Legislature:
Category:
Reset
Active:

Tnaqqis ta’ spiża ta’ Gvern fuq l-Ambjent

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux inkwetat bir-rapport li ħareġ l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) li juru li s-sena li għaddiet l-ispiża tal-Gvern fuq l-Ambjent naqset b’€86 miljun, biex ġiet inqas minn dik tal-2012?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dokument li qed jikkwota minnu, jiġifieri l-istqarrija għall-istampa maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) nhar it-30 ta’ Jannar 2018, jindika b’mod ċar li meta wieħed jikkumpara n-nefqa ġenerali tal-Gvern fl-2016 ma’ dik tal-2015 jirriżulta tnaqqis li kien dovut primarjament għall-fatt li fl-2015 ingħalaq il-Programming Period (2007-2013) tal-Fondi Ewropej. Għaldaqstant fl-2015 u fis-snin ta’ qabilha kienu qed jingħalqu proġetti maġġuri ta’ natura kapitali li riedu jitlestew u jitħallsu sal-2015. Minkejja li l-ħidma tal-Gvern baqgħet għaddeja b’ritmu mgħaġġel anke fl-2016, matul din is-sena ma kinitx teżisti r-realtà ta’ daqstant proġetti maġġuri li mmaturaw f’daqqa. Irrid ngħid li taħt in-nefqa ambjentali kif ikkwotata mill-NSO hemm inklużi proġetti kbar bħall-proġett nazzjonali għat-taffija tal-għargħar u proġetti oħra bħall-Mechanical and Biological Treatment Plants. F’dan il-kuntest wieħed jifhem li, iktar minn tnaqqis fl-2016, matul il-perjodu li jsemmi r-rapport kien hemm spejjeż straordinarji matul is-snin ta’ qabel, liema spejjeż ma setgħux jiġu replikati fl-2016.

Żona tat--Tieqa ta’ Wied il-Mielaħ – sit ta’ Natura 2000

Question

Jista’ l-Ministru jara li jinbeda l-proċess biex iż-żona tat-Tieqa ta’ Wied il-Mielaħ f’Għawdex tkun iddikjarata sit ta’ Natura 2000?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lil Onor. Interpellant li dan il-proċess fil-fatt diġa nbeda u l-ERA qed tagħmel il-kunsiderazzjonijiet teknici sabiex tkun tista’ tinbeda il-konsultazzjoni pubblika meħtiega fil-futur mhux il-bod.

Family Park ta’ Sant’ Antnin – environment friendly cleaning services

Question

B’referenza għall-Avviż fil-Gazzetta tal-Gvern datata 13 ta’ Frar 2018 (7/2013/44 Advert 5/2018) għal Environmentally Friendly Cleaning Services fil-Family Park ta’ Sant’Antnin, jista’ l-Ministru jispjega għala saret din is-sejħa u jindika kemm hu l-budget li l-Ministeru alloka għal dan is-servizz?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lil Onor. Interpellant li s-sejħa ta’ Environmentally Friendly Cleaning Services fil-Family Park ta’ Sant’Antnin ġewwa Marsakala, hija għal ‘period contract’ biex isir it-tindif tal-blokka amministrattiva, il-latrini pubbliċi u l-partijiet esterni ġewwa l-istess Park permezz ta’ materjali, fejn applikabbli, li jirrispettaw l-ambjent. Il-budget allokat ghal dan is-servizz fuq perjodu ta’ tnax-il xahar huwa ta’ €12,168.

Ix-Xagħra Għawdex – Il-Qortin – tħawwil ta’ siġar u arbuxelli

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-mijiet ta’ siġar u arbuxelli li jinsabu mħawla ġewwa l-ex miżbla tal-Qortin fix-Xagħra Għawdex humiex qed jiġu msoqqija b’mod regolari u jekk iva, kemm-il darba fil-ġimgħa qed jissaqqew matul is-sajf 2018?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bosta mis-siġar u arbuxelli li jinsabu mħawwlin ġewwa l-ex-miżbla f’Tal-Qortin, ix-Xagħra, Għawdex ġew msoqqija mill-kuntrattur li ħawwilhom għall-perjodu ta’ tliet snin s`Awwissu 2017, hekk kif kien stabbilit fit–tender, dan sakemm laħqu l-maturita’ tagħhom li jkomplu jikbru b’mod naturali.

