Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza — transfers ta' ħaddiema
Question
Tista’ l-Ministru tagħti lista ta’ transfers li ngħataw lill-ħaddiema fid-dipartimenti u fl-entitajiet li jifformaw parti mill-ministeru li tmexxi, u dan għall-perjodu bejn is-6 ta' Ġunju u t-12 ta’ Ġunju?
Response (DALLI, HELENA)
Nitlob l-Onor. Interpellant jindika s-sena li għalija jixtieq l-informazzjoni konċernata.
Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza — nefqa fuq reklamar
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm kienet in-nefqa mill-Ministeru tagħha u minn kwalsiasi entità li taqa’ taħtha f’reklamar fuq kull mezz ta’ media (stampat, gazzetti, radju, TV, internet eċċ) fl-2017 xahar b’xahar sal-lum?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Tajjeb nirrimarka li l-ammonti konċernati jinkludu wkoll dawk l-ammonti li għadhom ma tħallsux.
Niġbed l-attenzjoni ta’ l-Onor. Interpellant li €324,882.97 ser jintefqu f’reklamar biex wieħed jippromovi l-Presidenza Maltija għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Xtaqt nirrimarka wkoll li madwar €50,244.91 ser jitħallsu mill-Fondi tal-Unjoni Ewropea.
Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza – nefqa fuq reklamar jew avviżi
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il Ministeru tagħha u l-entitajiet li jaqgħu taħtha nefqu fuq reklamar jew xi xorta ta’ avviżi oħra bi ħlas fuq il-media stampata, online, fuq ir-radju u awdjoviżiva minn April 2013 sal-lum? F’kull każ tista’ tgħid x’kien is-suġġett u x’kienet in-nefqa?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li n-nefqa fuq reklamar fil-perjodu konċernat hija kif indikata fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. In-nefqa indikata tinkludi wkoll l-ammonti li għad jridu jitħallsu. Madwar ħamsa u erbgħin fil-mija tan-nefqa se tkun ffinanzjata minn Fondi Ewropej.
Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza – publikazzjoni ta’ materjal stampat
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm ġie ppubblikat materjal stampat mill-Ministeru tagħha u mill-entitajiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha minn April 2013 sal-lum? F’kull każ, tista’ l-Ministru tgħid x’kien is-suġġett tal-pubblikazzjoni, jekk kellux messaġġ mill-Ministru jew ta’ xi politiku ieħor, kemm-il kopja ġew stampati u fejn tqassmu? F’kull każ, tista’ l-Ministru tgħid ukoll kemm swiet il-pubblikazzjoni u fejn ġiet stampata?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li fil-perjodu konċernat ġew ippublikati 68 pubblikazzjoni ta’ materjal stampat.
Ninforma lill-Onor. Interpellant, li minn dawn il-publikazzjonijiet, 11 minnhom kellhom il-messaġġ politku u ġew stampati minn 22 kumpaniji differenti minn madwar Malta u Għawdex.
In-nefqa ta’ dawn il-publikazzjonijiet hija ta’ madwar €307,827.34 li €111,243.14 minnhom ser ikunu ffinanzjati minn Fondi Ewropej.
Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza — impjegati
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm ġew impjegati persuni fl-entitajiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha mill-2013 sal-lum u f’liema pożizzjonijiet u b’liema pagi u perkaċċi ġew impjegati dawn il-persuni? Minn liema lokalitajiet ġew impjegati dawn il-persuni?
Response (DALLI, HELENA)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra informazzjoni li tikkonċerna l-ħaddiema li ġew impjegati għall-ewwel darba fis-Servizz Pubbliku.
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-pagi w l-allowances konċernati huma stabiliti skont il-kuntratti rispettivi w l-iskali fis-Servizz Pubbliku.
Ċittadini ta’ Malta impjegati mal-istituzzjonijiet Ewropej
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm ċittadini ta' Malta impjegati mal-Istituzzjonijiet, Korpi Konsultattivi u Aġenziji tal-Unjoni Ewropea, fejn huma hekk impjegati u kemm minnhom huma permanenti u kemm temporanji?
