B’referenza għas-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali tal-Ġimgħa, 27 ta’ Marzu 2020 (Nru 17: Rikors nru 69/17 LSO) fejn l-Istat instab ħati li naqas milli jipproteġi vittma ta’ vjolenza domestika (u lil uliedha) u fejn ħareġ ċar li fis-sistema hemm nuqqasijiet lampanti fil-proċeduri tal-pulizija fejn tidħol il-vjolenza domestika u fejn il-Qorti Kostituzzjonali qablet mas-sentenza tal-ewwel Qorti għaliex il-provi wrew li l-vittma “sofriet trawmi psikoloġiċi ta’ ċertu severità, mhux biss minħabba l-aġir ta’ żewġha, imma wkoll minħabba l-fatt li żewġha baqa’ jaġixxi b’impunità minkejja l-ordnijiet maħruġa kontrih”, u li n-nuqqasijiet tal-pulizija “... kumulattivament jammontaw għall-ksur tal-obbligazzjonijiet pożittivi tal-Istat li jassigura r-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tar-rikorrenti”, jista’ l-Ministru jgħid, x’passi se jkun qed jieħu l-Gvern sabiex konkretament jipproteġi (kif għandu l-obbligu li jagħmel) vittmi ta’ Vjolenza Domestika? X’emendi leġiżlattivi se jkun qed jieħu l-Gvern biex jassigura li nuqqasijiet bħal dawn min-naha tal-Istat jieqfu immedjatament?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Filwaqt li ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Gvern ser jibqa ji¿gura s-sigurta tal-vittmi billi jkompli jsegwi l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni u l-mi¿uri fl-Att tal- Vjolenza ibbażata fuq il-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika, ninfurmah li l-istat kontinwament jevalwa l-qafas legali sabiex jekk ikun hekk meħtieg jiġu proposti l-emendi neċessarji.
Inkompli biex nfakkar ukoll lill-Onorevoli Interpellanta bir-risposta għal Mistoqsija Parlamentari 13021 fejn jien kont stħaqt dwar kemm dan il-Gvern qed jitratta l-vjolenza domestika u l-vjolenza abbazi tal-ġeneru bħala materja urġenti u ta’ importanza kbira. F’dik ir-risposta jien kont elenkajt numru ta’ inizjattivi li saru matul l-2019 f’dan ir-rigward. Nixtieq inżid illi matul dawn l-aħħar erbgħa (4) xhur il-ħidma kompliet billi fost oħrajn sar tisħiħ fejn jidħol il-koordinament bejn is-servizzi nazzjonali, fosthom dawk li jingħataw mill-Aġenzija Appoġġ u l-Pulizija. Il-pandemija tal-COVID19 ma servietx ta’ deterrent għax xogħol tagħna f’dan ir-rigward u fil-fatt saru laqgħat online ma’ rapre¿entanti tal-NGO’s kif ukoll mal-entitatijiet tal-Gvern sabiex niżguraw li s-servizzi u l-ħidma tibqa għaddejja u l-għajnuna tingħata f’waqtha. Riċentiment ġie mniedi s-servizz għall-vittmi tal-vjolenza domestika mill-Aġenzija għall-Għajnuna Legali sabiex jingħata servizz lil dawk il-vittmi li għandhom bżonn għajnuna legali dwar vjolenza domestika. Dawn huma uħud mill-inizzjattivi li twettqu dawn l-aħħar fuq dan is-suġġett.
Għandu jingħad illi fil-każ tas-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali msemmija fl-interpellanza għal dak li jirrigwarda l-qafas legali, ġie rikonoxxut li l-Istat għandu qafas legali sabiex jikkumbatti l-vjolenza domestika. In nkwantu ghall-aħħar parti tal-interpellanza li tikkonċerna lill-Pulizija nifhem illi l-Onorevoli Membru ntavolat interpellanza separata dwar dan is-suġġett lill-Ministru responsabbli mill-Pulizija f’Mistoqsija Parlamentari 13749.