Total ta’ Skart miġbur minn Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu t-total tal-iskart li jinġabar minn Għawdex fis-sena u li jiġi trasportat għal Malta? Kif qed jiġi trasportat bħalissa?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-total ta’ skart li jinġabar f’tal-Kus Għawdex fis-sena u li jiġi trasportat jew mibjugħ lejn Malta huwa dak ta’ madwar 16,000 tunellata fis-sena. Fil-preżent il-MSW (borża sewda), skart organiku (borża bajda) u materjal ieħor simili qiegħed jiġi trasportat lejn Malta permezz ta’ containers speċjali “hermetically sealed” li jkunu ssiġillati, filwaqt li materjal bħal injam, tyres u oħrajn simili qed jiġu trasportati b’containers li jkunu miftuħin minn naħa ta’ fuq (open-top containers). Il-borża tal-iskart riċiklabbli tiġi pproċessata fil-faċilità tal-Kus, fejn jigi sseparat il-materjal li jiġi mballat u preparat biex jinbiegħ. Il-parti l-kbira ta’ dan il-materjal mballat jinġabar dirett mill-facilità f’Tal-Kus u ġieli jkun hemm materjal imballat li jitwassal Malta fil-faċilità tal-Wasteserv minn fejn jiġi miġbur mill-klijent.

Nature Reserves — rangers

Question

Jista' l-Ministru jgħid il-Gvern għandu xi pjanijiet biex in-nature reserves ikollhom rangers b'poteri eżekuttivi kif għandhom diversi pajjiżi barranin qrib tagħna?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mhux eskluż li l-Ministeru jadotta sistema simili ta’ rangers. Dan in vista ta’ żieda tat-territorju ta’ kapital naturali ta’ pajjiżna, taħt ir-responsabbilita’ tal-Ministeru, li qiegħed dejjem jiżdied. Bħalissa d-Direttorat tal-Infurzar ġewwa l-ERA flimkien mal-Pulizija u entitajiet oħra diġà jieħdu ħsieb it-tlett Riżervi Naturali ta’ Malta, li huma Filfla, Ħaġret il-Ġeneral u Selmunett. Fil-każ ta’ siti protetti oħrajn, il-Ministeru, permezz tal-ERA u Ambjent Malta, għandu diversi ftehim dwar it-tmexxija ma’ entitatijet biex jamministraw dawn is-siti protetti, u jaħdem ma’ dawn l-entitajiet biex jimplementa u jinforza l-liġi permezz tad-Direttorat tal-Infurzar fl-ERA, il-Pulizija u entitajiet relevanti oħra.

Hazardous waste — landfills

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-ammont ta' hazardous waste li kellna sena b'sena mis-sena 2004 sal-lum? Fejn qed jiġi maħżun? Dan qed isir f'xi landfill? Għandna hazardous waste landfills kif jitolbu d-direttivi tal-EU?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-ammont ta’ skart perikoluż bejn l-2004 u l-2016. L-iskart perikoluż huwa maħżun ġewwa faċilitajiet għall-imaniġġar ta’ l-iskart awtorizzati mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi biex jaċċettaw tali skart u mhux ġewwa landfills . F’Malta m’għandna l-ebda landfill awtorizzata għal skart perikoluż.

Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima – tħawwil ta’ siġar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew imħawwla siġar mill-Ministeru tiegħu, u jgħid x’persentaġġ minnhom ġew importati minn barra minn Malta u x’persentaġġ tnisslu minn siġar lokali? Jista' jgħid ukoll xi spiża saret biex ġew impurtati dawn is-siġar?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lil Onor. Interpellant li matul din is-sena, l-Ministeru għall-Ambjent, Żvillup Sostennibili u Tibdil fil-Klima, ħawwel il-fuq minn 7,500 siġra u arbuxxel. Huwa proġettat li sa l-aħħar tas-sena bħala total ikunu tħawwlu l’fuq minn 12,000 siġra u arbuxxel. 60% ta’ dawn l-speċi ġew impurtati minn barra, b’ 40% kienu mkabbra fil-mixtla ġewwa Ta’ Qali. Huwa stmat li l-spiża sa l-aħħar tas-sena ser tlaħħaq €35,000.

