Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali — Ħaddiema full-time

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta' kemm hemm ħaddiema impjegati fuq bażi full-time fil-Ministeru tiegħu sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kompożizzjoni tas-Segretarjat tal-Ministeru għall-Agrikoltura, s-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali huwa skont il-Policy on the Engagement of Persons/Positions on a Trust Basis li kopja tiegħu diġà tpoġġiet fuq l-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali — Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Frar 2025?

Response (REFALO, ANTON)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25776.

Il-Mellieħa — Żona tal-Qammiegħ - Estensjoni tal-impjant tad-drenaġġ - Laqgħat ta’ konsultazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarux laqgħat ta’ konsultazzjoni mal-bdiewa, raħħala u l-Kunsill Lokali Mellieħa dwar l-estensjoni tal-impjant tad-drenaġġ fil-Qammiegħ, limiti tal-Mellieħa?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill Onor. Interpellant biex din il-mistoqsija tiġi riferuta lill-Ministru ikkonċernat.

Direttivi tal-Unjoni Ewropea

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’direttivi tal-Unjoni Ewropea ġew jew mistennija li jiġu implimentati mill-Ministeru tiegħu tul l-ewwel sitt xhur tas-sena 2025 u liema huma dawk li għadhom pendenti sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li li dawk id-Direttivi li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali u li d-data ta’ skadenza għat-traspożizzjoni tagħhom taħbat fl-ewwel sitt xhur tas-sena 2025 huma s-segwenti: Direttiva Skadenza Direttiva ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/2963 tad-29 ta’ Novembru 2024 li temenda d-Direttivi 2003/90/KE u 2003/91/KE fir-rigward tal-protokolli għall-eżami ta’ ċerti varjetajiet ta’ speċijiet tal-pjanti agrikoli u ta’ speċijiet tal-ħxejjex 31 ta’ Mejju 2025 Direttiva ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2024/3010 tad-29 ta’ Novembru 2024 li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 2002/55/KE u 2002/57/KE, u d-Direttiva tal-Kummissjoni 93/61/KEE fir-rigward tal-elenkar tal-pesti tal-pjanti fuq iż-żrieragħ u materjal riproduttiv ieħor tal-pjanti 31 ta’ Mejju 2025 Dawn id-Direttivi għadhom ma ġewx trasposti fil-liġi nazzjonali u għalhekk għadhom pendenti.

Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali – Chairpersons

Question

Jista' l-Ministru jgħid min kienu / huma ċ-chairmen/chairwomen tad-diversi aġenziji, awtoritajiet, entitajiet, kummissjonijiet u korpi li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u jekk dawn humiex/kenux chairmen/chairwomen eżekuttivi jew le? Jista' jgħid ukoll: (a) Kemm damu / ilhom fil-ħatra ċ-chairmen/chairwomen tal-bordijiet ta' dawn l-aġenziji, awtoritajiet, entitajiet, bordijiet, kummissjonijiet u korpi u meta ser jispiċċa t-terminu tagħhom? (b) Kif ġew magħżula kull wieħed / waħda minn dawn iċ-chairmen/chairwomen tal-bordijiet ta' dawn l-aġenziji, awtoritajiet, entitajiet, bordijiet, kummissjonijiet u korpi, sena b'sena, mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? (c) X'kumpens finanzjarju u perkaċċi oħra bħal disturbance allowance, communications allowance, fully-expensed mobile telephony, free telephony, internet service, Car Allowance, Fuel Vouchers, use of car-hired car, use of government-owned car, tablets, laptops, Expertise allowance, disturbance allowance, shift allowance jew xi tip ta' allowance u / jew perkaċċi oħra (speċifika) ħadu / qed jieħdu kull wieħed/waħda minn dawn iċ-chairmen/chairwomen tal-bordijiet ta' dawn l-aġenziji, awtoritajiet, entitajiet, bordijiet, kummissjonijiet u korpi sena b'sena mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? (d) Kemm-il siegħa fil-ġimgħa kienu/huma obbligati li jaħdmu dawn iċ-chairmen/chairwomen tal-bordijiet biex imexxu dawn l-aġenziji, awtoritajiet, entitajiet, bordijiet, kummissjonijiet u korpi, sena b'sena, mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? (e) Liema kienu / huma dawk iċ-chairmen/chairwomen, sena b'sena, mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, ta' dawn l-aġenziji, awtoritajiet, entitajiet, bordijiet, kummissjonijiet u korpi li kienu/huma wkoll impjegati full-time fis-servizz pubbliku, aġenziji, awtoritajiet u entitajiet tal-Gvern, ma’ min u f'liema kariga / grad? (f) Liema kienu / huma dawk iċ-chairmen/chairwomen, sena b'sena, mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, ta' dawn l-aġenziji, awtoritajiet, entitajiet, bordijiet, kummissjonijiet u korpi li kienu / huma wkoll impjegati full-time mal-privat, ma’ min u f'liema kariga / grad? Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ittra ta' ħatra u l-kuntratt ta' dawn iċ-chairmen/chairwomen?

