Legislature:
Category:
Reset
Active:

United Nations Economic and Social Council — ħidma minn pajjiżna

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra x’ħidma saret minn pajjiżna tul dawn l-aħħar 16-il xahar fi ħdan il-United Nations Economic and Social Council (ECOSOC) fil-vesti tagħha ta’ membru tal-istess kunsill?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li Malta bdiet isservi bħala Membru tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali fis-sena 2019 u qiegħda tkompli sservi dan l-irwol sal-aħħar tal-2020. Malta qiegħda tkompli tipparteċipa b’mod attiv fid-diskussjonijiet biex navvanzaw it-tliet dimensjonijiet tal-Iżvilupp Sostenibbli – dawk ekonomiċi, soċjali u ambjentali. F’koordinazzjoni mal-Unjoni Ewropea u mal-Grupp tal-Ewropa tal-Punent u oħrajn, Malta tkompli tmexxi ‘l quddiem l-isforzi biex jinkisbu għanijiet miftiehma internazzjonalment dwar l-iżvilupp. Fi ħdan il-Kunsill, Malta ipparteċipat f’bosta laqgħat – l-aktar waħda importanti hija l-High-Level Political Forum for Sustainable Development fejn il-Ministri tal-Affarijiet Barranin jiltaqgħu kull sena, f’Lulju fi New York, u jiddiskutu kwistjonijiet relatati mal-Għanjiet tal-Iżvilupp Sostenibbli u l-Aġenda 2030. Din il-laqgħa ministerjali hija ukoll opportunita’ biex il-pajjiżi jippreżentaw kif qegħdin jilħqu l-għanijiet tagħhom permezz tar-reviżjonijiet volontarji nazzjonali. Malta, b’rappreżentazzjoni ministerjali, ipparteċipat fil-laqgħat tal-2018 u 2019. Bħala membri tal-Kunsill, il-ħidma mill-Rappreżentanza Permanenti ta’ Malta għan-Nazzjonijiet Uniti ġewwa New York tkompli bla waqfien matul is-sena - permezz ta’ attendenza - fuq livell ta’ esperti - ta’ bosta laqgħat relatati mal-Kummissjonijiet Funzjonali u Korpi Esperti tal-ECOSOC: 1. Kummissjoni tal-Istatistika 2. Kummissjoni dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp 3. Kummissjoni għall-Iżvilupp Soċjali 4. Kummissjoni dwar l-Istatus tan-Nisa 5. Kummissjoni dwar Drogi Narkotiċi 6. Kummissjoni għall-Prevenzjoni tal-Kriminalità u l-Ġustizzja Kriminali 7. Kummissjoni dwar ix-Xjenza u t-Teknoloġija għall-Iżvilupp 8. Forum tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Foresti 9. Kumitat għall-Politika tal-Iżvilupp 10. Kumitat ta’ Esperti dwar l-Amministrazzjoni Pubblika 11. Kumitat ta’ Esperti dwar Kooperazzjoni Internazzjonali f’Kwistjonijiet tat-Taxxa 12. Kumitat għad-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali 13. Forum Permanenti dwar Kwistjonijiet Indiġeni Fi ħdan il-Kunsill, ir-Rappreżentanza Maltija tipparteċipa f’diskussjonijiet u f’negozjati ta’ risoluzzjonijiet relatati ma’ diversi kwistjonijiet, fosthom fuq l-Aġenda tal-Assemblea Ġenerali u l-ECOSOC, ir-Reviżjoni Quadriennali tal-Politika Komprensiva tal-Iżvilupp, il-Finanzjament għall-Iżvilupp, il-Laqgħa Umanitarja tal-ECOSOC, il-Laqgħa tal-Immaniġġjar tal-ECOSOC u l-Laqgħa tal-Kooperazzjoni fuq l-Iżvilupp tal-ECOSOC.