Response (DALLI, HELENA)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant. Din l-informazzjoni hija miġbura strettament skont ir-regoli li jirrigwardjaw il-Protezzjoni tad-Data, liema regoli jistipulaw li din l-informazzjoni qed tingħata biex ikun hemm aġġornament fl-ingaġġ ta’ċittadini Maltin mal-istituzzjonijiet Ewropew u ma tistax tintuza għal finijiet oħra.
Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza – reklamar fuq Facebook — nefqa
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm kienet in-nefqa mill-Ministeru tagħha, inkluż kull entità u Dipartiment fi ħdan l-istess Ministeru, f'reklamar fuq is-sit soċjali Facebook matul il-perjodu mill-1 ta' Mejju 2017 sat-3 ta' Ġunju 2017?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li n-nefqa tal-Ministeru f’riklamar fuq is-sit soċjali Facebook matul il-perjodu mill-1 ta’ Mejju 2017 sat-3 ta’ Ġunju 2017 kienet tammonta għal €6,991.00. Niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellant li din in-nefqa hija kollha marbuta mal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropeja 2017.
Nirrimarka li l-Facebook kien għodda integrali mill-kampanja ta’ reklamar biex inkunu nistgħu nippromwovu il-Presidenza Maltija. Ir-reklamar fuq Facebook sar biex jiżdiedu in-numru ta’ segwaċi w biex wieħed jippromwovi l-attivitajiet kulturali kif ukoll il-kisbiet tal-Presidenza Maltija.
Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza — ħaddiema li kellhom il-kuntratt tax-xogħol tagħhom mibdul
Question
Tista’ l-Ministru tagħti informazzjoni ta’ kemm ħaddiema li jaħdmu fid-dipartimenti u fl-entitajiet li jifformaw parti mill-Ministeru li tmexxi, kellhom il-kuntratt tax-xogħol tagħhom mibdul? Partikularment kemm-il ħaddiem kien fuq kuntratt definit li nbidel għal kuntratt indefinit u kemm-il ħaddiem kien impjegat fuq bażi part-time li nbidel għal wieħed full-time fil-perjodu bejn l-1 ta' Mejju u t-2 ta' Ġunju?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza — sponsorships
Question
Tista’ l-Ministru tagħti lista ta' sponsorships li ngħataw mid-dipartimenti u l-entitajiet li jifformaw parti mill-Ministeru li tmexxi u dan għall-perjodu mill-1 ta' Mejju sat-2 ta' Ġunju 2017?
Response (DALLI, HELENA)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jispeċifika għal liema sponsorshipsqiegħed jirreferi.
Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza — position of Trust
Question
Tista' l-Ministru telenka u tgħid liema huma l-positions of trust li hemm fi ħdan l-Uffiċċju tagħha u l-entitajiet u d-Dipartimenti kollha li jaqgħu taħtha?
Response (DALLI, HELENA)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-kuntratti kollha tax-xogħol tal-persons of trust u tal-positions of trust ġew fi tmiemhom hekk kif ġiet fi tmiemha l-leġiżlatura li għaddiet u bħalissa għaddej il-proċess biex jiġu stabbiliti kuntratti tax-xogħol ġodda.
Madanakollu, nixtieq niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellant li l-kuntratti relatati tal-impjegati li qed jaħdmu fuq il-Presidenza ġew estiżi sal-aħħar ta’ Lulju jew skont id-data tat-terminu tal-kuntratt kif applikabbli.
Fondi tal-Unjoni Ewropea – sejħiet biex jiġu megħjuna kumpaniji ta’ daqs żgħir u medju (SMEs)
Question
Tista’ l-Ministru tagħti rendikont tas-sejħiet li t-Taqsima tal-Fondi tal-Unjoni Ewropea għandha miftuħin bħalissa biex permezz ta’ Fondi Ewropej jiġu megħjuna kumpaniji ta’ daqs żgħir u medju (SMEs)?
Response (DALLI, HELENA)
Bħalissa hemm 4 sejħiet miftuħa li minnhom jistgħu jibbenefikaw kumpaniji ta’ daqs żgħir u medju permezz ta’ fondi Ewropej.