Database ta’ Hazardous Wastes

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux qed tinżamm database kif suppost u reġistru tas-sorsi ta’ hazardous waste kif ukoll dwar x’tip hu, minn fejn qed joriġina u fejn qed jispiċċa? Jinżammu records dwar kemm minnu qed jiġi esportat u jekk iva, primarjament lejn fejn?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi żżomm database ta’ hazardous waste. F’din id-database hemm informazzjoni dwar l-ammonti ġenerati, minn fejn u kemm qed joriġina u anke x’qed isir minn dan l-iskart. Fost din tal-aħħar tinkludi informazzjoni dwar min qed jesporta u f’liema entità u pajjiż qed imur primarjament lejn Spanja, l-Italja, Franza u l-Ġermanja.

Żamma ta’ Hazardous Wastes

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn qed jinżamm il-hazardous waste llum? X’persentaġġ minnu jaħseb li qed jiġi stored fl-istess azjendi li jipproduċuh?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iskart perikoluż (hazardous waste) jista’ jinżamm fil-faċilità fejn jiġi ġġenerat jew f’faċilitajiet awtorizzati mill-ERA sabiex jaċċettaw dan it-tip ta’ skart għall-immaniġġjar tiegħu (jiġifieri għar-rimi, jew irkupru, jew għall-ħażna temporanja sakemm jintbagħat f’siti oħra). Il-provedimenti tal-liġi (SL 549.63) jistipulaw li dan l-iskart jista’ jinżamm fis-siti ta’ ġenerazzjoni jew immaniġjar għal 12-il xahar jekk dan ikun destinat għar-rimi; jew għal tlett snin jekk ikun destinat għall-irkupru. It-trasferiment ta’ skart perikoluż huwa ukoll suġġett għal permess ta’ kunsinna ( Consignment Notification ) li jinkorpora sistema ta’ notifikazzjoni għal kull trasferiment minn sit għal ieħor skont Regolament 14 tal-L.S. 549.63. Għall-esportazzjoni ta’ dan it-tip ta’ skart barra minn Malta, huwa meħtieġ permess tat-TFS ( Trans-Frontier Shipment ) mill-ERA skont ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Fir-rigward tal-perċentwali li minnu huwa maħsub li qed jiġi maħżun fl-istess azjendi li jipproduċuh, l-ERA m’għandiex din l-informazzjoni speċifika, però żżomm informazzjoni rigward: • Ammonti ta’ skart aċċettati minn faċilitajiet li jipproduċu l-iskart u l-ammonti ta’ skart li joħorġu minn faċilitajiet li jimmaniġġjaw l-iskart; • Ammonti ta’ skart iġġenerat mingħand xi azjendi li huma koperti b’permess ambjentali mill-ERA; • Informazzjoni ta’ trasferiment ta’ skart perikoluż bħala parti mill- permessi ta’ kunsinna jew permessi tat-TFS.

Awtorità tal-Ambjent – siġar indiġeni u arkeofati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema siġar indiġeni u arkeofati qed jiġu protetti mill-Ministeru u l-Awtorità tal-Ambjent u jista’ jindika x’passi effettivi ttieħdu għal dan il-għan?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ERA ħarġet regolament ġdid fuq il-protezzjoni tas-siġar u msaġar, SL 549.123, li fih hemm ukoll inkluża lista ta’ siġar indiġeni u arkeofiti li huma protetti jew f’kull sit jew inkella f’ċertu siti skond l-ispeċi. Wieħed jista’ jirreferi għall-lista ta’ siġar protetti kif muri fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Dan il-regolament għandu multi għola mir-regolament li kien fis-seħħ qablu bħala miżura biex ikunu protetti dawn is-siġar. L-istess regolament jagħti għodda lill-ERA biex tipproteġi ċerti siġar bħala żoni għal ħarsien ta’ siġar. L-ERA diġà rduppjat iż-żoni ta’ ħarsien ta’ siġar kemm ilha imwaqqfa, minn tlettin (30) sit għal sittin (60) sit. L-ERA u Ambjent Malta qegħdin ukoll jaħdmu flimkien fuq it-tkattir ta’ dawn is-siġar, partikolarment dawk mhedda u rari ħafna, u saħansitra daħħlu lura fis-selvaġġ siġar li kienu nqerdu (bħall-imbragla) jew li minnhom kien għad fadal biss ftit eżemplari biss fis-selvaġġ (bħall-olivastru u l-ġummar) permezz ta’ numru ta’ proġetti ta’ afforestazzjoni u restawr f’numru ta’ nħawi fil-Gżejjer Maltin.