Response (REFALO, ANTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22683.

Servizz ta’ ġbir u t-trasportazzjoni ta’ frott u ħaxix — Kuntrattur

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min hu l-kuntrattur li qed jagħti s-servizz tal-ġbir u t-trasportazzjoni ta’ frott u ħaxix minn Għawdex għall-Pitkalija ta’ Malta, għall-Malta Food Agency? Jista’ jgħid ukoll minn fejn qed jingħata s-servizz u kemm ġie jiswa dan is-servizz?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u ser tingħata f'xi seduta oħra.

Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa — Laqgħat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għal liema laqgħat attenda fi ħdan l-Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa u dawk li mistenni jattendi għalihom f’dawn l-ewwel sitt xhur tas-sena 2025?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sa issa attendejt għal laqgħa waħda tal-Agrifish fis-27 ta’ Jannar ġewwa Brussell. Fis-sitt xhur li ġejjin hemm pjanat li nattendi laqgħat hekk kif ġej: - 24 Frar Agrifish Brussell - 24 Marzu Agrifish Brussell - 28 April Agrifish Lussemburgu - 26 Mejju Agrifish Brussell - 15 - 17 Ġunju Agrifish (Informali) Polonja - 23 - 24 Ġunju Agrifish Lussemburgu (mhux konfermata)

Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali – Uffiċini

Question

Jista' l-Ministru jgħid: (a) Kemm-il uffiċċju addizzjonali għandu barra l-binja uffiċjali tal-Ministeru tiegħu u f'liema lokalità qiegħed/qegħdin? (b) Dawn l-uffiċini huma binjiet pubbliċi jew privati? (c) X'inhu l-użu ta' dawn l-uffiċini? (d) Kemm titħallas kera għal kull uffiċċju sena b'sena u jekk din titħallasx minn fondi pubbliċi jew fondi oħrajn? (e) Min hu l-benefiċjarju ta' din il-kera? (f) Minn x'ħin sa x'ħin u f'liema ġranet ikunu miftuħin dawn l-uffiċini? (g) Min jiftaħ dawn l-uffiċini u jara lin-nies, il-Ministru personalment jew persuni oħra għan-nom tiegħu? (h) Jekk in-nies jarawhom persuni oħra għan-nom tiegħu, dawn huma impjegati tal-Ministeru jew tal-Gvern?

Response (REFALO, ANTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jispeċifika x'qed ifisser b'uffiċċju addizzjonali.

Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali — Sponsorships u donazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 22719 u jagħti lista tal-benefikanti minn sponsorships u donazzjonijiet li ngħataw mill-Ministeru tiegħu, inkluż l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu, tal-benefiċċji ta' 'l fuq minn €2,500 għal kull għotja fis-sena 2023, u minn Jannar sa Ottubru 2024? Jista’ jgħid ukoll kemm ingħata lil kull benefikant u kif ġew magħżula biex jibbenefikaw minn dawn il-fondi?

Response (REFALO, ANTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tabella segwenti li turi lista tal-benefikanti minn sponsorships u donazzjonijiet li ngħataw mill-Ministeru li tiegħu jiena responsabbli, inkluż l-entitajiet kollha. Dipartiment/Entità Sponsorship / donazzjoni Benefikant 2023/2024 Ammont (€) Dipartiment tal-Akwakultura u s-Sajd Donazzjoni minn bejgħ ta’ gambli kbar ikkonfiskati The Malta Community Chest Fund Foundation 2023 €4,988

Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali – Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mit-3 sad-9 ta’ Frar 2025?

Response (REFALO, ANTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25492.

Fire drills

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il binja u f’liema binja ġewwa Għawdex u Malta li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, saru fire drills matul is-sena 2023 u 2024?

Response (REFALO, ANTON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fis-sentejn 2023 u 2024 saru fire drills fil-Head Office tal-Ministeru f'Malta, fl-Għammieri u fil-Biċċerija Pubblika bħala parti mill-isforzi li għaddejjin biex jiġu rispettati l-proċeduri tas-sigurtà kontra n-nirien. Aġenziji fi ħdan il-Ministeru, speċifikament il-Malta Food Agency u l-Aquatic Resources Malta wettqu l-valutazzjonijiet u l-arranġamenti meħtieġa biex jimplimentaw miżuri ta' sigurtà kontra n-nirien u jinsabu fil-proċess li jibdew jorganizzaw fire drills bħala parti mill-protokolli tas-saħħa u s-sigurtà tagħhom.