COVID-19 – għajnuna lil vittmi ta’ vjolenza domestika
Question
Għalkemm ir-residenti kollha ta’ Malta u Għawdex għandhom id-dmir li josservaw id-direttivi maħruġa mill-Gvern u mill-awtoritajiet rilevanti fl-interess tas-saħħa pubblika speċjalment dawk maħruġa biex jevitaw it-trasmissjoni tal-virus COVID-19, però għal ħafna nies li huma vittmi tal-vjolenza domestika, li l-maġġorparti tagħhom huma nisa u tfal, miżuri ta’ kwarantina jew iżolament qed ipoġġuhom f’riskju akbar mis-soltu tant illi dawn qed jispiċċaw priġunieri f’darhom stess, għaldaqstant jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern Malti hux qiegħed jikkunsidra li s-servizzi nazzjonali u dawk tal-Għaqdiet mhux Governattivi li joffru assistenza lil nies f’din is-sitwazzjoni, jqishom bħala ‘servizzi essenzjali’ sabiex dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jsibu l-għajnuna meħtieġa? Xi pjanijiet għandu l-Gvern biex jipprovdi residenzi alternattivi fil-każ li ċerti individwi ma jkomplux jgħixu fir-residenzi legali tagħhom f’dan il-perjodu għar-raġunijiet imsemmija?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi il-mistoqsija tiegħu lil Ministru kkonċernat.
Ministeru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza – konsulenzi/kuntratti minn kumpanija
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament ingħatatx konsulenzi u/jew kuntratti mill-Ministeru u mill-entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħtu mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid dwar xiex kienu dawn il-konsulenzi u/jew kuntratti? Jista’ jgħid jekk kienx hemm proċess kompetittiv biex ingħataw l-imsemmija konsulenzi u/jew kuntratti u jagħti dettalji tal-ħlasijiet li saru lill-imsemmija kumpanija?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninsab infurmat li skond informazzjoni miġbura sal-aħħar t’April id-dipartimenti u l-entitajiet fi ħdan il-Ministeru li jien politikament responsabli għalih, m’għamlux użu mis-servizz tal-kumpanija msemmija.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk bħalissa hemm Avukat Kap tal-Aġenzija għall-Għajnuna Legali? Jekk hija battala, kemm ilha hekk battala?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma l-Onor. Interpellant illi ħarget sejħa pubblika sabiex jinħatar Kap Ġdid għal din il-unit tant importanti. Il-unit baqgħet għaddejja biex xogħol tagħha tant li fl-aħħar jiem issaħħet b’servizz ieħor sabiex jgħin aktar fil-pront u b’mod effettiv lil vittmi tal-Vjolenza Domestika. Il-Gvern komess illi jibqa jsaħħaħ dan il-unit li jgħin lil aktar nies vulnerabbli u bla mezzi sabiex dawn ikollhom l-istess drittijiet ta’ rapreżentanza legali u aċċess tal-qrati daqs kwalunke ċittadin ieħor.
Nuqqas ta’ nisa tas-sigurtà fl-Ajruport ta’ Malta (Gate 4)
Question
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 13026, jista’ l-Ministru jgħid jekk fil-fatt hux ser tiżdied il-preżenza ta’ aktar nisa tas-sigurtà (pulizija u/ jew suldati) biex jaħdmu fl-Ajruport ta’ Malta (Gate 4)?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninsab infurmat li wara l-investigazzjoni ex-officio dwar il-preżenza ta’ nisa tas-sigurtà fl-Ajruport ta’ Malta (Gate 4), il-Kummissarju tal-Ugwaljanza bagħtet ir-rakkommandazzjonijiet tagħha lill-Forzi Armati ta’ Malta (FAM). Għaldaqstant huma l-FAM li jistgħu jagħtu l-informazzjoni meħtieġa għal din il-mistoqsija parlamentari.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il persuna weħlet il-ħabs mill-2017 'l hawn għax ma tħallasx il-VAT dovut?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onor. Interpelant li mill-informazzjoni mogħtija lili, l-Aġenżija tal-Qorti ma zzomx tagħrif dwar dan u l-ġbir ta’ tali tagħrif jinvolvi pis konsiderevoli fuq l-amministrazzjoni, madankollu f’kaz li l-Interpellant ikun aktar speċifiku fid-domanda tiegħu nagħmel ħilti sabiex tali informazzjoni tingħata lill-istess Onor. Interpellant.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern jaqbilx li jinħatar, wara l-emendi legali neċessarji, Maġistrat Inkwirenti li jkun nominat mill-Kap tal-Istat direttament u li l-mansjoni tiegħu tkun unikament biss biex jinvestiga u jwettaq l-‘in genere’ f’każijiet ta’ denunzji jew informazzjoni ta’ delitti relatati mal-abbuż tal-awtorità pubblika, inkluż id-delitt ta’ korruzzjoni, u li jkun awtonomu f’ħidmietu b’mod assolut, anke bi staff addetti miegħu li jagħżel hu, u li ma jkollu ebda dipendenza fuq il-Korp tal-Pulizija fil-kors tal-Inkjesta?