofsinhar sakemm jerġgħu jingħaqdu u t-triq twassal sa Pjazza Celsi; 5. Triq ġdida li minna t’isfel ta’ Triq il Marki¿ Giuseppe Scicluna tikser lejn il-Punent sakemm tinfed mat -triq ġdida msemmija f’punt “4”; 6. Triq (li diġà hija ffurmata) li tibda minn Triq it-Torri tal-Kaptan u tinżel lejn in--nofsinhar u tispiċċa f’turning circle”.