Santa Luċija — arbuxelli

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew maqlugħa kif ukoll imħawla arbuxelli ġodda tul dawn l-aħħar erba’ snin f’Santa Luċija?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lil Onor. Interpellant li l-informazzjoni li ġiet mitluba hija bbażata biss fuq statisika li għandu dan il-Ministeru, b’ mod partikulari t’ Ambjent Malta (li qabel kien id-Direttorat tal-PARKS u s-sezzjoni tal-Monitoring Environment Landscape Project – MELP, li jieħdu ħsieb il-kuntratt li għandu l-Gvern Ċentrali mal-ELC). Dan qed jigi kjarifikat minħabba l-fatt li hemm entitajiet oħra li jistgħu jikkontribwixxu għal tħawwil ta’ siġar u arbuxxel fil-lokalitajiet kollha ta’ Malta. Eżempju ta dan huwa li kull Kunsill Lokali għandu kuntratt li jieħu ħsieb ix-xogħlijiet relatati ma’ soft landscaping fil-lokalità rispettiva u l-interventi li jsiru jkunu direzzjonati direttament minn naħa tiegħu. Hemm wkoll interventi li jsiru minn entitajiet mhux governattivi fejn jitħawwlu numru ta speċi f’diversi żoni skont programm jew proġett li jkunu qed jagħmlu dawn l-istess għaqdiet. Mill-Ministeru tiegħi fil-lokalità ta’ Santa Luċija f’dawn l-aħħar erba’ snin ġew maqlugħa 20 Lantana Montevidensis u ġew imħawwla 20 Lantana Montevidensis.

Raħal Ġdid — arbuxelli

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew maqlugħa kif ukoll imħawla arbuxelli ġodda tul dawn l-aħħar erba’ snin f’Raħal Ġdid?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lil Onor. Interpellant li l-informazzjoni li ġiet mitluba hija bbażata biss fuq statisika li għandu dan il-Ministeru, b’ mod partikulari t’ Ambjent Malta (li qabel kien id-Direttorat tal-PARKS u s-sezzjoni tal-Monitoring Environment Landscape Project – MELP, li jieħdu ħsieb il-kuntratt li għandu l-Gvern Ċentrali mal-ELC). Dan qed jigi kjarifikat minħabba l-fatt li hemm entitajiet oħra li jistgħu jikkontribwixxu għal tħawwil ta’ siġar u arbuxxel fil-lokalitajiet kollha ta’ Malta. Eżempju ta dan huwa li kull Kunsill Lokali għandu kuntratt li jieħu ħsieb ix-xogħlijiet relatati ma’ soft landscaping fil-lokalità rispettiva u l-interventi li jsiru jkunu direzzjonati direttament minn naħa tiegħu. Hemm wkoll interventi li jsiru min entitajiet mhux governattivi fejn jitħawwlu numru ta speċi f’diversi żoni skont programm jew proġett li jkunu qed jagħmlu dawn l-istess għaqdiet. Mill-Ministeru tiegħi fil-lokalità ta’ Raħal Ġdid f’dawn l-aħħar erba’ snin ġew maqlugħa 266 Nerium Oleander u ġew imħawwla 334 Nerium Oleander.

Arbuxelli

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew maqlugħa kif ukoll imħawla arbuxelli ġodda tul dawn l-aħħar erba’ snin?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lil Onor. Interpellant li l-informazzjoni li ġiet mitluba hija bbażata biss fuq statisika li għandu dan il-Ministeru, b’ mod partikulari t’ Ambjent Malta (li qabel kien id-Direttorat tal-PARKS u s-sezzjoni tal-Monitoring Environment Landscape Project – MELP, li jieħdu ħsieb il-kuntratt li għandu l-Gvern Ċentrali mal-ELC). Dan qed jigi kjarifikat minħabba l-fatt li hemm entitajiet oħra li jistgħu jikkontribwixxu għal tħawwil ta’ siġar u arbuxxel fil-lokalitajiet kollha ta’ Malta. Eżempju ta’ dan huwa li kull Kunsill Lokali għandu kuntratt li jieħu ħsieb ix-xogħlijiet relatati ma’ soft landscaping fil-lokalità rispettiva u l-interventi li jsiru jkunu direzzjonati direttament minn naħa tiegħu. Hemm wkoll interventi li jsiru minn entitajiet mhux governattivi fejn jitħawwlu numru ta speċi f’diversi żoni skont programm jew proġett li jkunu qed jagħmlu dawn l-istess għaqdiet. Mill-Ministeru tiegħi f’dawn l-aħħar erba’ snin ġew maqlugħa 3,090 arbuxelli u tħawwlu 61,667 arbuxelli.

Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima – ħaddiema part-time

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm ħaddiema part-timers ingaġġati mad-dipartiment, entitajiet, azjendi parastatali, korporazzjonijiet u anke ministeri li kienu jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu sad-data li din l-interpellanza tkun imwieġba li lkoll kienu qegħdin jitħaddmu fuq bażi ta' ħaddiema part-time iżda li kienu reġistrati bħala self employed?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ingaġġi part-time huma normalment dawk li jsiru ad hoc fuq bażi “on trust”. Minn dawn, fil-Ministeru tiegħi, fil-preżent hemm sitta u għoxrin (26) li minnhom hemm erbgħa (4) li huma ngaġġati part-time. Ir-reġistrazzjoni ta’ dawn l-impjegati ma ssirx bħala self-employed iżda bħala impjegati tal-Ministeru fuq kuntratt definit.

Direttivi Ewropej dwar packaging waste

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qed isir mill-Gvern b'mod konkret biex jintlaħqu t-targets tad-Direttivi Ewropej dwar packaging waste f'Malta, kif ukoll dwar id-deadlines marbutin mal-Landfill Directive?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fir-rigward tad-Direttiva tal-Ippakjar u l-Iskart tal-Ippakjar u l-miri relatati, Malta ma tinsabx ‘il bogħod. Il-produtturi u l-importaturi tal-ippakjar li jinkludi l-materjali plastik, metall, karta u kartun, ħġieġ u injam, huma obbligati b’din l-istess Direttiva biex jiffinzjaw il-ġbir ta’ dawn il-materjali u jilħqu minimu ta’ 55% mill-ammont li jpoġġu fuq is-suq. Biex ikunu konformi ma’ dan l-obbligu, l-produtturi u importaturi jissieħbu ma’ waħda miż-żewġ skemi ta’ rkupru li jagħmlu dan f’isimhom. Iż-żewġ skemi ta’ rkupru privati, jiġbru materjal riċiklabbli mill-industrija, mis-settur kummerċjali u mir-residenzi bi ftehim mal-Kunsilli Lokali. Biex inkomplu nsaħħu s-sistemi eżistenti u biex inżidu aktar ir-rata ta’ riċiklaġġ, tinħtieġ parteċipazzjoni akbar miċ-ċittadini kollha biex jisseparaw l-iskart f’darhom u fuq il-post tax-xogħol tagħhom. Għal dan il-għan, tfasslu u qed isir xogħol mill-Ministeru tiegħi fuq diversi miżuri li jixxpruna bidla fil-mentalità u l-għaġir tal-poplu Malti, dawn jinkludu: 1. Reviżjoni fil-liġi li diġà saret biex kull Kunsill ikun marbut ma’ skema ta’ rkupru. Dan biex fl-eventwalità li waħda mill-iskemi ma tonorax l-obbligi tagħha, l-Awtorità tar-Riżorsi u l-Ambjent (l-ERA) tkun tista’ tintervjeni. 2. Tisħiħ fl-Att għall-Protezzjoni tal-Ambjent biex jiddaħal l-obbligu tas-separazzjoni tal-iskart fir-residenzi u s-settur kummerċjali, qed jiġi mfassal taħt il-proviżjonijiet ġodda dwar l-Ekonomija Ċirkulari, li bħalissa qegħdin jiġu ffinalizzati sabiex jiddaħħlu fil-qafas leġislattiv tal-ambjent. 3. L-Avviż Legali li għadu kemm ġie ppublikat dwar ir-rimi abbużiv li jdaħħal fis-seħħ pieni ħorox għal min ma jsegwix mal-iskedi tal-ġbir tal-iskart kif moħruġa mill-Kunsilli Lokali rispettivi. 4. L-iskema dwar ir-rifużjoni tal-flixken tax-xorb li ser tkun implimentata fl-2019. Id-Direttiva tal- Landfill , mill-banda l-oħra titratta l-iskart muniċipali li qed jiġi ġġenerat mir-residenzi u l-intrapriżi. L-ammont ta’ skart muniċipali ġġenerat f’Malta huwa wieħed mill-akbar fl-Ewropa. Iktar ma tiżdied is-separarazzjoni tal-iskart effettiva, inqas skart jkollu jitpoġġa fil-landfill. Dan ilna insaħħuħ. Ħidma biex dan jitnaqqas għaddejja ġmielha fil-kampanja edukattiva, safrattant irid ikun il-poplu nnifsu li jagħmel għażliet għaqlija biex jiġġenera inqas skart. L-infrastruttura eżistenti titratta l-iskart kollu ġġenerat, però meta jitnaqqas l-iskart riċiklabbli, l-iskart li narmu fil-borża s-sewda jmur fil-miżbla. Bl-introduzzjoni tal-ġbir tal-iskart organiku f’Malta u Għawdex kollu, propju se nnaqsu l-iskart organiku milli jintrema fil-borża s-sewda. Għaliex il-borża l-bajda bl-iskart organiku separat tiġi trattata f’impjant apposta li jiġġenera enerġija nadifa u kompost, u allura ma jmurx aktar fil-miżbla. Biex inkomplu nnaqsu aktar l-iskart li jmur fil-miżbla, wara li nżidu r-riċiklaġġ u li nneħħu l-iskart organiku, il-porzjon li jkun fadal, mis-sena 2023 jibda jiġi trattat fl-impjant tal- Waste to Energy .