Malta-Tunisia Joint Commission — laqgħat

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm-il laqgħa saret fil-Malta-Tunisia Joint Commission f’dawn l-aħħar seba’ snin u jistax jindika jekk hemmx laqgħa ffissata?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Gejt infurmat li f’dawn l-aħħar seba’snin saret laqgħa waħda tal- Malta-Tunisia Joint Commision. Il-ħdax is-sessjoni tal- Joint Commission seħħet f’Malta mill-4 sal-5 ta’ Frar 2019. Wieħed ta’ min jinnota li is-sessjoni ta’ qabel tal- Joint Commission kienet saret f’Tunis mit-3 sal-5 ta’ Settembru 2012. Il- Joint Commission kienet immexxjia mill-Onor. Carmelo Abela, l-ex Ministru tal-Affarijiet Barranini u l-Promozzjoni tal-Kummerċ, u mill-E.T. Khemaies Jhinaoui, l-ex Ministru tal-Affarijiet Barranin tat-Tuneżija. Waqt din is-sessjoni tal-Joint Commission, ġew diskussi diversi oqsma fosthom: (i) l-ekomomija u l-kummerċ; (ii) il-kultura; (iii) it-turiżmu; (iv) ġemellaġġi bejn l-ibliet (v) it- trasport; (vi) it-taħrig vokazzjonali u impjieg; (vii) l-edukazzjoni, riċerka u innovazzjoni; (viii) is-saħħa; (ix) l-agrikoltura u s-sajd; kif ukoll rigward (x) il-ġlieda kontra l-vjolenza abbażi ta’ gender, it-tfulija u l-anzjani. Din is-sessjoni saret fil-marġini taż-Żjara Statali tal-ex President Tuneżin, l-E.T. Beji Caid Essebsi, li ġie Malta mill-5 sas-6 ta’ Frar 2019. Fil-marġini tal- Joint Commission seħħet laqgħa ukoll bejn l-Onor. Carmelo Abela u l-E.T. Khemaies Jhinaoui fejn iż-żewġ naħat tennew l-importanza tat-tisħiħ tar-relazzjonijiet bilaterali kif ukoll dawk reġjonali sabiex jinkiseb il-paċi u l-istabbilità fil-Mediterran. Wara din il-laqgħa, l-Onor. Carmelo Abela u l-E.T. Khemaies Jhinaoui iffirmaw il-Minuti Maqbula tal-11 il sessjoni tal-Joint Commission, kif ukoll Ftehim dwar l-Impjiegi Temporanji, Memorandum ta' Qbil dwar Rispons għall-Iżvilupp tat-Tfulija Bikrija, Protokoll ta' Kooperazzjoni fil-Qasam ta 'l-Anzjani, u Programm ta' Kooperazzjoni Kulturali għas-snin 2019 - 2021. Id-data tat-tnax is-sessjoni tal- Malta-Tunisia Joint Commission għad trid tiġi iffissata.

Persuni li jaħdmu mal-istituzzjonijiet u aġenziji tal-Unjoni Ewropea

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni jaħdmu mal-istituzzjonijiet u aġenziji tal-Unjoni Ewropea sal-aħħar ta’ April 2020?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-total ta’ Maltin attivi li jaħdmu ġewwa l-Istituzzjonijiet u l-Aġenziji tal-UE jammontaw għall-478.

EASO – inizjattivi u programmi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inizjattivi u programmi għaddejjin preżentement ma’ pajjiżna fi ħdan l-EASO? Jista’ jindika jekk kemm-il darba hemmx il-possibilità li ssir talba għall-iktar assistenza minħabba l-pożizzjoni preżenti?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nistieden lill-Onor. Interpellant sabiex jindirizza lill-Ministeru konċernat u ċjoè l-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi.

Ftuħ ta’ High Commission fil-Kanada

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li tul din is-sena hiex ser tinfetaħ High Commission ta’ pajjiżna fil-Kanada in vista tad-diversi Maltin li hemm jgħixu hemm u li diġà ġie identifikat post fejn din ser tiġi stabbilita?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li għalissa ma hemmx ħsieb li tinfetaħ Kummissjoni Għolja ġewwa l-Kanada.