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Kif jaf tajjeb l-Onor. Membru s-sistema Maltija tal-‘in genere’ kienet ġiet kritikata mill-Kummissjoni ta’ Venezja fl-opinjoni tagħha tas- 17 ta’ Diċembru 2018. F’ dik l-opinjoni kien ġie rakkomandat illi l-funzjoni preżentement imwettqa mill-‘in genere’ tibda titwettaq mill-Pulizija u mill-awtorita tal-prosekuzzjoni (u ċioe fis-sistema tagħna llum mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali). Il-Gvern m’ huwiex daqstant xettiku fuq il-valur tal-Inkjesti Maġisterjali pero jirrikonoxxi li din is-sistema għandha l-problemi tagħha li jridu jiġu ndirizzati. Jista’ jkun ukoll li dak suġġerit mill-Kummissjoni ta’ Venezja ikun fattibbli iżda loġistikament dan ma jistax isir fl-immedjat meta l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali huwa mpenjat biex jestendi l-funzjonijiet tiegħu għall-prosekuzzjoni quddiem il-Qrati tal-Maġistrati ukoll. Peress illi bħalissa hemm korrispondenza mal-Kummissjoni ta’ Venezja dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tagħha il-Gvern ma jħossx illi dan iż-zmien huwa wieħed opportun biex tinbeda diskussjoni parallela dwar suġġerimenti oħra. Madankollu l-Gvern qiegħed jieħu nota tas-suġġeriment tal-Onorevoli Membru li jista jiġi kunsidrat fl-istadju opportun.
Jista’ l-Ministru jindika kemm kien l-ammont ta’ flus li ntefqu fuq il-vjolenza domestika f’dawn l-aħħar tliet snin?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma l-Onor. Interpellant li ‘l fuq minn €600,000 intużaw mill-Kummissjoni għall-Vjolenza Domestika u l-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru.
Ta’ min infakkar illi fl-aħħar snin, il-Gvern kompla jsaħħaħ din il-Kummissjoni fil-ġlieda tiegħu kontra l-pjaga soċjali tal-vjolenza domestika. Infatti, il-budget allokat matul din is-sena żdied b’aktar minn 70% fuq is-sena ta’ qabel, filwaqt illi għall-ewwel darba ħtarna Kummissarju fuq bażi full time.
Qed jinżamm djalogu ma’ Għaqdiet Volontarji u Stakeholders oħra fis-settur biex il-Gvern dejjem jibqa’ qrib ta’ dak kollu li qed jiġri f’dan is-settur. Saru wkoll numru ta’ proġetti, kif ukoll l-attivitajiet annwali tas-16-il ta’ attiviżmu kontra l-vjolenza domestika u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru.
Fiċ-ċirkostanzi preżenti tal-COVID-19, il-Gvern kompla jsaħħaħ l-assistenza legali bla ħlas lill-vittmi tal-vjolenza domestika. Dan joħroġ mill-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul, li dan il-Gvern ħadem bla heda għaliha b’konvinzjoni u li addotta fl-2017.
In vista tal-aħbar sabiħa li vittmi ta’ vjolenza domestika se jkunu jistgħu jibbenefikaw minn għajnuna legali, jista’ l-Ministru jispjega jekk saritx konsultazzjoni mal-Aġenzija jew mal-avukati tal-għajnuna legali?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninsab infurmat li l-Aġenzija tal-Għajnuna Legali Malta (Legal Aid Malta Agency) ġiet ikkonsultata kemm dwar l-estensjoni ta’ dan is-servizz, kif ukoll meta ġie introdott il-kunċett ta’ għajnuna legali għal vittmi ta’ vjolenza domestika fl-Att dwar il-Vittmi tal-Kriminalità permezz tal-Att XIII tal-2018. Dan l-Att kien strumentali sabiex il-liġijiet ta’ pajjiżna fil-fatt saru konformi mal- Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika.
L-Aġenzija Apoġġ tat il-kontribut tagħha wkoll. Tlett avukati tal-għajnuna legali għal dan is-servizz ġew maħtura fl-24 t’April 2020 mill-Ministru tal-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza a tenur ta’ artikolu 89 tal-Kap 12 tal-Liġijiet ta’ Malta u n-nomenklatura tagħhom hija “Avukati tal-Ghajnuna Legali għall-vittmi ta’ vjolenza domestika”. L-Avukati l-ġodda huma Dr Richard Sladden, Dr Anita Giordimaina u Dr Juliana Scerri Ferrante.
Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni – karigi u uffiċċji battala
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx karigi jew uffiċċji battala fi ħdan il-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninsab infurmat li fir-rigward ta vaganza fil-Kummissjoni Permanenti Kontra il-Korruzzjoni li inħolqot matul ix-xahar li għadda minħabba mwiet, din ġiet mimlija fil-granet li għaddew hekk kif stipulat mill-liġi.