Dawn is-sejħiet jikkonċernaw l-oqsma tal-
· Innovazzjoni;
·
Internationalisation
;
· Konsulenza;
·
E-Commerce.
Dawn l-iskemi huma amministrati permezz ta’ sistema ta’ open rolling calls u ġew imnedija fl-2016. Hu ppjanat li dawn is-sejħiet jibqgħu miftuħin sal-aħħar tal-2020.
Fondi tal-Unjoni Ewropea – sejħiet biex jiġu megħjuna kumpaniji ta’ daqs żgħir u medju (SMEs)
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx il-ħsieb li fil-ġejjieni qrib isiru aktar sejħiet biex permezz ta’ Fondi Ewropej jiġu megħjuna kumpaniji ta’ daqs żgħir u medju (SMEs)? Tista’ l-Ministru tikkonferma wkoll li dawn il-kumpaniji li ħafna minnhom huma żgħar, qed jingħataw l-għajnuna kollha meħtieġa biex jiġu ggwidati dwar kif għandhom japplikaw għad-diversi skemi ta’ għajnuna għall-Fondi Ewropej?
Response (DALLI, HELENA)
Infurmata li hemm il-pjan biex fil-ġimgħat li ġejjin tkun imnedija it-Tieni Sejħa kompetittiva għall-applikazzjonijiet taħt l-iskemi SME Growth Grant Scheme u l-iStart-up Investment Grant Scheme, li huma żewġ Skemi ta’ assistenza fi ħdan l-inizjattiva Business Enhance ERDF Grant Schemes. Din l-iskema hija ko-finanzjata mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali taħt il-Programm Operattiv I Politika ta’ Koeżjoni 2014 – 2020 ‘It-trawwim ta’ ekonomija kompetittiva u sostenibbli li tilqa’ l-isfidi tagħna’.
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Measures and Support Division, fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza tipprovdi għajnuna u gwida lill-intrapriżi permezz ta’ helpdesk, laqgħat mal-intrapriżi interessati fuq bażi one-to-one kif ukoll permezz ta’ numru ta’ sessjonijiet ta’ informazzjoni li jiġu organizzati minn żmien għal żmien.
Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza — direct orders
Question
Tista’ l-Ministru tagħti lista ta’ direct orders li ngħataw mid-dipartimenti u l-entitajiet li jifformaw parti mill-Ministeru li tmexxi u dan għall-perjodu mill-1 ta' Mejju 2017 sat-2 ta' Ġunju 2017?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza — ħaddiema li ħadu promozzjoni
Question
Tista’ l-Ministru tagħti lista ta’ ħaddiema fid-dipartimenti u l-entitajiet li jifformaw parti mill-ministeru li tmexxi, li ħadu promozzjoni fil-perjodu mill-1 ta' Mejju 2017 sat-2 ta' Ġunju 2017? Tista’ tagħti wkoll l-istess informazzjoni għall-perjodu 7 ta' Jannar 2013 sa 8 ta' Mejju 2013?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza — ħaddiema
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien in-numru ta’ ħaddiema, sija part-time u sija full-time, f’kull entità li għaliha hija responsabbli, fl-1 ta’ Diċembru 2016, fl-1 ta’ Mejju 2017 u fit-3 ta’ Ġunju 2017?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza — Segretarjat Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali - ħaddiema
Question
Tista’ l-Ministru, permezz tas-Segretarjat Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali, tgħid kemm kien in-numru ta’ ħaddiema, sija part-time u sija full-time, f’kull entità li għaliha huwa responsabbli, fl-1 ta’ Diċembru 2016, fl-1 ta’ Mejju 2017 u fit-3 ta’ Ġunju 2017?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza — impjegati ġodda
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm daħlu impjegati ġodda jaħdmu fid-dipartimenti u l-entitajiet li jifformaw parti mill-ministeru li tmexxi u dan għall-perjodu mill-1 ta' Mejju 2017 sat-2 ta' Ġunju 2017? Tista’ tagħti wkoll l-istess informazzjoni għall-perjodu 7 ta' Jannar 2013 sa 8 ta' Mejju 2013?
Response (DALLI, HELENA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.