High Commision ġewwa l-Ghana – Infiq u Dħul

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 13829, jista’ l-Ministru jgħid għala l-proġett qed jinżamm on hold? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-infiq u d-dħul li kien hemm tul is-sena li għaddiet mill-imsemmija High Commission?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru informa lill-Ambaxxati u l-Kummissjonijiet Għolja Maltin fejn jiġi organizzat il-Program Consul-on-the-Move kull sena biex il-projezzjonijiet ta’ żjarat għal din is-sena jkun sospiżi minħabba l-pandemija COVID-19. Dettalji dwar meta l-Ambaxxati u l-Kummissjonijiet Għolja Maltin ikunu jistgħu jerġgħu jibdew jippjanaw għal skeda ġdid ta’ żjarat tiġi kkomunikata lilhom fi żmien opportun. Sandanittant il-Ministeru jixtieq jinforma li għal din is-sena ma sarux talbiet għal iktar fondi biex isostnu dan il-Program permess li sa issa ma tinħassx il-ħtieġa għal dan.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm persuni li kienu impjegati fis-Segretarjat tal-Ministru/Segretarju Parlamentari u li wara l-25 ta’ Jannar 2020 u sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza, telqu/irriżenjaw minn dan l-impjieg? Jekk iva, kemm?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn wara d-data msemmija fil-mistoqsija kellna uffiċjal wieħed li rreżenja mis-Segretarjat tal-Ministru.

Fondi Ewropej f’Għawdex – nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa kollha ta' Fondi Ewropej f'Għawdex mis-sena 2013 sal-lum? Jista' jgħid kemm flus tħallsu s'issa minn din in-nefqa? Jista' jagħti dan it-tagħrif skont in-natura tal-investiment, pereżempju investiment produttiv, infrastruttura u soċjal u jgħid x'inhuma l-proġetti f'kull każ u jagħti n-numru ta' referenza ta' kull proġett? Jista' jagħti dan l-investiment bħala persentaġġ tan-nefqa kollha f'Malta ta' Fondi Ewropej għall-istess oqsma ta' investiment?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li risposta tingħata f’seduta oħra.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej — persuni impjegati fuq bażi ta’ person of trust jew position of trus

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 14318 u jagħti lista tal-karigi/pożizzjonijiet kollha li fid-data tal-lum fihom hemm impjegati persuni fuq bażi ta’ person of trust jew position of trust, u għal kull kariga/pożizzjoni jgħid: a. Kemm-il persuna hemm impjegata fuq din il-bażi, fil-kariga/pożizzjoni rispettiva? b. X’inhu t-total tal-ispiża tal-pagi, fuq bażi annwali, fil-karigi/pożizzjonijiet rispettivi?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-lista ta’ karigi/pożizzjonijiet ingaġġati fuq bażi ta’ person of trust jew position of trust fis-Segretarjat tal-Ministeru u tas-Segretarjat Parlamentari hija skont il-manwal li kopja tiegħu diġà tpoġġiet fuq il-mejda tal-Kamra. L-istess fil-każ ta’ ingaġġ ta’ konsulenza. Mill-bqija, karigi oħrajn fil-Ministeru tiegħi huma dawk ta’ Expert, sitt Policy Consultants u Coordinator (International Human Rights Law), bi spiża ta’ € 233,738 fis-sena.

Asylum, Migration and Integration Fund

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-ammont ta’ Fondi Ewropej li Malta kellha għad-dispożizzjoni tagħha mill-Asylum, Migration and Integration Fund (AMIF) fl-1 ta’ April 2020?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-fondi Ewropej għal Malta fil-program Asylum, Migration and Integration Fund 2014-2020 huma ta’ € 20.87 million. Dan l-ammont li jkopri is-snin 2014-2020, kien kollu committed fl’1 ta’ April 2020.

Ambaxxatur Malti għall-Finlandja — kitba

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ħa wara kitba pubblika li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament tal-Ambaxxatur Malti għall-Finlandja, sakemm mhux jaqbel magħha? Il-Ministru jippermetti jew jittolera li Ambaxxaturi ta’ Malta jiktbu tali kitba?

Response (BARTOLO, EVARIST)

L-ambaxxatur li qed jirriferei ghalih l-Onor. Interpellant tnehha mill kariga ta Ambaxxatur. Hekk kif jirrekjedu l-proċeduri, l-Gvern tal-Finlandja u dak tal-Estonja ġew mgħarrfa li l-Ambaxxatur kien qed jiġi ritrat mill-ħatra’. Id-domandi l-ohra huma spekulattivi u infondati.