Ministeru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza — użu ta' karozzi jaħdmu bl-elettriku
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12993, jista' l-Ministru jgħid kemm hemm karozzi fil-flotta tal-Ministeru?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninsab infurmat li l-Ministeru jagħmel użu minn 89 karozza. Din il-figura tinkludi d-dipartimenti u l-entitajiet kollha li jagħmlu parti mill-Ministeru li jien responsabbli politikament għalih.
Att dwar il-Kummissarju għall-Ġustizzja – petizzjonijiet mressqa
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm tressqu petizzjonijiet taħt l-Att dwar il-Kummissarju għall-Ġustizzja Kap 291 tul is-sena 2017, 2018 u 2019, sena b’sena?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninsab infurmat li l-bord tal-petizzjonijiet irċieva petizzjonijiet hekk kif qed nuri hawn taħt:
SenaNumru ta’ Petizzjonijiet
201732,594
201825,265
201919,170
Ministeru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza — kuntratti mogħtija
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il kuntratt ingħata mill-Ministeru, aġenzija jew entità li taqa’ taħt id-dekasteru tiegħu, sa mill-1 ta’ Marzu 2020? Jista’ jgħid lil min ingħata kull kuntratt, jindika l-iskop tiegħu, jekk ingħatax wara sejħa jew le, u l-valur tal-kuntratt?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tispeċifika għal liema kuntratti qieghda tirreferi.
Abbozz tal-Liġi li jirregola l-Koabitazzjoni — konsulenzi u direct orders
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu flus mill-Gvern, inkluż mill-Ministeru tiegħu, sabiex inħema l-abbozz ta’ Liġi li jirregola l-Koabitazzjoni (2020), inkluż fuq konsulenzi? Kemm minn din in-nefqa kienet f’direct orders? Jista' jagħti rendikont lil min tħallsu dawn il-flejjes, u d-data? Jistax jgħid ukoll kemm hemm kontijiet pendenti x’jitħallsu għall-istess skop?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Ninforma lill-Onoreveli Interpellant illi l-Att tal-2020 dwar il-Koabitazzjoni kien Abbozzat mill-esperti legali fi ħdan id-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem. Għalhekk ma kien hemm ebda ‘’Direct Order’’.
Dan l-Abbozz ta’ Liġi ġie mfassal f’koordinament bi qbil mal-Kunsill Nutarili u l-Kamra tal-Avukati.
Ta’ min infakkar, illi dan l-Att hu parti minn sensiela twila ta’ riformi u liġijiet fil-qasam tal-Ugwaljanza li nħadmu minn esperti legali ingaġġati f’dan id-Direttorat. Liġijiet ġodda li fissru aħjar u li taw dinjita lil numru kbir ta’ ċittadini.
Uffiċċju ta' Informazzjoni/Komunikazzjoni tal-Qrti tal-Ġustizzja
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk jikkunsidrax li jara li jkun hemm Uffiċċju ta’ Informazzjoni/Komunikazzjoni tal-Qrati tal-Ġustizzja li jkun indipendenti mill-Gvern?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Kif jaf l-Onor. Membru l-Qrati tal-Ġustizzja huma ndipendenti mill-Gvern u l-Aġenzija dwar is-Servizzi tal-Qrati ġiet iffurmata ukoll biex issaħħah dik l-indipendenza ukoll fuq il-livell amministrattiv. Dan ifisser illi jekk il-qrati jiddeċiedu li jkollhom uffiċċju ta’ Informazzjoni, tal-Kommunikazzjoni jew tal-Midja dan ikun jaqa’ fil-qafas tal-qrati u tal-Aġenzija dwar is-Servizzi tal-Qrati u jkun professjonalment indipendenti mill-Gvern.
Kodiċi Kriminali — introduzzjoni ta' obstruction of justice
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk jistax jikkunsidra li fil-Kodiċi Kriminali jkun introdott id-delitt tal-intralċ jew ostaklu għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja (hekk imsejjaħ "obstruction of justice")?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Kif jaf l-Onor. Membru l-Kodici Kriminali jinkludi numru ta’ reati kontra l-amministrazzjoni xierqa tal-ġustizzja. Madankollu l-Gvern huwa dispost li jikkunsidra li jżid ma’ dawn ir-reati diment li dak li jiżdied ma jkunx jirdoppja dak li jeżisti diġa u jkun jilħaq il-grad ta’ ċertezza u kjarezza meħtieġa fil-kamp tad-dritt penali.