Waste Separation – edukazzjoni fil-media

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi pjani għandu l-Gvern biex jiġu intensifikati l-isforzi nazzjonali għal media education aktar effettiva dwar waste separation, użu ta' bring-in sites u door collection?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent, il-Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima qed jorganizza kampanja nazzjonali edukattiva biex jiżdied l-għarfien dwar l-immaniġjar tal-iskart li, fost affarijiet oħra, tinkludi aktar għarfien dwar is-separazzjoni tal-iskart, użu ta’ bring-in sites u ġbir ta’ skart organiku mid-djar, bl-iskop li dejjem inżidu aktar ir-riċiklaġġ u nnaqqsu l-ammont li jidħol fil-miżbla. Din il-kampanja – Don’t Waste Waste - bdiet f'April 2016 u hija maħsuba li tintemm fl-ewwel kwart tal-2019. WasteServ Malta qed torganizza wkoll kampanja nazzjonali oħra li tiffoka prinċiparjament fuq is-separazzjoni tal-iskart organiku – Sort it Out . Din il-kampanja hi ffinanzjata mill-Unjoni Ewropea u bdiet f'Awwissu tal-2018 u maħsuba li tkompli sal-aħħar kwart tal-2019. Iż-żewġ kampanji qed jużaw, fost affarijiet oħra, stazzjonijiet lokali tat-televiżjoni u tar-radju u l-midja soċjali bħal Facebook u Instagram , reklamar fuq diversi siti tal-internet kif ukoll billboards u karozzi tal-linja biex iwasslu l-messaġġ tagħhom. Qed jiġu organizzati wkoll seminars u workshops ma’ setturi differenti tas-soċjetà, bħall-industriji, ż-żagħżagħ, l-anzjani, eċċ, kif ukoll parteċipazzjoni f'attivitajiet organizzati mill-Kunsilli Lokali biex jintlaħqu l-akbar numru ta’ nies possibbli.

Collected waste użat għal resuse projects

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma kemm mill-collected waste qed jintuża għal reuse projects? X'qed jiġri minn dan il-waste u kemm hemm minn dan il-waste li qed jiġi esportat?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika għaliex qed jirreferi fir-rigward ta’ Reuse Projects. Rigward il-waste, il-Wasteserv titratta skart li tirċievi fil-faċilità tagħha u tesporta dak li jista’ jiġi riċiklat.

Skema ta’ regolarizzar fil-bini tad-dar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se toħroġ l-iskema ta' regolarizzar fil-bini tad-djar, liema bini u rranġar fid-dar bla permess fil-hamlets?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iskema ta’ regolarizzar fil-bini tad-djar ma taqax taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru tiegħi u għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.