Consul on The Move — servizzi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’servizzi qed jingħataw taħt l-iskema Consul on The Move kif ukoll f’liema pajjiżi u jekk kemm-il darba sarux talbiet għall-iktar fondi sabiex dan jibqa’ jiġi sostnut tul din is-sena?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru informa lill-Ambaxxati u l-Kummissjonijiet Għolja Maltin fejn jiġi organizzat il-Program Consul-on-the-Move kull sena biex il-projezzjonijiet ta’ żjarat għal din is-sena jkun sospiżi minħabba l-pandemija COVID-19. Dettalji dwar meta l-Ambaxxati u l-Kummissjonijiet Għolja Maltin ikunu jistgħu jerġgħu jibdew jippjanaw għal skeda ġdid ta’ żjarat tiġi kkomunikata lilhom fi żmien opportun. Sandanittant il-Ministeru jixtieq jinforma li għal din is-sena ma sarux talbiet għal iktar fondi biex isostnu dan il-Program permess li sa issa ma tinħassx il-ħtieġa għal dan.

Persuni reġistrati volontarjament bħala residenti barra

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13775, jista’ l-Ministru jgħid jekk humiex se jittieħdu xi passi sabiex iktar persuni li huma residenti barra jiġu infurmati li jistgħu jirreġistraw taħt in-Notifika D?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-waqt li r-reġistrazzjoni taħt in-Notifka D intiża għal dawk il-Maltin li jgħixu barra minn Malta hija fuq bażi volontarja, il-Ministeru qed jaħseb dwar modi kif din in-Notifika tista’ tkun iżjed magħrufa permezz ta’ iżjed pubbliċita’ u metodi aktar moderni kif wieħed ikun jista’ jaċċessaha biex jimliha u jibgħatha minnufih. Dan u aktar impenn minn naħa tal-Ambaxxati Maltin biex jippromwovu din ir-reġistrazzjoni voluntarja għandu jgħin biex in-numri ta’ dawk li jitħajjru jimlew u jibgħatu din in-notifika jiżdied.

Ambaxxati – mod ta’ kif jitmexxew

Question

B’referenza għall-aħbar li ġiet imxandra f’Novembru 2017 li hemm “Ħsieb biex ambaxxati jiġu mmexxijien aħjar”, jista’ l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu u x’kienu r-riżultati? Jista’ jindika x’miżuri medium u long term ġew identifikati?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li minn Novembru 2017, ġew segwiti numru ta' miżuri sabiex jitjieb l-operat tal-Ambaxxati ta' Malta sabiex jirrappreżentaw u jmexxu aħjar l-interessi tagħna kif ukoll biex iservu aħjar liċ-ċittadini Maltin li jgħixu jew jinsabu barra l-pajjiż. Qed inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra dawn il-miżuri.

Maltin li jinsabu f’ħabsijiet barra mill-pajjiż

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm Maltin li preżentement jinsabu f’ħabsijiet barra minn pajjiżna? Jista’ jindika kemm ġew rilaxxati tul is-sena li għaddiet?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li bħalissa hemm ħdax (11)-il persuna ta’ nazzjonalità Maltija li qegħdin f’ħabsijiet barra minn Malta. Dawn qegħdin fil-pajjiżi kif imsemmi hawn taħt: L-Awstralja (8), l-Italja (1), il-Polonja (1), u Spanja (1). Matul is-sena li għaddiet inħelsu żewġ (2) persuni: wieħed (1) mill- Emirati Għarab Magħquda u ieħor (1) mir-Renju Unit. Nixtieq niġbed l-attenzjoni ta’ l-Onorevoli Interpellant li din iċ- ċifra tikkorrispondi biss ma’ dawk il-persuni li talbu għall-assistenza tal-Missjonijiet tagħna barra minn Malta.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej – impjieg ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lil din il-Kamra jekk il-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament għandhiex xi impjieg jew konsulenza jew kuntratt ta’ xi forma mal-Ministeru tiegħu?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna li d-dettaliji tagħha ingħataw separatament m’għandha l-ebda tip ta impjieg, konsulenza jew kuntratt mal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej– ħlas lill-persuna

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lil din il-Kamra dwar kull ħlas li qatt sar mill-budget tal-Ministeru tiegħu lill-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament mill-2013 sal-lum? Jekk jogħġbu jista’ jagħti totali għal kull sena bir-raġuni għal-ħlas?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi mill-2013 s’issa qatt ma saru pagamenti mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej lill-persuna dettaliji tagħha ingħataw separartamnet.