Proġett ta' micro chipping tal-qtates

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25152 dwar il-proġett ta' micro chipping fuq il-qtates ġewwa pajjiżna, fejn ġie mwieġeb li l-proġett inbeda u ġie konkluż, jista’ l-Ministru jgħid jekk dan il-proġett allura kienx biss biex tinħoloq sistema biex il-qtates ikunu jistgħu jiġu rreġistrati fuq is-sidien rispettivi tagħhom u jekk fl-affermattiv jgħid x'tinvolvi fiha?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fis-sena 2022 saret analiżi tas-sitwazzjoni rigwardanti il-bżonn ta’ tali miżura, u sar żvilupp fis-sistema għar-reġistrazzjoni tal-mikroċippa tal-qtates. Wara l-żvilupp tas-sistema sar l-ittestjar tal-Aċċettazzjoni tal-Utent, u l-iskema ġiet imnedija u saret il-promozzjoni tal-iskema u kampanja ta’ għarfien assoċjata mal-benefiċċji tal-identifikazzjoni elettronika tal-qtates immirata lejn is-sidien tal-qtates. Għaldaqstant, il-proġett ma kienx ristrett għall-iżvilupp tas-sistema informatika biss. Madankollu, l-emendi fis-sistema tal-informatika hija s-sinsla ta’ din l-inizjattiva għax permezz tagħha qattus mitluf jista’ faċilment jiġi identifikat u kkuntattjat is-sid rispettiv. Din is-sistema nvolviet titjib fin-National Livestock Database biex il-qtates jistgħu jkunu reġistrati mill-veterinarji u identifikati elettronikament permezz tan-numru tal-mikroċippa, hekk kif jiġri fil-każ tal-klieb. Fost il-benefiċċji li toffri din is-sistema hemm il-metodu rapidu ta’ identifikazzjoni tas-sid; il-metodu li jagħti prova irrefutabbli ta’ min hu is-sid; iktar serħan tal-moħħ lis-sidien fejn jikkonċerna telf ta’ qattus; għodda utli ta’ kontroll waqt investigazzjonijiet; kif ukoll mezz ta’ kif persuna jew santwarju tal-annimali tista’ tagħmel trasferiment minn sid għal sid b’ mod robust u trasparenti. Din il-miżura laħqet il-miri tagħha li saħħaħ it-traċċabilità tal-qtates u biex tissalvagwardja t-trattament xieraq tal-annimali.

Merħliet tal-bhejjem lokali — Servizzi veterinarji fl-irziezet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25148 dwar servizzi veterinarji fl-irziezet, jista’ l-Ministru jgħid x'ser jinvolvu fihom is-servizzi veterinarji offruti mis-servizz AgriKonsulta u kif ser ikunu qed jibbenefikaw minnhom eżattament dawn l-istess bdiewa?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-servizzi veterinarji offruti mis-servizz AgriKonsulta ser jinkludu fihom rakkomandazzjonijiet imfassla għall-esiġenzi ta’ kull razzett partikolari u tfassil ta’ pjan ta’ saħħa tar-razzett sabiex ir-raħħala jkunu jistgħu itejjbu l-immaniġġjar tar-razzett tagħhom, bil-għan li titjieb is-saħħa ġenerali tal-merħla.

Speċi nattivi — Programmi ta’ konservazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 25146 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika u ċjoè: Fid-dawl li fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista, miżura 324, kien ġie mwiegħed li ser jiġu varati programmi ta' konservazzjoni biex insostnu l-popolazzjoni ta' speċi nattivi fosthom il-fenek selvaġġ, jista' l-Ministru jgħid jekk dan il-proġett bediex u jekk fl-affermattiv, f'liema stadju wasal?

Response (REFALO, ANTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta sabiex tirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministreru kkonċernat.

Speċi nattivi — Programmi ta’ konservazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 25147 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika u ċjoè: Fid-dawl li fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista, miżura 324, kien ġie mwiegħed li ser jiġu varati programmi ta' konservazzjoni biex insostnu l-popolazzjoni ta' speċi nattivi fosthom il-proġett tal-introduzzjoni tal-barbaġann fiż-żona tal-Magħtab, jista' l-Ministru jgħid jekk dan il-proġett bediex u jekk fl-affermattiv, f'liema stadju wasal?

Response (REFALO, ANTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta sabiex tirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali — Ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21146 u jgħid kemm hemm ħaddiema tal-maintenance, xufiera, messaġġiera u ġardinara jaħdmu fid-dekasteru tiegħu? Jista’ jgħid ukoll kemm minnhom huma ħaddiema mal-Gvern u kemm huma mal-kuntrattur?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm 51 ħaddiema tal-maintenance; 2 xufiera; 3 messaġġiera u 12 ġardinara jaħdmu fid-dekasteru li tiegħu jiena responsabbli. Dawn il-ħaddiema huma kollha ħaddiema tal-gvern, ħlief għall-ħaddiem wieħed li huwa RSSL.

Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali – Credit/Debit cards

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-entitajiet li jaqgħu taħtu jagħmlux użu minn credit/debit card pubblika u min għandu l-faċilità li juża kull credit/debit card? Għal xiex tintuża kull credit/debit card u x’inhu l-limitu ta' nefqa kuljum għal kull credit/debit card? Jista’ jgħid ukoll x'kienet in-nefqa minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b'xahar u x'inxtara, item item, b'din il-credit/debit card?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.