Organizzazzjonijiet mhux governattivi — applikazzjoni għall-Fondi tal-Unjoni Ewropea

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 12205, jista’ l-Ministru jgħid jekk waħda mill-ħames organizzazzjonijiet mhux governattivi reġistrati ai termini tal-artikolu 10 tal-Kapitolu 515 tal-Liġijiet ta’ Malta humiex eleġibbli sabiex japplikaw għall-fondi tal-Unjoni Ewropea? Jekk iva, liema u jekk le x’diffikultajiet hemm?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat illi l-organizzazzjonijiet li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant, ma jikkwalifikawx ai termini tal-artikolu 70(1) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006.

Kunsill għall-Maltin li jgħixu Barra minn Malta – mużew/ċentru ta’ informazzjoni fuq l-istorja tal-immigrazzjoni ta’ Maltin u Għawdxin lejn pajjiżi oħra

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-proposta li tresqet fi ħdan il-Kunsill għall-Maltin li jgħixu barra minn Malta li jkun hemm mużew jew ċentru ta’ informazzjoni flimkien mal-Università ta’ Malta sabiex l-istorja tal-immigrazzjoni ta’ Maltin u Għawdxin lejn pajjiżi oħra, tiġi miġbura u ppreservata?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li l-inizjattiva msemmija kienet preżentata fl-ewwel laqgħa tal-Kunsill tal-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta fl-2011 u li kienet issemmiet fil-Konvenzjonijiet tal-Maltin li Jgħixu barra minn Malta ta’ bejn 1969 u l-2000. Madankollu minħabba nuqqaas ta’ finanzi baqa’ qatt ma sar xejn. Sadanittant tajjeb wieħed ifakkar li l-Kummissjoni Emigranti kienet waqqfet il-Mużew tal-Emigrazzjoni f’Dar l-Emigrant li t-tieni fażi tiegħu tnediet fl-2012. F’dan is-sens il-gvern iqis li Mużew ieħor ddedikat għall-Emigranti Maltin ikun qed jidduplika x-xogħol tajjeb li diġa’ sar mill-Kummissjoni Emigranti, u minflok qed jaħseb biex isaħħaħ l-infrastruttura diġitali tiegħu biex fuq medda ta’ żmien il-Maltin li jgħixu barra minn Malta jkollhom sit elettroniku ddedikat għalihom.

Kunsill għall-Maltin li jgħixu Barra minn Malta – informazzjoni dwar il-ħidma

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-assoċjazzjonijiet tal-Maltin li jgħixu barra minn Malta humiex isibu diffikultà sabiex jinformaw il-membri tagħhom dwar ħidmet il-Kunsill għall-Maltin li jgħixu Barra minn Malta u jistgħux jingħataw għajnuna finanzjarja u loġistika sabiex iwettqu dan?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li waħda mill-funzjonijiet tal-Kunsill tal-Maltin li Jgħixu barra minn Malta hi li jżomm lill-assoċjazzjonijiet tal-Maltin infurmati bl-inizjattivi li jkunu qed isiru, kif ukoll jgħaddilhom informazzjoni oħra utli li fil-fehma tal-Kunsill tinteressahom mill-qrib. Mill-informazzjoni li għandu l-Ministeru, l-assoċjazzjonijiet Maltin attivi barra minn Malta m’għandhomx diffikultajiet biex din l-informazzjoni jgħadduha lill-membri rispettivi tagħhom u jqis il-kuntatt tal-membri tal-Kunsill ma’ dawn l-assoċjazzjonijiet bħala fundamentali biex jinżamm kuntatt ħaj bejn iż-żewġ naħat. Dwar għajnuna finanzjarja u loġistika lill-assoċjazzjonijiet imsemmija, f’dan l-istadju l-Ministru ma jħossx li għandu jikkonsidraha, anki għaliex fil-ħidma pjanata tal-Kunsill, hemm diġa’ maħsubin miżuri bie jindirizzaw xi lakuni li jista’ jkun hemm bl-użu aktar effiċjenti tal-informatika.